Life Long Learning u Youth In Action — sospensjoni
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta kienet il-ġurnata li hi saret taf li l-Unjoni Ewropea kienet qed thedded li tissospendi l-fondi għall-programmi Life Long Learning u Youth In Action? Kif saret taf? Qabel dik il-ġurnata ħadd mill-uffiċjali tal-aġenzija nazzjonali jew l-Awtorità Nazzjonali jew xi ħadd ieħor ma nfurmaha li Malta kienet fix-xifer li titlef dawn il-fondi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministru saret taf li l-Unjoni Ewropea kienet qed thedded li tissospendi l-fondi għall-programmi Youth in Action u Lifelong Learning, fit-3 ta’ Mejju 2010 mill-Aġenzija Nazzjonali, waqt laqgħa li talab b’urġenza l-Ko-Ordinatur tal-Aġenzija. Qabel din id-data ma waslet l-ebda nformazzjoni għand il-Ministru li kienet tindika li Malta kienet riesqa lejn sospenzjoni temporanja tal-programmi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nies ħadu l-vaċċin tal-H1N1? Kemm-il vaċċin xtara l-Gvern Malti? B'liema prezz? Kemm-il vaċċin spiċċa ma ntużax? X'sar mill-vaċċini li ma ntużawx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
In-numru ta’ dożi ta’ vaċċin kontra l-influwenza pandemika li ngħataw bejn l-2009 u l-2010 kien ta’ 92,043. In-numru ta’ dożi li għandhom maħżuna huwa ta’ 239,620.
Bħalissa għadu qed jiġi evalwat x’jista jsir minn dawn id-dożi u deċizjoni tkun tista’ tittieħed wara li l-informazzjoni neċessarja minn sorsi internazzjonali dwar fatturi ta’ risku tkun stabbilita.
Peress li l-kuntratt mal-kumpannija GSK jistabbilixxi li tali prezz ma jiġix magħmul pubbliku, mhux possibbli li tingħata l-informazzjoni dwar l-ispiża involuta iżda nista’ ngħid li n-nefqa totali kienet ta’ bejn l-€2,500,000 u t-€3,000,000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern in vista tal-proċess kriminali msejjaħ "trafigura ag" fil-Qrati Olandiżi dwar toxic waste li allegatament ġie prodott f'Malta waqt li l-gasoline blending and storage tanker, il-Probo Koala, kien qiegħed fix-xtut tagħna anke meta wieħed iqis li f'Wied il-Għajn (Hurd's Bank) sa ftit jiem ilu kien hemm sorguti 15-il tanker ieħor ta' dan it-tip? Ħass il-ħtieġa l-gvern li jagħmel spezzjonijiet fuq dawn it-tankers? Għandu obbligazzjonijiet il-gvern li jinvestiga ħadmiet ta' toxic waste? X'għamel il-gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ajruplan ġie reġistrat sena b'sena fl-aħħar għaxar snin fir-Reġistru Nostran? Ta' liema tip? Kemm daħħal flus il-gvern minn dawn ir-reġistrazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għar-riklami tal-Korporazzjoni Enemalta bit-titlu "nothing is cleaner than the truth" u l-verżjoni bil-Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm-il riklam bl-Ingliż u bil-Malti deher s'issa? Kemm huma ppjanati li jidhru? Kemm hi l-ispiża globali li ntnefqet s'issa? Kemm hi l-ispiza globali li mistennija tintnefaq sal-aħħar tal-kampanja ta' riklamar?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Peress li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u martu, madwar għaxar snin ilu akkwistaw maisonette bi ġnien miegħu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u dan b'seħħ ta' kuntratt tal-15 ta' Novembru 2001 (in atti Not. C. Vella Zarb) mill-poter ta' terzi peress li hu indikat fil-pjan regolatur li l-għalqa de quo għandha tgħaddi triq minnha; peress li f'Novembru li għadda intervjeniet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u qabdet u naddfet kompletament il-ġnien mill-fjuri u siġar li safrattant laħqu ġew kultivati entro dawn id-disa' snin u anke inqered bir li kien jinsab hemmhekk; peress li t-triq li għandha tiġi proġettata tgħaddi direttament fuq bini skedat (il-Knisja ta' Apap Bologna) u minn fid-diżabitat; peress li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qabdet u fetħet passaġġ minn ġol-ħajt tas-sejjieħ fejn fl-ewwel ritratt hemm ċirku mmarkat fil-ħajt tas-sejjeħ, jista' l-Prim Ministru jgħid:
Għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qerdet dan il-ġnien?
Fiex wasal il-proċess tal-mogħdija ta' din it-triq?
Għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħolqot aċċess pubbliku minn fuq dan il-ġnien?
X'diffikultà jsib il-Gvern li l-konjugi jerġgħu jagħmlu ġnien u dan meta wieħed iqis li llum il-post sar maħmuġ u kollu ġrieden u ħmieġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għandha bżonn site plan biex tindika b’mod inekwivoku l-lokalità li fuqha titratta l-mistoqsija parlamentari bir-referenza PQ 16349.
Dipartiment tal-Mużewijiet — Katakombi fi Triq tal-Barrani
Question
Peress li fil-bidu tas-snin disgħin waqt xogħlijiet li kienu qed isiru fit-Triq tal-Barrani kien instab katakombi, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport arkeoloġiku li kien sar mid-Dipartiment tal-Mużewijiet jew is-Superintendent għall-Wirt Kulturali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ir-rapport arkeoloġiku u xjentifiku tal-iskavi tal-katakombi Kristjan tal-Barrani għadu fi stadju ta’ kompilazjoni. Xogħol ta’ dan it-tip jieħu ħafna żmien sabiex jitlesta għal livelli akkademiċi mixtieqa, b’diversi elementi jirrikjedu ħafna riċerka li tieħu snin ta’ studji u kollaborazjoni ma’ esperti f’diversi oqsma. Bħalissa qed isir programm sħiħ ta’ xogħol post-skavi (post excavation), li jinkludi fost oħrajn il-preparazjoni ta’ fuħħar għal studju dettaljat, il-preparazjoni finali ta’ numru kbir ta’ pjanti, elevazjonijiet u illustrazjonijiet, analiżi ta’ DNA antika, analiżi ta’ datazjoni permezz ta’ Carbon Dating, ta’ stratigrafija u ta’ fuħħar u studju dettaljat osteoloġiku tal-għadam uman. Ftit minn dan ix-xogħol qed isir b’kollaborazjoni ma’ laboratorji speċjalizzati barranin, u ma’ diversi studjużi tal-arkeoloġija Kristjana.
Ħaġar Qim u Imnajdra — ċelebrazzjoni għal ftuħ taċ-ċentru tal-vizitaturi u t-tined
Question
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fis-7 ta' Gunju, 2010 se jkun hemm il-ftuħ taċ-ċentru tal-vizitaturi u t-tined ta' Ħagar Qim u ta' l-Imnajdra? X'ċelebrazzjonijiet se jsiru? Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jsiru in house jew inkella se jitqabbad xi ħadd minn barra Heritage Malta biex jieħu ħsiebhom? Jekk iva, min? F'kull każ x'se tkun l-ispiża minfuqa fuq dawn iċ-ċelebrazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Proġett ta’ Ħaġar Qim li jikkonsisti f’bini ta’ tined protettivi fuq it-tempji ta’ Ħaġar Qim u ta’ l-Imnajdra kif ukoll bini ta’ ċentru għall-viżitaturi tlesta. Grazzi għal dan il-proġett qed inħarsu t-tempji minn ħsara ambjentali u ser noffru esperjenza aħjar lill-eluf ta’ viżitaturi li jżuru dawn it-tempji. Dan il-proġett sar b’ko-finanzjament mill-Fondi Reġjonali tal-Unjoni Ewropea.
S’issa, id-data tal-ftuħ uffiċjali għadha mhiex stabbilità.
soluzzjoni għat-trab iswed f'diversi inħawi ta' Malta
Question
Jista' l-Prim Ministru jaġġorna lill-Parlament dwar il-ħidma li saret mit-tekniċi tal-gvern fl-aħħar xhur biex tiġi solvuta l-problema tat-trab iswed fiż-żoni tal-Fgura, Raħal Ġdid, Tarxien u l-madwar? X'soluzzjoni sabu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jaqra r-rapport li tqiegħed fuq il-mejda tal-kamra mill-Onorevoli Prim Ministru fil-25 ta’ Novembru 2009, u li qiegħed ukoll fuq is-sit elettroniku tal-MEPA http://www.mepa.org.mt/file.aspx?f=4212. Minn dak in-nhar sal-llum kompla jsir il-moniteraġġ kif rakkomandat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk saritx talba jew xi tip ta' abbokkament mill-gvern Malti mal-Unjoni Ewropea għall-otteniment ta' fondi komunitarji b'rabta mal-bini tat-teatru bla saqaf u l-parlament il-ġdid? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha f dan is-sens, inkluż ir-rapport tal-kummissjoni tal-esperti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Peress li ħdejn il-Magħluq f'Wied il-Għajn hemm tabella li tindika li għaddej proġett ta' tindif, jista' l-Prim Ministru jgħid lill-Parlament x'xogħol sar fil-Maghluq? Kemm intnefqu flus, fiex u x'rapporti saru biex jispjegaw x'xogħol kellu jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li xogħol ta’ tindif ġewwa l-Magħluq isir fuq bażi regolari, ġewwa l-għadajjar infushom kif ukoll fil-madwar. Sfortunatament, ħafna drabi dawn l-għadajjar jiġu esposti għall-atti rresponsabbli ta’ tfiħ ta’ skart ġewwa fihom.
Kemm minħabba l-importanza ekoloġika tas-sit kif ukoll minħabba l-aspett soċjali u turistiku tiegħu, il-Magħluq ġie mdawwar b’
wire fencing
u inħadmet xatba ġdida sabiex minbarra li jitnaqqas it-tfiħ ta’ skart, jiġi llimitat l-aċċess.
S’issa ntefqu total ta’ €2,300 apparti spiża oħra relatata ma’ tindif u tneħħija ta’ annimali u
rodent control
.
Minħabba s-sensittività ekoloġika tal-magħluq, kull xogħol li jsir, isir b’kollaborazzjoni mal-fergħa ambjentali tal-MEPA.
librerija tal-Università — kotba under lock and key
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux veru li hemm kotba fil-librerija tal-Università, bħal dawk tal-Iskoċċiż Irvine Welsh, li jinżammu f żona ristretta under lock and key? X'jisimhom dawn il-kotba u x'jismu l-awtur ta' kull ktieb? Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni? Kif jingħażel ktieb jekk għandux jinżamm under lock and key? Tħoss il-Ministru li deċiżjonijiet bħal dawn imorru kontra l-ispirtu tal-ħsieb ħieles kontenut fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-Bibljoteka tal-Universita` hemm numru ta’ kollezzjonijiet illi matul is-snin dejjem ġew ikkunsidrati bħala closed access. Dawn il-kollezzjonijiet ikopru l-pubblikazzjonijiet kollha tal-kotba dwar Malta (Melitensia), il-kotba tal-arti, id-depożiti tal-manuskritti, xi xogħlijiet ta’ referenza, u l-kotba ta’ natura prezzjuża, rari, u dawk li m'għadhomx jiġu stampati. Dan il-ġeneru ta’ materjal, li nċidentalment jinkludi kopja malandata ta’ Irvine Welsh huwa ttrattat bħala closed access biex jiġi mħares aħjar mill-vandaliżmu, serq, tqatiegħ, jew misplacements qalb kotba oħra; imma żgur mhux bħala mezz ta’ ċensura jew restrizzjoni. Tant hu hekk illi diversi kitbiet, bħalma huma ix-xogħlijiet ta’ De Sade, jinsabu ukoll fuq l-ixkaffi tal-kollezzjonijiet open access tal-istess Bibljoteka.
Bħal-bqija tal-kollezzjonijiet kollha tal-Bibljoteka tal-Università il-materjal
closed access
jista’ jiġi faċilment identifikat mill-katalgu elettroniku tal-istess Bibljoteka (OPAC) u ma hemm assolutament ebda diffikultà biex dan il-materjal jintalab biex ikun ikkonsultat mill-istudenti universitarji u akkademiċi. Il-Bibljoteka tal-Università temmen bis-sħiħ fl-aċċess tal-informazzjoni u l-arkivjar ta’ għerf il-bniedem għall-ġejjieni, u dan b’ mod speċjali fl-ambjenti akkademiċi tat-tagħlim u r-riċerka.
Kunċert Isle of MTV — Opportunita għall-kantanti u artisti Maltin
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, in vista tal-kunċert annwali Isle of MTV li jsir kull sena f'Malta, isirux taħditiet bejn il-gvern Malti jew l-awtoritajiet Maltin u l-MTV dwar il-kontenut popolari ta' dawn il-kunċerti? Sar sforz biex ir-rabta bejn l-MTV u Malta tkun tali li jinfetħu opportunitajiet ġodda għall-kantanti pop u artisti tagħna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-direzzjoni artistika tal-Isle of MTV hija f’idejn l-MTV. Wieħed irid jiftakar li qed nitkellmu fuq kunċert li jintwera fuq l-istazzjonijiet kollha tal-MTV. L-MTV għalhekk jagħżlu artisti li għandhom appell wiesgħa u li jolqot il-gosti tal-udjenzi li jsegwu l-istazzjon MTV madwar l-Ewropa kollha.
segretarju ġenerali tal-partit — allegazzjonijiet ta' korruzzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-segretarju ġenerali tal-partit tiegħu, li ismu qed jintbagħat separatament, kienx f xi żmien informah bl-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-proċess ta' privatizzazzjoni tal-facilitajiet tas-superyachts tat-Tarzna appena jew f xi żmien wara li l-istess segretarju ġenerali sar jaf b'dawn l-allegazzjonijiet f 'Settembru li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Apparti li jidhirli din il-mistoqsija tmur kontra l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex igħaddi kull informazzjoni li għandu lil Kummissarju tal-Pulizija li bħalissa għaddej b’investigazzjoni li saret fuq talba tiegħi.
B'referenza għall-iskola tal-mużika Johann Strauss, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-complement ta' għalliema u kemm hemm studenti attwalment skont is-suġġett rispettiv? Kemm nefaq flus il-gvern f 'din l-iskola sena b'sena mill-2007 sal-lum u fiex intnefqu? Jista' jgħid meta l-iskola tal-mużika se tiġi upgraded għal-akkademja tal-mużika skont kif imwiegħed? Jista' jgħid ukoll jekk il-gvern għandux ħsieb jirriloka l-iskola tal-mużika għall-post ieħor iktar addattat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17764.
Kampanja ta' Marketing — Proġett ta' estensjoni tal-power station
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16293, jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-ispiża ta' €8,500 msemmija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid illi għalkemm l-ispejjeż kienu mistennija jlaħħqu €8,500, fil-fatt ġew inqas u ġew ilaħħqu s-somma ta’ €8,050.
B'referenza għad-diesel li jinġieb mill-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-istess korporazzjoni fuq ordnijiet tad-dwana qed tħallat l-istess diesel b'kimika biex jingħaraf li dan id-diesel huwa dak importat mill-Korporazzjoni Enemalta (national marker) minħabba problema ta' kuntrabandu ta' diesel li kien qed jidħol? X inhi eżattament din il-kimika? Sar studju biex naraw jekk din il-kimika additiva tagħmilx ħsara lill-ambjent u/jew il-bniedem
a) weħidha; u
b) kif imħallta diesel?
Min għamel dawn l-istudji? X jiġri meta d-diesel bin-national marker jinħaraq? Ikun hemm impatti negattivi?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid, in vista ta' kummenti li saru minn nies bħal, persuna li dettalji qed jingħataw separatament, li mxew fuq rapporti tal-esperta, li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fejn intqal li min jgħix bil-paga minima ta' €152 irid bilfors jiċċaħħad minn ħafna affarijiet bażiċi biex jgħix, jekk il-gvern hux beħsiebu jaġġusta 'l fuq il-paga minima biex għallinqas toqrob l-ammont aċċettabbli skont l-istess studji? Kemm hawn nies jaħdmu bil-minimum wage f pajjiżna? X inhi d-differenza tal-minimum wage u l-ogħla tip ta' relief?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-paga minima nazzjonali tiżdied awtomatikament bis-saħħa taż-żieda għall-għoli tal-ħajja li tingħata mill-Gvern fil-budget ta’ kull sena.
Ma’ dan inżid ukoll li d-differenza bejn il-paga minima nazzjonali u l-ogħla rata ta’ għajnuna soċjali mħallsa għal żewġ persuni hi ta’ €52.53 fil-ġimgħa. Madanakollu dawk il-persuni bil-paga minima nazzjonali kif ukoll dawk li jirċievu xi tip ta’ għajnuna soċjali, huma intitolati għal diversi benefiċċji oħra bħal ma huma l-
Allowance
għat-Tfal, l-Għajnuna Supplimentari kif ukoll il-Benefiċċju għall-Enerġija.
Id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali ma jżommx statistika ta’ kemm hawn persuni li jaħdmu bil-paga minima nazzjonali.
applikazzjoni tal-proġett ta' żvilupp f'Ħondoq ir-Rummien
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-gvern tiegħu u allura tar-rappreżentanti tiegħu fuq il-bord tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar rigward l-applikazzjoni tal-proġett ta' żvilupp f'Ħondoq ir-Rummien tenut kont tal-oppożizzjoni murija mill-Gvern Lokali tal-Qala?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-applikazzjoni msemmija, u dwar l-applikazzjonijiet l-oħra sottomessi lill-MEPA, hija li jħalli f’idejn il-MEPA sabiex tiddeċiedi skont il-liġi u ma jindaħalx fil-vot partikolari tal-membri.
B'referenza għall-iskola tal-mużika Johann Strauss, tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-complement ta' għalliema u kemm hemm studenti attwalment skont is-suġġett rispettiv? Kemm nefaq flus il-gvern f 'din l-iskola sena b'sena mill-2007 sal-lum u fiex intnefqu? Tista' tgħid meta l-iskola tal-mużika se tiġi upgraded għal-akkademja tal-mużika skont kif imwiegħed? Tista' tgħid ukoll jekk il-gvern għandux ħsieb jirriloka l-iskola tal-mużika għall-post ieħor iktar addattat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.