Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baċellerat fl-Istudji tar-Restorazzjoni u Konservazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tispjega r-raġuni għalfejn il-kors li jwassal għall-Baċellerat fl-Istudji tar-Restorazzjoni u Konservazzjoni li kien isir fl-Institute of Conservation and Management of Cultural Heritage u li minn din is-sena l-parti mgħallma ġiet trasferita għal mal-Fakultà tal-Arkittettura, ġie deċiż illi ma jiftaħx għal din is-sena mingħajr ma kien avżat tal-inqas sena minn qabel, speċjalment meta tqis li dan il-kors għadu jiġi reklamat kemm fil-website tal-Università kif ukoll dik tal-Institute of Conservation and Management of Cultural Heritage? Tista’ tispjega x’se jiġri minn dawk l-istudenti li għal sena sħiħa ppreparaw biex iġibu l-kwalifiki neċessarji biex jidħlu għal dan il-kors? Ma taħsibx illi din l-azzjoni mill-Università hija fiha nnifisha inġusta u li se tikkawża stress żejjed fuq dawn l-istudenti? Tista' l-Ministru tintervjeni sabiex din is-sena dan il-kors jiftaħ regolarment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

laqgħat dwar l-emendi għal-liġi tal-Gaming

Question

Jista' il-Ministru jispjega x'laqgħat uffiċjali kellu dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming, ma' min, fejn saru l-laqgħat u f'liema dati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-laqgħat uffiċjali li permezz tagħhom wasalna għall-emendi għal-liġijiet tal-gaming, saru fuq tul ta’ żmien, kienu ħafna, u f’diversi okkażjonijiet, kien hemm ħafna laqgħat li saru mal-istess persuni jew entitajiet. Fost l-entitajiet li l-Ministeru ltaqa’, kien hemm l-Awtorità tal-Lotteriji u Logħob, il-Malta Standards Authority, il-Pulizija, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, is-Sedqa, Caritas, il-Knisja, il-MEPA, il-Grupp Parlamentari Laburista, il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, u l-Kabinett. Dawn il-laqgħat kienu jinkludu ukoll l-avukati tal-awtorità kif ukoll dawk esterni fil-kapacità ta’ konsulenti tekniċi fil-qasam.

San Vinċenz de Paule — ħlas tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jindika kif jinħadem il-ħlas tal-anzjani li jinsabu San Vincenz de Paule? Għalfejn hemm anzjani li jispiċċaw iħallsu l-pensjoni kollha bil-bonus b'kollox meta l-politika tal-gvern hi li dawn iħallsu 80%?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li skont l-Att tas-Sigurtà Soċjali, ir-residenti għandhom jikkontribwixxu 80% tal-pensjoni, inkluż l-għajnuna soċjali u bonuses li jirċievu, u wkoll 60% ta’ kull qliegħ ieħor. Madankollu il-kontribuzzjoni li ssir mir-residenti tinħadem b’mod li tħalli għad-dispożizzjoni tagħhom mhux anqas minn €1,400.00. Jekk resident jonqos milli jħallas l-ammonti ta’ 60% dovuti minn qligħ ieħor wara li jkun notifikat biex jagħmel dan mill-Gvern, l-ammonti dovuti jiġu mnaqqsa mid-differenza ta’ 20% tal-pensjoni.
Leg 11 PQ #18380 Sitting 240 2010-06-21 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Heritage Malta — bad debts

Question

B'referenza għas sena 2009, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm Heritage Malta għandha bad debts fuq il-kotba tagħha? Min huma d-debituri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #18381 Sitting 240 2010-06-21 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forum Unions Maltin

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega għaliex il-Forum Unions Maltin, li jinkorpora fih fost l-iktar unions importanti fil-pajjiż u madwar 11,000 membru, ma ġiex approvata t-talba tiegħu li jidħol membru tal-MCESD?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar it-talba tal-ForUM (Forum Unions Maltin) biex tissieħeb fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD) kienet u għadha l-istess. Il-Gvern jaqbel li l-ForUM tissieħeb fl-MCESD iżda dan għandu jsir bil-kunsens tal-membri u l-imsieħba l-oħra. Dan għaliex meta twaqqaf l-MCESD u l-mod kif twaqqaf, inkluż l-ammont ta’ membri tiegħu, sar b’konsensus bejn il-Gvern u l-imsieħba socjali. Din il-pożizzjoni diġà kienet espressa f’ittra li l-Gvern bagħat lill-President tal-ForUM John Bencini fl-20 ta’ Frar li għadda. F’dik l-ittra l-Gvern iddikjara li: “...m’għandu assolutament l-ebda oġġezzjoni li jara l-ForUM fl-MCESD iżda ma jistax jimponi fuq il-membri tal-MCESD il-parteċipazzjoni tagħha. L-MCESD twaqqaf bi qbil bejn il-Gvern, l-għaqdiet ta' min iħaddem u l-Unions tal-Ħaddiema, li hu ffurmat minnhom. “Il-Gvern kien qabel mal-membri tal-MCESD li kull tkabbir fi ħdan l-MCESD irid isir bil-kunsens tal-membri kollha u ma jistax jikser kelmtu billi jimponi tkabbir fl-MCESD b’mod arbitrarju. L-MCESD kien ġie ffurmat ukoll b’mod li jirrappreżenta bilanċ delikat bejn min iħaddem u l-ħaddiema, u huwa bilanċ li jeħtieġ li jinżamm. Jekk fl-MCESD ikun hemm qbil ma' dak mitlub mill-għaqda tiegħek, il-Gvern lest li jressaq l-emendi li hemm bżonn bla dewmien.” Minn din il-pożizzjoni tal-Gvern ma nbidel xejn tant li waqt laqgħa tal-MCESD li saret nhar il-Ġimgħa il-Gvern issuġġerixxa li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma fi ħdan l-MCESD stess biex jiddiskuti t-talba tal-ForUM dwar sħubija fl-MCESD. Dan il-Kumitat seta’ jirrakkomanda li tinbidel il-liġi biex jiżdiedu l-membri fl-MCESD. Din il-proposta ma ntlaqgħetx mir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti u għalhekk dan il-kumitat ta’ ħidma ma twaqqafx. Illum fl-MCESD hemm żewġ membri mill-GWU, membru mill-UĦM, membru mis-CMTU, membru mill-GRTU, żewġ membri mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriża, membru tal-MEA, u membru mill-MHRA. Ladarba kien hemm qbil kważi unanimu li ma jkunx hemm tibdil, il-Gvern ma jistax jaqbad u jimponi bidla fil-kompożizzjoni tal-MCESD fuq l-imsieħba soċjali l-oħra. Il-Gvern jirrispetta l-ftehim li għandu mal-imsieħba soċjali fi ħdan l-MCESD u għandu l-obbligu li jonorah. Tajjeb inżid li xhur ilu l-Gvern għamel offerta biex b’mod immedjat din l-għaqda ta’ unions tidħol fil-MEUSAC. Is-sħubija tal-Forum fil-MEUSAC tista’ sseħħ immedjatament għaliex il-kompożizzjoni tal- Core Group saret b’ deċiżjoni unilaterali tal-Gvern meta dan ġie rikostitwit ftit aktar minn sena u nofs ilu. Għalhekk m’hemm xejn xi jżomm lill-Gvern milli jibdel jew iżid il-membri fuq il- Core Group tal-MEUSAC fejn jiġu diskussi l-issues kollha relatati mal-Unjoni Ewropeja inkluż direttivi u regolamenti li jkunu ser jiġu addottati mill-istess UE liema ligjiet meta jigu approvati japplikaw ukoll għal pajjiżna.

Korporazzjoni Enemalta — Petroleum Distribution Operation

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għall-privatizzazzjoni tal-Petroleum Distribution Operation tal-Korporazzjoni Enemalta? Apparti B.B. Energy u alliance oil, liema kumpaniji oħrajn urew interess f'din il-privatizzazzjoni? Min qed jieħu ħsieb il-proċess ta' due diligence?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #18383 Sitting 240 2010-06-21 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Atti illegali minn segretarju permanenti

Question

In vista tal-aħbar li dehret fil-ħarġa tal-ġurnal It-Torċa tat-13 ta' Ġunju, 2010 fejn intqal li żagħżugħ intalab jagħmel pjaċir sesswali lis-segretarju permanenti fl-uffiċċju ta' eks Ministru biex jidħol jaħdem mal-gvern; tenut kont li jekk dawn il-fatti huma minnhom jammontaw għal xi ħaġa inaċċettabbli u ta' stmerrija u kundanna kbira; tenut kont li affarijiet bħal dawn m'għandhom qatt jiġu aċċettati fiċ-ċivil, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-każ hux qed jiġi investigat mill-pulizija u jekk il pulizija sabux xi suspett raġjonevoli f 'xi persuni dwar l-għemil tal-atti illegali suiċċitati? Jista' jgħid ukoll jekk tressqux diġà jew jekk hux se jitressqu nies il-qorti, inkluż nies li huma jew kienu maċ-ċivil?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li ma hemmx dubju li abbużi bħal dawn huma ta’ stmerrija u m’għandhom qatt ikunu aċċettati, inħeġġeġ lil kull min għandu xi tagħrif li jista’ jgħin sabiex isir magħruf min wettaq dawn l-abbużi, sabiex ifittex iwassal tali tagħrif lill-Pulizija. Ninsab però infurmat illi matul l-investigazzjonijiet li għamlet il-Pulizija dwar abbużi sesswali li sofrew żgħażagħ li kienu jgħixu fl-istitut imsemmi fl-artikolu tal-gazzetta ċitat mill-Onorevoli Interpellant, ebda wieħed mill-vittmi li ġew għand il-Pulizija ma għamel xi referenza jew allegazjoni kif allegat fl-istess artikolu.

Sexual Health Policy Drafts

Question

In vista tal-fatt li l-gvern fl-aħħar approva s-sexual health policy draft li ngħata lilu mill-esperti tal-gvern stess, u in vista tal-fatt li din il-policy għandha l-għan, fost oħrajn, li jiżdiedu l-programmi li jkollhom l-għan li jnaqqsu t-tqala fost it-teenagers u/jew l-unintended pregnancies, jista' l-Ministru jgħid fil-prattika x'se jsir biex jintlaħqu dawn il-miri importanti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li dak li ġie approvat mill-Gvern hija politika Nazzjonali li trid tiġi segwita matul is-snin li ġejjin biex ikun hemm titjib fis-saħħa sesswali tal-poplu u permezz ta’ dan ikun hemm tnaqqis fin-numru ta’ tqala mhux mixtieqa speċjalment fost iż-żgħażagħ kif ukoll tnaqqis tal-mard trasmess sesswalment. Dan irid jintlaħaq permezz ta’ programmi li jippromwovu s-saħħa, tisħiħ u aġġornament tal-edukazzjoni fuq is-saħħa sesswali fl-iskejjel, tisħiħ fis-servizzi tas-saħħa offruti kif ukoll aktar riċerka u sorveljanza f’dan il-qasam.

Tennis Court u Football pitch

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18027 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u ċioe: Int u dieħel l-Imdina mill-gate prinċipali, hemm tennis court u football pitch 5-a-side, hemm ukoll football pitch 9-a-side fejn Greeks Gate (in-naħa ta' wara tal-Imdina) u peress li jidher li hemm pjanijiet biex it-tennis court u il-5-a-side pitch jitneħħew għal kollox, hemm ukoll il-pjan li anke in-9-a-side football pitch jitneħħa. Għall-ewwel kien hemm il-ħsieb li t-tennis court u il-5-a- side pitch jiġu trasferiti minflok il-pitch tan-9-a-side però issa jidher li lanqas hekk m'hu se jsir, tista' l-Ministru tgħid jekk hux vera li hemm pjanijiet biex jitneħħew dawn il-faċilitajiet sportivi u fuq liema bażi qed tittieħed id-deċiżjoni? Jekk dawn il-faċilitajiet se jitneħħew, kemm tagħmel sens din id-deċizjoni meta tqis li madwar Malta kollha hemm diversi clubs u kunsilli li qegħdin jinvestu f'faċilitajiet sportivi u f'pitches 5-a-side tat-turf?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-Ministeru qiegħed iħejji pjanijiet għar-riabilitazzjoni tal-foss tal-Mdina, li matul iż-żminijiet ingħata funzjonijiet li jikkompromettu l-importanza storika ta’ dan il-post. Fost id-deċiżjonijiet li ttieħdu hemm dik li qed issir rilokazzjoni tal-funzjonijiet sportivi għal spazji oħra ġa eżistenti, deċizjoni bbażata ukoll fuq il-fatt li l-użu ta’ dawn il-faċilitajiet kien wieħed minimu. B’hekk il-foss se jingħata lura d-dehra li tixraqlu, kif ukoll se jinbidel fi spazju Pubbliku għall-użu u t-tgawdija ta’ kulħadd.

Fgura — riabilitazzjoni ta' Wied Blandun

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jirriabilita Wied Blandun fil-Fgura li bħalissa jinsab fi stat mitluq, bil-ħmieġ u l-ġrieden, partikolarment il-parti li tagħti fuq Triq A.M. Valperga Bormla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Paramedic Aides Decontamination

Question

B'referenza għas-sejħa li saret fil-15 ta' Diċembru, 2009 mill-Gvern ta' Malta biex jimpjega Paramedic Aide (Decontamination), jista' l-Ministru jgħid: a) kemm il-Gvern ta' Malta fil-15 ta' Diċembru, 2009 kien jeħtieġ Paramedic Aides (Decontamination); b) kemm fil-fatt intgħażlu Paramedic Aides (Decontamination) fit-tmiem tal-proċess; ċ) kemm applikaw kandidati għal dan il-post; u d) fuq liema kriterji ntgħażlu l-Paramedic Aides (Decontamination)?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-proċess tal-għażla għall-imsemmi post għadu taħt il-gurisdizzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

European Personnel Selection Office

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il employment vacancy ħadu ħsieb l-entita' Maltija akkreditata mill-European Personnel Selection Office fl-aħħar sentejn biex Maltin jidħlu jaħdmu fi ħdan il-civil service tal-Unjoni Ewropea? Kemm applikaw Maltin għal kull sejħa u kemm intgħażlu?

Response (BORG, TONIO)

Ma teżisti ebda entita' Maltija li hija akkreditata mill-ESPO sabiex tittratta dwar postijiet vakanti għall-impjieg. Postijiet vakanti huma ppubblikati direttament mill-ESPO u individwi japplikaw b'mod dirett. L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant mhix fil-pussess tal-Gvern Malti.

uffiċjali tal-gvern li se jattendu għall-World Cup

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il uffiċjal tal-gvern, inkluż kwalunkwe persuna li għandha rabta diretta mal-gvern, se jattendi għall-World Cup fis-South Africa? F'liema kapaċità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’hemm ebda uffiċjal tal-Gvern jew persuna li għandha rabta diretta mal-Gvern fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja li se tattendi għall-World Cup fis-South Africa, f’kapaċità uffiċjali.

estenzjoni tar-renewable energy targets

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Parlament jekk il-gvern iddiskutiex diġà mal-Unjoni Ewropea il-possibilità li jitlob estensjoni għar-renewable energy 2020 targets wara li kollox jidher li l-gvern se jfalli milli jilħaq il-miri? Jista' jinforma lill-Parlament xi żviluppi kien hemm dwar il-proġett ta' wind farm fis-Sikka l-Bajda u jekk kienx hemm xi findings ġodda mill-esperti tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Gvern qatt ma ddikjara f’xi dokument uffiċjali li mhux ser jilħaq l-miri stabbiliti mill-Unjoni Ewropeja. Għidna dejjem lill-Unjoni Ewropeja iżda li għandna limitazzjonijiet geofiżiċi li jagħmluha aktar diffiċli f’każ li l-options li qed ikunu kkonsidrati jiġu eliminati, biex wieħed imur għal alternattivi. Dwar is-Sikka l-Bajda nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 17835.
Leg 11 PQ #18137 Sitting 237 2010-06-15 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — proposta għal windfarm

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex dwar il-proposta ta' windfarm fil-kosta tat-Tramuntana t'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li bħalissa għaddej xogħol ta' analiżi u evalwazzjoni fuq din il-proposta.

Atletika

Question

B'referenza għall-atletika, tista' l- Ministru tgħid: a) Kemm attendew nies matul il- weekend tal-kampjonat nazzjonali tal-ateltika organizzati mill-MAAA; b) Kemm ipparteċipaw atleti b'kollox? Ta' liema età u sess? Minn liema raħal kienu ġejjin; ċ) Kemm kienu l-premjijiet fi flus għal dawk li rebħu l-kategoriji rispettivi; d) Kemm hu l-complement ta' coaches u staff tekniku fil-qasam tal-ateltika li jitħallsu mill-gvern? X'jisimhom? X'nazzjonalità għandhom? Kemm jitħallsu? X'jgħallmu; e) X'inċentivi hemm għat-tfal u żgħażagħ tagħna u għall-ġenituri tagħhom biex l-istess tfal u żgħażagħ jipparteċipaw fl-atletika; f) Kemm intnefqu flus f'marketing biex jiġi promoss l-avveniment tal-kampjonati nazzjonali tal-atletika; g) Kif jgħin il-gvern fil-qasam tal-atletika; ġ) X'sar minnu l-pjan li t-track tal-atletika tal-Marsa tiġi rijabilitata u mtejba; h) Kemm jiswa x-xogħol ta' rranġar fit-track li qed isir bħalissa? Għaliex qed isir dan ix-xogħol? Min se jħallsu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsijiet A, B, C, D, F u H jikkonċernaw direttament lill-Assoċċazzjoni tal-Atletika li hija entità awtonoma u indipendenti. E) Il-ġenituri tat-tfal li jattendu għal taħriġ tal-atletika ma’ klabbs reġistrati mal-Kunsil Malti għall-Isport igawdu minn benefiċċji fiskali fuq il-ħlas li jitolbu l-klabbs tal-assoċjazzjoni. g) Il-Kunsill Malti għall-iSport sabiex jinkoraġixxi l-isport tal-atletika joffri taħriġ fl-atletika bħala parti mid-diversi programmi tiegħu fosthom KMS SkolaSport, KMS Girls on the Move, KMS Active Youngsters. Għajnuna oħra mill-Gvern fil-qasam tal-Atletika tingħata permezz tal-iskemi tal-KMS iddedikati għal klabbs u assoċjazzjonijiet sportivi, fosthom l-iskema 20/20 Sport Training Leave għall-atleti biex itejbu l-prestazzjonijiet tagħhom b’aktar ħin dedikat għat-taħriġ tagħhom, ħlas ta’ memberships fil-Fitness Centre Tal-Qroqq għall-Atleti elite skont l-għażla tal-assoċjazzjoni konċernata, art u proprjetà tal-Gvern, fondi għal titjib fil-faċilitajiet.
Leg 11 PQ #18152 Sitting 237 2010-06-15 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Eco Gozo

Question

In vista tal-viżjoni Eco-Gozo, apparti t-tindif tal-widien u l-irrangar tal-irdieden, tista' l-Ministru tgħid: a) liema rħula Għawdxin se jilħqu l-livell ta' zero-carbon villages , b'liema mezz u sa liema żmien? b) liema toroq se jkunu smart roads fis-sens li jiffaċilitaw l-użu tar-roti? ċ) jekk hux se jkun hemm stallazzjonijiet ta' faċilitajiet waste to energy? Jekk iva, fejn u meta? d) jekk hux se jkun hemm stallazzjonijiet ta' alternative energy units bħal wind to energy units, solar to energy eċċ.? Fejn? Kemm? Sa liema żmien? e) kemm enerġija jikkonsma Għawdex kollu kull sena? In linea tal-viżjoni ta' gżira ekoloġika, x'targets għandu l-gvern biex persentaġġ qawwi ta din l-enerġija tiġi kreata minn renewable sources? f) jekk hux se jkun hemm servizzi ta' kwalità ta' trasport pubbliku li jniġġżu inqas l-ambjent bħal electricity-powered city cabs eċċ.? Meta u f'liema rħula?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għad-dokument 'Eco-Gozo: a better Gozo - Proposed Action 2010 - 2012' li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta tad-9 ta' Novembru 2009, li fih hemm elenkati dawk il-proposti li l-Gvern bi ħsiebu jwettaq fis-sentejn li ġejjin.

Unjoni Ewropea — fondi komunitarji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17767 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk saritx talba jew xi tip ta' abbokkament mill-gvern Malti mal-Unjoni Ewropea għall-otteniment ta' fondi komunitarji b'rabta mal-bini tat-teatru bla saqaf u l-parlament il-ġdid? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha f dan is-sens, inkluż ir-rapport tal-kummissjoni tal-esperti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 17111.

kumpaniji li huma blacklisted

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kumpaniji li huma blacklisted mill-gvern u għalhekk ma jingħatawx kuntratti tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill- Onorevoli Interpellant li qabel ma jiġu ffirmati kuntratti ta' ċertu valur mid-Dipartiment tal-Kuntratti, l-operaturi ekonomiċi jintalbu jissottomettu ċertifikati mil-qrati kif ukoll mid-Dipartimenti tat-taxxa, bħal dak tal-VAT, Taxxi Interni u tad-Dwana. Dawn iċ-ċertifikati jridu jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku ma nstabx ħati ta' xi aggravju professjonali serju, jew li huwa fallut u qiegħed taħt amministrazzjoni appuntata mill-Qorti, jew li qiegħed fi proċeduri għal dikjarazzjoni ta' falliment jew qiegħed f' xi arrangamenti mal-kredituri. Hemm il-ħsieb li dawn iċ-ċertifikati jiġu estiżi għal diretturi ta' kumpaniji u jinkludu wkoll deċiżjonijiet meħuda mill-qrati fuq akkużi ta' frodi. Min-naħa l-oħra id-Dipartimenti tat-taxxa jridu jiddikjaraw li l-operatur ekonomiku huwa aggornat fil-ħlasijiet tat-taxxi inkluż il-ħlas tas-sigurta soċjali.

kotba storiċi li għandhom bżonn tiswija

Question

Tista' l-Ministru telenka l-kotba storiċi li jinsabu fil-pussess tal-gvern li jeħtieġu tiswija urġenti? Kemm tiswa din it-tiswija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bibljoteka Nazzjonali bħalissa qed tagħmel eżerċizzju fejn qed tinġabar l-informazzjoni dwar il-kotba storiċi li jinsabu fil-pussess tal-Gvern li jeħtieġu tiswija urġenti u kemm tiswa din it-tiswija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kotba li jeħtieġu restawr urġenti, li nġabret s’issa.