Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #18947 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Imġarr Għawdex — kondizzjonijiet tal-privatizzazzjoni tal-marina

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru għal Għawdex in vista tal-kondizzjonijiet tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr Għawdex favur is-soċjetà Harbour Management Limited, senjatament dawk li manifestament jimmilitaw kontra s-sidien tal-opri tal-baħar u dgħajjes żgħar tal-Għawdxin stess? Kemm se jiswa l-użu u l-irmiġġ fil-Marina tal-Imġarr? Se jkun jista' jibqa' jsir għawm fiż-żewġ bajjiet ta' taħt il-marina?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-privatizzazzjoni tal-yacht marinas ġiet diskussa fuq livell ta' Kabinett. Għat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar din il-materja nirreferi lill-istess Interpellant għall-Press Release Nru. 0970 bit-titlu 'Investiment Ġdid mill-Privat Fil-Marina tal-Imġarr Għawdex'.
Leg 11 PQ #18950 Sitting 251 2010-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kwestjoni rigward delitti ambjentali

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara jekk huwiex minnu li nhar it-23 ta' Ottubru 2006, meta l-Ministri ta' l-Ambjent tal-Unjoni Ewropea iltaqgħu fil-Lussemburgu għall-ewwel miż-żewġ kunsilli organizzati mill-presidenza Finlandiza tal-Unjoni Ewropea u li fiha l-Kummissarju Stavros Dimas ta' dak iż-żmien kien anke kkommetta ruħu li jippreżenta proposta għal direttiva fuq id-delitti ambjentali per konsegwenza tal-istragi tal-Probo Koala - fejn allegatament ħafna mill-iskart tossiku li eventwalment wassal biex mietu u mardu nies innoċenti fil-Cote d'Ivoire ġie prodott waqt li l-vapur kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna - Malta kienet l-uniku pajjiż li opponiet li jiġu riveduti l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar "transfontier waste shipments"? Għaliex ittieħdet din il-pożizzjoni? Għandu records il-gvern Malti li l-Probo Koala kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna jew addirittura fit-Territorial Waters tagħna fix-xhur preċedenti għal dawk t'Ottubru 2006? Kemm-il darba ġie Malta l-Probo Koala? Kien hemm xi ħadd minn ħdan l-awtorità responsabbli mis-sigurtà tal-baħar li ġibed l-attenzjoni tal-gvern li seta' kien qiegħed isir caustic washing fil-Probo Koala, jew kellu xi tip ta' informazzjoni f'dan is-sens il-Gvern Malti f'Ottubru 2006? Kien hemm xi awtorita oħra, bħall-MARPOL u oħrajn, li ġibdet l-attenzjoni ta' Malta li sar xi caustic washing fuq xi vapur fil-Contiguous Zone jew territorial Waters tagħna bejn l-2005 u l-2010? Meta l-Gvern Malti beħsiebu jirratifika l-BAN amendments għall-Basel Convention on trade in hazardous waste? Għaliex għadu ma rratifikax dawn l-emendi minkejja li l-Unjoni Ewropea nnifisha rratifikathom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

kwestjoni rigward delitti ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara jekk huwiex minnu li nhar it-23 ta' Ottubru 2006, meta l-Ministri ta' l-Ambjent tal-Unjoni Ewropea iltaqgħu fil-Lussemburgu għall-ewwel miż-żewġ kunsilli organizzati mill-presidenza Finlandiza tal-Unjoni Ewropea u li fiha l-Kummissarju Stavros Dimas ta' dak iż-żmien kien anke kkommetta ruħu li jipprezenta proposta għal direttiva fuq id-delitti ambjentali per konsegwenza tal-istragi tal-Probo Koala - fejn allegatament ħafna mill-iskart tossiku li eventwalment wassal biex mietu u mardu nies innoċenti fil-Cote d'Ivoire ġie prodott waqt li l-vapur kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna - Malta kienet l-uniku pajjiż li opponiet li jiġu riveduti l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar "transfontier waste shipments"? Għaliex ittieħdet din il-pożizzjoni? Għandu records il-gvern Malti li l-Probo Koala kien qiegħed fil-Contiguous Zone tagħna jew addirittura fit-Territorial Waters tagħna fix-xhur preċedenti għal dawk t'Ottubru 2006? Kemm-il darba ġie Malta l-Probo Koala? Kien hemm xi ħadd minn ħdan l-awtorità responsabbli mis-sigurtà tal-baħar li ġibed l-attenzjoni tal-gvern li seta' kien qiegħed isir caustic washing fil-Probo Koala, jew kellu xi tip ta' informazzjoni f'dan is-sens il-Gvern Malti f'Ottubru 2006? Kien hemm xi awtorita oħra, bħall-MARPOL u oħrajn, li ġibdet l-attenzjoni ta' Malta li sar xi caustic washing fuq xi vapur fil-Contiguous Zone jew territorial Waters tagħna bejn l-2005 u l-2010? Meta l-Gvern Malti beħsiebu jirratifika l-BAN amendments għall-Basel Convention on trade in hazardous waste? Għaliex għadu ma rratifikax dawn l-emendi minkejja li l-Unjoni Ewropea nnifisha rratifikathom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Recruitments mal-MITA

Question

B'referenza għar-recruitments li saru fis-sena 2009 u 2010 mal-MITA, jista' l-Ministru jgħid: a) liema kienu r- recruitments li saru permezz ta' external calls u liema kienu f kull każ il-pożizzjonijiet u s-salarji; b) liema kienu r-recruitments li saru permezz ta' internal callsu liema kienu f kull każ il-pożizzjonijiet u s-salarji? F'kull każ x kienu d-dipartimenti relattivi u l-kwalifiki rikjesti (occorrendo) għal dawn il-posts? ċ) liema kienu d-direct appointments li saru mingħajr sejħa u x'kienu l-pożizzjonijiet u s-salarji f'kull każ? F'kull każ x'kienu d-dipartimenti relattivi u l-kwalifiki rikjesti? Fuq liema kriterji nħarġu dawn il-posts?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

laqgħat dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11315 u jispjega x'laqgħat uffiċjali kellu dwar l-emendi għal-liġi tal-gaming, ma' min, fejn saru l-laqgħat u f'liema dati?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11315.

riklami tal-Korporazzjoni Enemalta

Question

B'referenza għar-riklami tal-Korporazzjoni Enemalta bit-titlu "nothing is cleaner than the truth" u l-verżjoni bil-Malti, jista' l-Ministru jgħid kemm-il riklam bl-Ingliż u bil-Malti deher s'issa? Kemm huma ppjanati li jidhru? Kemm hi l-ispiża globali li ntnefqet s'issa? Kemm hi l-ispiza globali li mistennija tintnefaq sal-aħħar tal-kampanja ta' riklamar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kien hemm 18 –il riklam bl-Ingliż u 19-il riklam bil-Malti. M’hemmx pjanat li jidhru iktar. L-ispiża globali hi dik ta’ Eur24,179.26. Din il-figura tkopri il-kampanja ta’ informazzjoni kollha.

Dragonara Casino

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk rigward ir-restaurant, kċina u l-bar tad-Dragonara Casino ingħatax permess li dawn jingħataw f'idejn operatur li m'għandux x'jaqsam mal-Casino? Tenut kont tal-fatt li r-restaurant minn mindu fetaħ il-casino, dejjem tmexxa mill-kumpanija li tkun qeda tmexxi l-istess casino, u r-restaurant minn dejjem kien complimentary għal gaming, jista' l-Ministru jikkonferma jekk di fatti kienx hemm bidla f'dan ir-rigward?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta tingħata f’seduta oħra.

Bini ta' farm ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tkun il-pożizzjoni ta' raħħal li se jwaqqa' l-farm tiegħu b'mod komplet u japplika biex jibni farm ġdid taħt l-iskema magħrufa bħala one to one tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu interim? Peress li bejn it-twaqqigħ tal-farm u l-ftuħ tal-farm ġdid jgħaddu faċilment sentejn, kif raħħal ikun jista' jmantni lilu nnifsu u lill-familja tiegħu, anke tenut kont tal-fatt li jekk huwa jirreġistra għall-għajnuna soċjali, ikollu 10 punti mnaqqsa meta jiġi biex japplika għal full assistancei taħt l-iskema one to one? Jaħseb il-Gvern li għandu jwieżen lir-raħħala tagħna għall-perijodu interim bejn it-twaqqigħ tal-farm u l-bini tal-farm l-ġdida?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa ħabbart pubblikament u anke fil-Parlament, il-bdiewa u r-raħħala li bbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja tal-Miżura 121 relatata ma’ titjib u modernizzar ta’ strutturi agrikoli qegħdin jingħataw iċ-ċans li jieħdu ħlas bil-quddiem sa 50% tal-għajnuna dovuta lilhom. Huma jistgħu jitolbu rifużjoni sa 80% tal-ispejjeż relatati mal-proġett u jirċievu 80% tal-għajnuna finanzjarja. Huwa biss l-aħħar 20% tal-għajnuna li titħallas mat-tlestija tal-proġett fi tmien it-tmintax-il xahar obbligati bil-kuntratt jew qabel. Dawn l-arranġamenti finanzjarji ġew offruti lill-bdiewa u raħħala sabiex ikollhom aktar flus f’idejhom u b’hekk ikunu f’pożizzjoni li jlestu l-investiment fl-iqsar żmien possibbli.

Arms Ltd — kiri ta' uffiċini

Question

Jista' Ministru jikkonferma jekk ARMS Ltd. xtratx jew krietx xi uffiċċju jew uffiċini ġodda fil-Belt Valletta u jekk jista' jindika l-post fejn se jkun u meta se jiftaħ għall-konsumaturi biex ikunu moqdija aħjar?

Response (FENECH, TONIO)

Ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Marsascala Football Club — talba għal użu ta' grawnd

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament jekk intlaqgħetx it-talba ta' Marsascala Football Club li jittrenjaw f'xi grawnd ta' skola proprjetà tal-Gvern taħt l-iskema tal-KMS? Jekk iva, f'liema grawnd? Kemm hu kbir dan il-grawnd? F'liema ġranet? B'kemm ħlas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Marsascala FC ser jagħmlu użu mill-Ground tal-Kulleġġ San Benedittu taħt waħda mill-iskemi tal-Kunsill Malti għall-iSport. Il-ground f’dan il-Kulleġġ huwa 9 a side. Il-ġranet u l-ħinijiet allokati għax xhur ta’ Lulju u Awwissu huma nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn is-18.00 u is-19.30. Il-ħlas se jkun ta’ €15.00 għal kull sessjoni ta’ siegħa u nofs li jfisser li l-klabb se jibbenefika minn sussidju ta’ €30.35 fuq kull sessjoni. Fix-xahrejn ta’ Lulju u Awwissu s-sussidju totali ser ikun ta’ €546.30

skola primarja ta' Marsaskala — żvilupp tal-grawnd

Question

Tista' l-Ministru tindika jekk min-naħa tal-Gvern hemmx xi diffikultà biex jingħata l-kunsens biex il-grawnd tal-iskola primarja tal-Gvern ta' Wied il-Għajn jiġi żviluppat f'5 a side pitch/es? Jekk iva, x'inhi d-diffikultà? Jekk le, għaliex hemm dewmien biex jingħata dan il-kunsens biex il-proġett ikun jista' jibda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport fadallu xi punti li jrid jiddiskuti mal-kunsill lokali rispettiv. Jekk ikun hemm qbil, il-kuntratt finali bejn iż-żewġ partijiet ikun jista’ jiġi ffirmat u għaldaqstant ikun jista’ jibda x-xogħol biex jiġi stallat il-5 a side pitch.

leġizlazzjoni fiskali dwar donazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi skemi ta' inċentivi hemm fil-leġislazzjoni fiskali tagħna fir-rigward ta' donazzjonijiet li jsiru minn (a) persuni naturali u (b) persuni legali (kumpaniji eċċ.) għal finijiet sportivi? Il-gvern għandu statistika ta' kemm ġew donati flus minn (a) persuni naturali u (b) persuni legali fl-aħħar sena taħt dawn l-iskemi? Għal liema sports?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din il-mistoqsija parlamentari, l-Avviż Legali 159 tal-2008 kien daħħal fis-seħħ miżura sabiex meta kumpanija tagħmel donazzjoni lil xi atleta jew lil xi korp regolatorju sportiv tkun intitolata għal tnaqqis mill-income tagħha fis-sena li fiha ssir id-donazzjoni. Din id-donazzjoni trid tiġi ċċertifikata mill-Kunsill Malti għall-Isport u l-massimu tat-tnaqqis huwa ta’ 60,000 ewro. B’hekk, dan l-Avviż Legali japplika biss għal persuni legali u mhux persuni naturali. Mill-informazzjoni li għandu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni, jirriżulta li l-ebda kumpanija ma bbenifikat minn din it-tip ta’ skema.

Malta blacklisted mill-awtoritajiet Taljani

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li pajjiżna għadu fuq il-blacklist tal-awtoritajiet Taljani bħala wieħed minn dawk il-pajjiżi meqjusin bħala tax havens minkejja li bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra ilna li qlibna għall-onshore financial services centre għal snin sħaħ? X’qed jwassal għal dan u x’ġustifikazzjoni jġibu l-awtoritajiet Taljani biex jiġġustifikaw l-atteġjament tagħhom? X’rappreżentazzjonijiet saru tul is-snin u anke reċentement mill-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji u mill-Gvern Malti nnifsu mal-awtoritajiet Taljani? Kemm hemm stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea li għadhom fuq din il-blacklist Taljana? Pajjiżna jinstab fuq il-blacklist ta' xi pajjiżi oħrajn dwar l-istess ħaġa, kemm fi stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea jew f’pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea kemm ġewwa u barra il-kontinent Ewropew?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. interpellant u nispjega illi il-lista fil-liġi fiskali taljana li qed jirreferi għaliha mhix lista ta’ tax havens imma lista ta’ pajjiżi li fil-ġudizzju tal-awtoritajiet fiskali Taljani xi aspetti tas-sistemi fiskali ta’ pajjiżi fuq il-lista jistgħu jagħtu lok għall-abbuż fir-rigward ta’ taxxi. Malta tikkontesta u ilha tikkontesta din ir-regola li hija waħda purament domestika u mhix regola li ħarġet mill-Unjoni Ewropeja. Kif ġa aċċennajt, saru matul dawn l-aħħar snin - u għadhom qed isiru - tentattivi u diskussjonjiet anke f’livelli għolja sabiex Malta titneħħa minn din il-lista u minflok tiġi inkluża f’ white list għall-iskopijiet tal-liġi domestika fiskali Taljana. Il-miżura taljana hija kontestata ukoll għaliex Malta u l-Italja diġa jistgħu liberament jibdlu u jiskambjaw dik l-informazzjoni li tkun meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali. Għalkemm kien hemm indikazzjonijiet li l-awtoritajiet Taljani lesti jagħmlu dan, sfortunatament sa issa ir-riżultat għadu ma intlaħaqx u l-isforzi jibqgħu għaddejjin. Minix f’pożizzjoni li nagħti l-informazzjoni mitluba dwar xi listi f’pajjizi oħrajn madwar id-dinja, u dwar liema pajjiżi huma jew mhumiex f’listi simili. Iżda, biex nikkonkludi, u sabiex inpoġġi id-domanda f’kuntest aktar wiesgħa, wieħed għandu jiftakar illi is-sistema tat-taxxa ta’ Malta kienet ġiet ikklerjata mill- Code of Conduct (Business) Taxation Group , li l-Italja ukoll tagħmel sehem tagħha, u għalhekk ġiet meqjusa bħala sistema li ma tikkostitwix jew ma tikkomprendix a harmful tax practice . Apparti dan, fl-aħħar rapport tal-OECD Global Forum li ħareġ f’April 2009 dwar l-iskambju effettiv ta’ informazzjoni għal skopijiet ta’ taxxa, Malta ġiet imqegħda fil- white list , u cioe ġiet ċertifikata bħala li tilħaq l- istandards internazzjonali rikjesti f’dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #18729 Sitting 248 2010-06-28 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

żviluppi dwar is-serqa ta' biċċa ġebla mill-qamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament jekk kienx hemm żviluppi dwar is-serqa ta' biċċa ġebla mill-qamar li kienet ġiet regalata mill-President Amerikan Richard Nixon lil Malta, liema serqa kienet saret mill-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali tal-Imdina, li hu mmexxi minn Heritage Malta, fit-18 ta' Mejju, 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Dragonara Casino — tibdil fit-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru, b'referenza għad-Dragonara Casino, jgħid - issa li l-preferred bidder ġie dikjarat - x'se jkunu l-kondizzjonijiet li bihom il-preferred bidder se jieħu l-pussess temporanju u/jew il-ġestjoni tad-Dragonara Casino? Veru li hemm pjanijiet li l-entertainment li s'issa għadu jiġi provdut fil-bar area se jispiċċa u minflok se jkun hemm iktar slot machines fil-bar area? Veru li s-servizz tal-catering se jonqos drastikament? Għaliex il-ħaddiema ma ġewx ikkonsultati dwar it-takeover li ġejja għajr li l-casino se jingħalaq għal 15-il jum? Se jkun hemm tnaqqis tal-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema jew addirittura fil-headcount tal-ħaddiema? Veru li se jitneħħew il-part-timers?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi għalkemm in-negozjati mal-operatur il-ġdid qegħdin fi stadju avvanzat, s’issa għadhom ma ġewx finaliżżati. Għalhekk huwa prematur f’dan l-istadju li jingħata rendikont tal-kundizzjonijiet li jistgħu ikunu applikabbli fill-konċessjoni il-ġdida. Kif mitlub fid-dokument tar- Request for Proposals (RFP), l-operatur il-ġdid se jkun marbut li jimpjega miegħu l-ħaddiema kollha ta’ Dragonara Casino Ltd u Casma Ltd. Barra minn hekk l-operatur il-ġdid se jkun marbut ukoll li joffri kundizzjonijiet tax-xogħol mhux inqas favorevoli minn dawk li għandhom il-ħaddiema fil-preżent, u li ma jtemmilhomx l-impjieg sakemm mhux għal raġunijiet permessi bil-liġi. Fir-rigward tal-ammont ta’ mwejjed u magni tal-logħob u fejn se jitpoġġew, l-operatur il-ġdid se jkun marbut li jsegwi r-regoli imposti mil-Lotteries and Gaming Authority (LGA). L-użu permess għall-operat ta’ dan in-negozju huwa ta’ stabbiliment ta’ casino b’faċilitajiet anċillari li jinkludu catering u entertainment , kif ukoll attivatijiet oħra relatati ma’ stabbiliment tal-logħob, suġġett dejjem li jinġabu l-permessi meħtieġa. L-operatur għandu jopera dan in-negozju bl-aħjar ġudizzju, sforzi u abilitajiet tiegħu biex imexxi l-istess operat b’effiċjenza u b’mod diliġenti sabiex ikompli jtejjeb ir-reputazzjoni tal-post u jattira aktar nies; kif ukoll li jara li ma jsir xejn li hu kontra l-liġi f’dan l-istabbiliment.

estensjoni tal-power station ta' Delimara — multa lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern biex jimponi multa ta' €20 miljun fuq il-BWSC peress li din is-soċjetà kummerċjali ħbiet numru ta' dettalji meta mliet it-tender għall-estensjoni tal-power station f'Delimara, senjatament meta ma ddikjaratx li l-kumpaniji li se jaħdmu għaliha kienu jew huma involuti f'każi ta' korruzzjoni bħal ABB, Siemens u Wartsila?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru talab formalment lill-Attorney General għal opinjoni formali fuq il-materja.

Skejjel Primarji — Assistenti kapijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu maħsub li jirtiraw Assistenti Kapijiet sa Awwissu fl-iskejjel primarji dan is-sajf? Kemm hu maħsub li hemm bżonn kapijiet tal-iskejjel primarji dan is-sajf? X'se jiġri minn dawk li għaddew mill-intervisti għall-Assistenti Kapijiet u mhux se jidħlu sa Settembru li ġej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa Awwissu li ġej se jirtiraw ħames (5) Assistenti Kapijiet fl-iskejjel Primarji. Fl-iskejjel Primarji hemm bżonn ta’ sitt (6) Kapjiet f’Malta u tlieta (3) f’Għawdex. Ir-riżultat tal-intervisti għal Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Primarji jiskadi fit-3 ta’ Settembru 2010. Dan ifisser li r-riżultat tal-Intervisti għal Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Primarji ma jibqax jgħodd u jibda l-proċess biex toħrog sejħa oħra.

call for applications għal paramedic aides

Question

B'referenza għall-paramedic aides, peress li qed jingħad li se jintalbu għal iktar paramedic aides u li dalwaqt se tiftaħ call for application oħra; peress li diġà kien hemm intervista oħra u kien hemm kandidati li għaddew mill-interview u baqgħu barra; jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-ewwel interview huwiex se jibqa' jgħodd u għal kemm żmien? Għaliex se jerġa jkun hemm proċess ġdid u ma jiġux assunti l-kandidati li għaddew mill-ewwel intervista imma baqgħu barra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — diesel

Question

B'referenza għad-diesel li jinġieb mill-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-istess korporazzjoni fuq ordnijiet tad-dwana qed tħallat l-istess diesel b'kimika biex jingħaraf li dan id-diesel huwa dak importat mill-Korporazzjoni Enemalta (national marker) minħabba problema ta' kuntrabandu ta' diesel li kien qed jidħol? X inhi eżattament din il-kimika? Sar studju biex naraw jekk din il-kimika additiva tagħmilx ħsara lill-ambjent u/jew il-bniedem a) weħidha; u b) kif imħallta diesel? Min għamel dawn l-istudji? X jiġri meta d-diesel bin-national marker jinħaraq? Ikun hemm impatti negattivi?

Response (FENECH, TONIO)

Hu ikkonfermat li mis-sitta u għoxrin ta’ April tas-sena elfejn u għaxra (26 April 2010) bdiet tiżdid kimika msejħa ‘National Marker’ mad-diesel u xi fjuwils oħra li jintużaw lokalment. Dan skond l-avviż legali sitta u disgħin tas-sena elfejn u għaxra (LN96 – 2010). Minn informazzjoni miksuba mid-Dwana, ir-riskji għas-saħħa u l-ambjent u l-prekawzjonijiet li għandhom bżonn jittieħdu huma deskritti fil- Materials Safety Data Sheets li qed jitpoġġew fuq il-Kamra tal-Kamra flimkien ma’ nota dwar Regolament Nru. 1272/2008 maħruġa skond Regolament 1907/2006 tal-Parlament u l-Kunsill Ewropew u li ġew imqassma lil kull operatur fil-kamp tal-fjuwil. Il-prodott huwa magħmul minn 99% idrokarburi normali bħala solvent u 1% kimika attiva u l-prodott jitħallat fi proporzjon ta’ għoxrin parti ma’ kull miljun parti fjuwil, jiġifieri għal dak li huwa prodott attiv, parti waħda ma’ kull 5,000,000 parti fjuwil. Il- Materials Safety Data Sheets jagħtu deskrizzjoni sħiħa tal-komponenti tal-prodott flimkien mar-regolamenti li japplikaw għalihom, u istruzzjonijiet dwar kif ghandha tiġi żgurata s-sigurta’ ta’ min qiegħed jaħdem bih u l-effetti fuq is-saħħa u l-ambjent. L-indikazzjonijiet murija juru li l-kimika speċifika hija inqas imprekattiva mid-diesel innifsu.
Leg 11 PQ #18395 Sitting 241 2010-06-22 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapport lill-Kummissjoni Ewropea rigward l-istaġun tal-kaċċa

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li l-Gvern Malti kien obbligat jibgħat lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien erba' ġimgħat mill-għeluq tal-istaġun tal-kaċċa li din is-sena sar bejn l-24 t'April u t-30 t'April?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li huwa opportun li dan ir-rapport ikun pubbliku f’dan l-istadju.