Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pavimentar f'toroq tal-Belt Valletta

Question

B'referenza għall-fatt li fil-jiem li għaddew inqala' l-pavimentar ta' Triq San Kristofru, Valletta bejn Strada Stretta u Triq ir-Repubblika; tenut kont li dan kien l-uniku paviment oriġinali tal-Kavallieri li kien fadal fil-Belt Valletta; tenut kont li dan evidentement inqala b'aggeggi goffi u mhux bl-iskop li jitqiegħed f'postu; tenut kont li evidentement l-iskuża li nġabet wara, jiġifieri li kienu se jinbidlu xi mains tal-ilma u s-slabs oriġinali kienu se jintefgħu lura f posthom, jista' l-Ministru jgħid: a) Għala nqalgħu dawn is- slabs ? b) Inkisrux xi slabs fil-proċess tat-tqattiegħ? ċ) Jikkonfermax li s-slabs oriġinali kollha se jerġgħu jintefgħu f'posthom? Meta se jsir dan? Fejn tqiegħdu s-slabs fil-frattemp? d) X'kien l-involviment tal-aġenzija Heritage Malta u s-sovraintendenza għall-patrimonju kulturali f'dan kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għalkemm huwa minnu li dan il-pavimentar huwa minn ta’ żmien il-kavallieri, dan kien fil-fatt inqala’ fl-1994 fejn kien sar xogħol ta’ tibdil fil-qlib tat-triq u kienu ukoll żdiedu l-bankini fuq kull naħa tagħha. Infurmat li ma ntużaw l-ebda aġġeġġi goffi sabiex jinqalgħu l-blokki tal-qawwi li kien hemm fit-triq u minflok intużat għodda tal-id li permezz tagħha dawn il-blokki setgħu jkunu llevati u b’hekk ma kienx hemm bżonn li jsir it-tqattiegħ li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant. Il-metodu li ntuża’ kien wieħed fejn il-blokki bdew jinqalgħu ringiela ringiela u jitqiegħdu fuq pellets immarkati b’numri sabiex imbagħad, wara li jsiru x-xogħlijiet meħtiega, jkunu jistgħu jitqiegħdu lura f’posthom. Fil-frattemp dawn il-blokki qed ikunu maħżuna fl-imħażen tar-Rehabilitation Project Office tat-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Jien infurmat li x-xogħol in kwistjoni kien meħtieġ li jsir għaliex il-parti tat-triq li nqalgħet kienet fi stat ħazin ħafna u nħasset il-ħtieġa li din tkun ristawrata filwaqt li jingħaddu s-servizzi kollha meħtieġa. Għal dan ix-xogħol ser jintuza biss ġebel tal-qawwi antik. Fil-każ tat-triq se jintuża dak li għadu kemm inqala’ fil-waqt li għall-bankini l-ġodda se jintuża ġebel antik tal-qawwi li għandu l-imsemmi Rehabilitation Project Office. Ix-xogħol kollu qed isir skont disinji u permessi approvati mill-MEPA. Ninsab infurmat ukoll li x-xogħlijiet saru wara li nħareġ il-permess tal-MEPA wara li din wettqet il-konsultazzjonijiet normali inkluż mal-entitajiet kompetenti dwar is-salvagwardja tal-wirt storiku.

Korporazzjoni Enemalta — arblu tad-dawl fix-Xatt tal-Melħ

Question

Tenut kont illi l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament huwa self employed fl-Industrija tal-Melħ u b'ittra tat-3 ta' Diċembru 2009 li qed tintbagħat separatament applika mal-Korporazzjoni Enemalta biex ikollu arblu tad-dawl qrib tax-Xatt tal-Melħ, tenut kont li arblu bħal dan jgħin lis-sajjieda biex ikunu jafu fejn hi l-art f'każ ta' maltemp, u li l-awtoritaijiet l-oħra kollha jaqblu ma' arblu bħal dan, tenut kont li l-Korporazzjoni Enemalta taqbel li jitwaħħal dan l-arblu imma għandha tħassib fuq it-tul involut bejn point u ieħor, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta tkunx disposta tagħmel dan l-arblu biex tgħin lil dan is-self employed li qatta' għomru u żmienu fl-Industrija tal-Melħ in linea mal-politika tal-Gvern tal-ġurnata li tassisti lis-self-employed apparti mill-ġid li din l-industrija tagħmel fuq il-pajsaġġ ta' pajjiżna?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba għal dawl fl-inħawi msemmija qiegħda tiġi kkunsidrata u għandha tintbagħat risposta lill-Kunsill Lokali fi żmien qasir.
Leg 11 PQ #15769 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

medjazzjonijiet quddiem il-medjatur fil-Qorti tal-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl aħħar sentejn (sena b'sena) kemm saru talbiet lir-reġistratur għall-medjazzjoni quddiem il-medjatur fil-qorti tal-familja? Kemm minn dawn it-talbiet wasslu għar-rikonċiljazzjoni tal-partijiet? Kemm minn dawn it-talbiet ġew konklużi mill-medjatur stante falliment tal-medjazzjoni? Kemm minn dawn it-talbiet wasslu għal separazzjoni bonarja? Kemm instemgħu medjazzjonijiet fl-aħħar sentejn (sena b'sena) mill-medjaturi skont l-isem tal-medjatur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Kampjonati Ewropej tal-Futbol

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jew tiċħad li l-Gvern Malti qiegħed juri interess preliminari illi jibbiddja, flimkien ma' pajjiż terz, biex jilqa' fi ħdanu edizzjoni futura tal-kampjonati Ewropej tal-futbol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Filwaqt li l-Gvern jinċentiva kull entità sportiva lokali biex iġġib kemm jista’ jkun attivitajiet sportivi internazjzonali f’pajjiżna, huma l-istess għaqdiet li jistgħu jibbidjaw biex ikunu jistgħu jorganizzaw dawn l-attivitajiet f’pajjiżna.

MCAST — Informazzjoni rigward studenti

Question

Tista' l-Ministru tindika kull student tal-MCAST f'liema sena tal-kors qiegħed, kors b'kors ,u tindika ukoll ir-raħal li kull student ġej minnu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola primarja ta' Wied il-Għajn — toilets

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk daħlux ilmenti dwar il-qagħda tat-toilets fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn, partikolarment minħabba l-indafa tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jiena infurmata li ma daħlu l-ebda ilmenti dwar il-qagħda tat-toilets fl-iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn.

Sport tat-trobbija tal-ħamiem

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kien hemm żviluppi fuq diversi talbiet minn dilettanti ta l-isport tat-trobbija tal-ħamiem biex din l-attività sportiva tiġi regolata? Hija konxja l-Ministru li minħabba dan in-nuqqas ta' regolamentazzjoni qed jirriżultaw vertenzi bejn id-dilettanti u n-nies li jgħixu fil-madwar li wasslu biex numru ta' dilettanti kellhom iżarmaw mit-trobbija tal-ħamiem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-issues pendenti li għandhom id-dilettanti tal-ħamiem huma mal-MEPA. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #15891 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

djalett Għawdxi — passi biex jiġi apprezzat, ikkonservat u interpretat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed isir fil-prattika biex id-djalett Għawdxi bil-varjazzjonijiet tiegħu (eż. tar-Rabat, tan-Nadur eċċ.) jiġi apprezzat, konservat u interpretat aktar?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-kwistjoni tad-djaletti mhix limitata biss għal Għawdex. Fil-fatt kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex jeżistu diversi forom ta' djaletti li għandhom jiġu aktar valorizzati u studjati minn entitajiet li għandhom ir-responsabilitajiet f'dan ir-rigward (eż. il-Fakultà tal-Malti fl-Università ta' Malta). Il-Ministeru għal Għawdex hu dejjem dispost li jgħin kull inizjattiva f'dan ir-rigward. Fil-fatt riċentament il-Kunsill Lokali ta' Kerċem flimkien mal-Assoċjazzjoni Versagħtini ta' Malta organizzaw festival tad-djalett u għana bil-għan li ssir valorizzazzjoni tad-djaletti tagħna. Il-Ministeru għal Għawdex ta l-għajnuna kollha tiegħu f'din l-attività. Minkejja dan, il-konservazzjoni tad-djaletti tibqa' dipendenti ħafna fuq l-individwi konċernati li jħossu l-importanza li jipprattikaw dawn id-djaletti u jgħadduhom lil uliedhom.

Steering Committee dwar l-użu tal-Forti Sant Iermu

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-isteering committee jew group li ġie mwaqqaf dwar l-użu tal-Forti Sant Iermu? Meta ġie appuntat dan il-kumitat? X'xogħol sar s'issa minn dan il-kumitat? Kemm-il darba ltaqa' dan il-kumitat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumitat ta’ St Elmo ġie mwaqqaf fil-11 ta’ Frar 2009, u l-membri tiegħu huma dawn:- Chris Paris Claude Borg Jesmond Schembri Joe Magro Conti Joseph Caruana Joe Said Mark Portelli Martin Galea Stephen Spiteri Dan il-kumitat iltaqa’ ħames darbiet matul is-sena 2009, il-membri kienu qegħdin jistudjaw il-pjanti li ġew sottomessi lill-MEPA, għall-permessi kif ġej:- PA02581/09 Valletta Removal of Non-Historic Accretions & emergency interventions. PA3524/09 Valletta Consolidation, Conservation and adaptive re-use of Fort St Elmo PA3526/09 Valletta Consolidation, Conservation and adaptive re-use of Carafa Enceinte PA4340/09 Valletta Consolidation and Conservation of Pinto stores, Esplanade, Officers Qrts & Ditch

Grand Harbour Regeneration Consortuim

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Grand Harbour Regeneration Consortium? Liema huma r-rapporti u l-istudji li kkummissjona l-Grand Harbour Regeneration Consortium, isem b'isem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru tiegħi ma għandux fir-responsabiltà tiegħu l-Consortium li qed isemmi l-Onor. Interpellant.

Wied il-Għajn — xogħol strutturali biex titwessa t-triq

Question

Peress li l-individwu li dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li jikri tomna u nofs raba' mingħand persuna privata f'Wied il-Għajn hekk kif tgħaddi r-Razzett tal-Ħbiberija u peress li l-Awtorità dwar it-Trasport għamlet xogħol strutturali biex titwessa' t-triq u fil-mori tax-xogħol qaċċtulu ħames siġriet tal-ħarrub (liema prodott tagħhom kien irendi introjtu) u warrbu għal fuq ir-raba' tiegħu gzuz ta' ħamrija b'mod li tilef il-wiċċ tar-raba' (u għalhekk ma setax jużufruwixxi mid-dħul li wieħed jinkassa mill-frott de quo), jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex lest jagħti kumpens għad-danni sofferti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta irreferiet il-każ lid-Dipartiment tal-Agrikoltura li qed jevalwa t-talba in kwistjoni.

tonn esportat lejn pajjiżi esteri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie esportat tonn lejn pajjiżi esteri xahar b'xahar fl-aħħar ħames snin? Lejn liema pajjiżi? Min kienu l-produtturi lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-esportazzjoni tat-tonn minn Malta lejn pajjiżi differenti għal dawn l-aħħar ħames snin. L-NSO qiegħed jispeċifika żewġ kwalifiki importanti rigward din l-informazzjoni: - Iċ-ċifri għas-sena 2009 għandhom jitqiesu bħala provviżorji ħafna; - Dettalji dwar il-produtturi lokali (it-tielet parti tal-mistoqsija) ma jistgħux jingħataw mill-NSO, għar-raġuni li dan l-Uffiċċju huwa marbut bil-liġi tal-iStatistika li jissalvagwardja l-kunfidenzjalità ta’ l-informazzjoni individwali.

konsulta fiċ-ċentri tas-saħħa u fid-dipartiment tal-emerġena ta' Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm persuni marru għall-konsulta xahar b'xahar fl-aħħar sena: a) fiċ-ċentri tas-saħħa, ċentru ċentru? b) fid-Dipartiment tal-Emerġenza Sptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma l-Onor Interpellant li d-dettalji mitluba qiegħdin jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #15639 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' titjib tal-Mediterranean Conference Centre

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha, inkluż id-dokumentazzjoni relattiva, li għaddiet bejn il-Gvern u l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament dwar proġett ta' titjib tal-Mediterranean Conference Centre? Xi stima inizjali għandu l-Gvern dwar kemm ikun jiswa dan ix-xogħol kif prospettat mill-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X'pariri oħra kellu l-Gvern dwar ir-revamp tal-Mediterranean Conference Centre? Minn min? B'kemm flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba qed tinġabar u tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

training tal-istaff diplomatiku ta' Malta

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'kien il-ħlas li ħa l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għall-konsulenza li għamel u t-training li ta lil uħud mill-istaff diplomatiku ta' Malta? Għalfejn intgħażel dan l-individwu? Kien hemm xi shortlisting qabel ma ntgħażel? Jekk iva, min kienu l-ismijiet l-oħra? Għalfejn fl-aħħar mill-aħħar intgħażel dan l-individwu? Minn min?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi għal mistoqsijiet parlamentari 15157 u 15563 fejn diġà ngħatat tweġiba.
Leg 11 PQ #15641 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Servizz ta' ajruplan żġħir bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern għall-proposta tal-Kamra tan-negozju Gożitana għall-bini ta' airstrip? Wara d-debacle tas-soċjetà Helisureste u l-għoti tas-servizz ta' ajruplan żgħir bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr, tista' tgħid kemm-il titjira saret kuljum bejn Malta u Għawdex mit-tluq tal-Helisureste sal-lum? Meta hu maħsub li jibda jopera s-servizz ta' ajruplan twin engine li jieħu 17-il passiġġier u li kellu jibda jitlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kif imwiegħed? Tista' ukoll tispjega x'inhi l-qagħda tal-heliport żbandat illum? Kif qed tiġi utilizzata din iż-żona u kemm qed jonfoq il-Gvern biex imantni din iż-żona? Għandu pjan biex jutilizza din iż-żona? Kif?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri konċernati.

Eurosong Maltija — nuqqas ta' fondi

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jew tiċħad ir-rapporti li dehru fil-ġurnali elettroniċi fis-sens li t-tim li se jippromwovi l-Eurosong hu mifni minn nuqqas ta' fondi, tant li Miss Thea Garrett m'hijiex se tipparteċipa f'shows Ewropej u lanqas m'hu se jsirilha video uffiċjali li jakkumpanja d-diska?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-fondi approvati għall-Eurovision Song Contest huma l-istess bħas-sena l-oħra. Għaldaqstant it-tim tal-EuroSong mhux mifni min-nuqqas ta’ fondi. Il-PBS qed tagħmel dak kollu possibli biex Thea Garrett tipparteċipa f’ shows madwar l-Ewropa biex tingħata pubbliċità bi tħejjija għal Eurovision Song Contest. Barra minn dan nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li għall-ewwel darba l-PBS qed tagħmel użu estensiv mill-mezzi teknoloġiċi moderni bħal internet , Facebook u Twitter. Għal promozzjoni tal-kantanta qed tintuża ukoll l- website tal-European Broadcasting Union, l-organizzazzjoni li ttella’ l-Eurovision Song Contest.

KSU fl-Università ta' Malta — rappreżentanza

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar is-sistema elettorali li tintuża preżentament (first past the post) biex ikun elett il-KSU fl-Università? Huwa kuntent bl-istatus quo? Jaqbel li, minflok, tintuża sistema li tassigura iktar rappreżentanza bħal dik ta' rappreżentanza proporzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill tal-iStudenti Universitarji (KSU) u l-elezzjonijiet fi ħdanu huma rregolati mill-istatut tal-istess Kunsill. L-organizzazjonijiet studenteski kollha fl-Universita’ għandhom l-opportunità li jressqu l-proposti tagħhom fil-Kummissjoni tal-Politika Soċjali, fil-Kumissjoni Edukazzjoni u anke fil-Laqgħa Ġenerali Annwali li hija l-ogħla istituzzjoni tal-Kunsill tal-iStudenti. Għaldaqstant, il-Gvern m'għandux jintervjeni fil-mod li bih jitħaddem il-KSU skont l-istatut li jirregolah u fl-interess ġenerali tal-korp studentesk.