Sea Malta — ħlasijiet dovuti lill-ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-ħlas tan-notice money jew xi ħlasijiet oħra dovuti lill-ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-baħar ma' Sea Malta? Wara aktar minn ħames snin li għalqet is-Sea Malta x'għad fadallu jieħu l-gvern mingħand debituri u x'ghad fadallu jagħti bhala kreditur? X'ammont u lil min?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Istralċjari tas-Sea Malta jixtiequ jinfurmaw li l-każ tal-ħaddiema li kienu jaħdmu fuq il-baħar għadu sub judice u għal daqstant, mhumiex f'pożizzjoni li jissottomettu l-informazjoni rikjesta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-debituri u tal-kredituri.
Wied il-Għajn — tkomplija ta' bini mill-Awtorità tad-Djar
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta se jitkompla l-bini mill-Awtorità tad-Djar fi Triq Thomas Ashby stante li x-xogħol ilu wieqaf madwar tlett snin u kulma sar pedamenti u tħalliet ħofra enormi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Inħarġet sejħa għall-offerti biex jinbena dan il-proġett u għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar qed tippjana li x-xogħlijiet ikunu jistgħu jinbdew kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena għall-manutenzjoni xierqa tal-unika karreġġjata tal-ferrovija f'pajjiżna li tinsab fi Ġnien l-Istazzjoni Birkirkara? Jista' jgħid xi pjan għandu l-gvern biex din il-carriage ma tibqax tisfa l-mira ta' vandali? Kif se ngħaddu mbagħad għall-fażi tal-interpretazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Ġnien l-istazzjon , fejn tinsab il-karreġġjata tal-ferovija msemmija,huwa mgħasses minn uffiċjal tas-sigurtà kuljum matul il-lejl bejn is-7,00p.m u s-7.00am. Intant il-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara qiegħed jippjana li jirrestawra din il-karreġjata tal-ferovija u qed jaħdem biex ikollu l-finanzjament għax-xogħol meħtieġ
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kulturali tal-1967 bejn Malta u l-Italja kif sussegwentement emendat fid-19 ta' Diċembru 2007? L-emendi daħlu fis-seħħ? Jekk le, għaliex? Kemm studenti Maltin gawdew minn dan il-ftehim? Meta se jiġi fis-seħħ il-XIII Executive Programme for Cultural Co-operation 10-12? X'għodod se jkun fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li t-tweġiba ngħatat mill-ministeru tal-Affarijiet Barranin għall-Mistoqsija Numru 19334.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kulturali tal-1967 bejn Malta u l-Italja kif sussegwentement emendat fid-19 ta' Diċembru 2007? L-emendi daħlu fis-seħħ? Jekk le, għaliex? Kemm studenti Maltin gawdew minn dan il-ftehim? Meta se jiġi fis-seħħ il-XIII Executive Programme for Cultural Co-operation 10-12? X'għodod se jkun fih?
Response (BORG, TONIO)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim relattiv tal-1967.
Peress li l-bqija tal-mistoqsijiet jolqtu l-Kultura u ukoll l-Edukazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja rispettivament.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-użu attwali tal-kumpless sportiv f'Wied il-Għajn li hu komunement magħruf bħala l-pixxina ta' Wied il-Għajn? B'liema titlu qiegħed f'idejn terzi? Ghal kemm żmien? Taħt liema kundizzjonijiet? X'użu jsir minn dan il-kumpless? X'attivitajiet sportivi ttellgħu fl-aħħar sena f'dan il-kumpless?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kumpless tal-Pixxina ta’ Wied il-Għajn jintuża bħala uffiċċju amministrattiv u faċilità għat-taħriġ tal-Marsascala Sport Club. Barra minn hekk, fl-istess kumpless isir tagħlim tal-għawm għal dawk li għandhom aktar minn seba’ snin kif ukoll jinżammu kompetizzjonijiet tal-Waterpolo għal dawk taħt l-14 u taħt id-19-il sena. Il-kumpless huwa mgħoddi b’kirja ta’ 16-il sena li bdiet mit-3 ta’ Ġunju 2005 lil Marsascala Aquatic Sports Club. Ir-rata annwali tal-kirja hija ssussidjata mill-Kunsill Malti għall-Isport. Ir-rata tal-kera kull sena għaldaqstant hija ta’ €3,494 flok €94,000, u din tiżdied b’10% kull ħames snin.
Jista' l-Ministru jagħmel dak kollu meħtieġ biex tissolva l-anomalija serja li hemm fi Triq Kent, il-Fgura fejn hemm żewġ djar li għandhom l-istess numru u li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, waħda li tinsab kważi fit-tarf ta' Triq Kent lejn Raħal Ġdid u l-oħra fit-tarf l-ieħor tat-triq ħdejn il-piċċ tal-boċċi?
Apparti l-inkonvenjenzi ta' ittri, kontijiet u oħrajn li jiġu rċevuti bi żball, f'każ ta' xi emerġenza jew jekk tinqala' xi disgrazzja minħabba l-ħin prezzjuż li jista' jintilef sakemm wieħed isib id-dar li jkun irid hu f'każ ta' xi ambulanza, tabib, tifi tan-nar, eċċ, jaħseb il-Ministru li dan l-iżball li ilu għaddej is-snin minkejja t-talbiet li saru mis-sidien taż-żewġ residenzi lid-Door Numbering Unit, lill-Pulizija u lill-Kunsill Lokali għandu jiġi kkoreġut b'mod immedjat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Jista' l-Prim Ministru jara li l-bajja turistika magħrufa bħala Buleben ikollha aċċessibbilità mill-blat għal ġol-baħar? Għaliex fl-aqwa tas-sajf l-unika sellum li jagħti għall-baħar hu mwaħħal bil-kontra u bil-biex? X'qed iżomm milli din il-problema tissolva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
IL-Bajja li qed jirreferi għaliha l-Onor.Interpellant, hija l-bajja ta’taħt il-lukanda Dolmen f’Buġibba jew kif inhi magħrufa il-Pearched Beach.
Il-każ kien dwar sellum ta’ l-
istainless steel
li hemm fuq waħda miż-żewġ pjattaformi li hemm fuq il-blat.Ftit tal-ġimgħat ilu dan is-sellum ġarrab ħsarat bil-maltemp u l-MTA li hija responsabbli min dawn is-slielem ħadet azzjoni u rranġat dan l-imsemmi sellum.
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar erba' snin kemm għamel xogħol ta' konsulenza, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għall-Ministeru tiegħu u/jew xi entità li taqa' taħtu? X'kien dan ix-xogħol ta' konsulenza u kemm tħallas hu jew id-ditta tiegħu ta' konsulenza għal dan ix-xogħol? Jekk kien, fuq liema bordijiet ta' aġġudikazzjoni serva flimkien ma' bordijiet u ad hoc committees oħrajn tul dan l-istess perjodu ta' żmien u kemm tħallas ta' dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-persuna msemmija m'għamlet l-ebda xogħol ta' konsulenza f'dawn l-aħħar erba' snin.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi implimentata l-wegħda elettorali tal-partit fil-gvern li l-VAT f'ċerti setturi titnaqqas minn 18% għal 15%? Liema huma dawn is-setturi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-wegħda elettorali numru 13 diġà għaddiet mill-istadju ta’ ftehim fuq livell tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Gvern qed janalizza liema huma s-setturi li għandhom jiġu indirizzati lokalment.
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-programm elettorali jitfassal għal perjodu ta’ 5 snin, u dan jiġi implimentat f’tali żmien.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jindika, mid-data tax-xiri ta' Dar Malta f'Rue Archimede fi Brussell sal-lum, kemm daħħal il-Gvern Malti kull sena minn kirjiet lil terzi? Min kienu l-kerrejja? Għal kemm żmien? Kemm tħallsu l-kumpaniji ta' estate agency li ġew ingaġġati mill-gvern Malti biex jinstabu l-kerrejja? Jikkonsidra l-gvern li jagħmel pjan differenti dwar kif jista' jimtela l-ispazju vojt f'Dar Malta? Jistgħu jingħataw dettalji f'dan is-sens?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jindika, mid-data tax-xiri ta' Dar Malta f'Rue Archimede fi Brussell sal-lum, kemm daħħal il-Gvern Malti kull sena minn kirjiet lill-terzi? Min kienu l-kerrejja? Għal kemm żmien? Kemm tħallsu l-kumpaniji ta' estate agency li ġew ingaġġati mill-gvern Malti biex jinstabu l-kerrejja? Jikkonsidra l-gvern li jagħmel pjan differenti dwar kif jista' jimtela l-ispazju vojt f'Dar Malta? Jistgħu jingħataw dettalji f'dan is-sens?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jirranġa l-Għassa tal-Pulizija ta' Wied il-Għajn li bħalissa tinsab fi stat diżastruż? Jaħsibx li Wied il-Għajn jixraqlu aħjar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi peress li il-bini fejn hemm allokata l-Għassa ta’ Wied il-Għajn bħalissa qed jiġi użat ukoll minn entitajiet oħra, ċioe l-Girlguides, qed isiru l-isforzi kollha sabiex wieħed jara kif l-aħjar dan il-bini jiġi rranġat sabiex l-Għassa tal-Pulizija jkollha l-faċilitajiet kollha neċessarji. Però ta’ min wieħed ifakkar ukoll li l-bini huwa post antik ħafna u għaldaqstant wieħed irid joqgħod attent għal dak li jirrigwarda ir-restawr u xogħol ieħor li jkun meħtieġ.
Infurmat ukoll illi l-possibilità illi din l-għassa tkun traslokata għal post ieħor għadha tkun mistħarrġa, però dan jiddependi fuq meta jinstab post li jkun addatat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-għassa preżenti.
Ta' Xbieb — Triq Giuseppe Cali - time limit parking zone
Question
Tenut kont tal-fatt illi fiż-żona ta' Triq Giuseppe Cali f'Ta' Xbiex u fit-triqat aġjaċenti hemm diversi uffiċċji u tenut kont tal-fatt li fit-triqat imsemmija hemm sistema ta' time limit parking zone u tenut kont tal-fatt li ħafna ħaddiema qed jispiċċaw ta' kuljum iħallsu ċ-ċitazzjonijiet stante li l-pressjoni tax-xogħol ma tippermettilhomx joqogħdu jċaqalqu l-karozzi kull sagħtejn u ma jsibu mkien jipparkjaw u peress li fil-ħinijiet tax-xogħol dawn iż-żoni jkunu altrimenti vojta għaliex ir-residenti ma jipparkjawx f'dawn iż-żoni li huma l-bogħod mir-residenzi tagħhom apparti li fil-ħinijiet tax-xogħol ir-residenti jkunu f postijiet tax-xogħol oħra barra minn Ta' Xbiex u tenut kont li hu fl-interess tal-pajjiż u tar-raħal ta' Ta' Xbiex li jkun hemm dawk iċ-ċirkostanzi kollha li jkabbru l- opportunitajiet tax-xogħol u mhux inaqqsuhom, jista' l-ministru jintervjeni biex tiddaħħal iktar ġustizzja f din il-ħaġa billi t-time zones ma jkunux applikabbli fit-toroq imsemmija waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hija parti minn Controlled Residential Parking Scheme fil-lokalità ta’ Ta’ Xbiex. Din l-iskema ntalbet mill-kunsill lokali skont it-Terms of Reference for the Steering Committee for the creation of Controlled Residents’ Parking Schemes maħruġa mill-awtorità. Fost talbiet oħrajn, il-kunsill lokali għamel konsultazzjoni pubblika mar-residenti, mal-entitajiet kummerċjali kif ukoll mal-uffiċċini ta’ din il-lokalità. Din l-iskema ġiet approvata mill-awtorità fid-29 ta’ Ottubru 2007 u ġiet inkluża fl-Avviż Legali 200 tal-2009 a bażi ta’ din l-applikazzjoni u wara qbil li kien hemm mall-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex u l-GRTU. Jidhirli għalhekk illi kull tibdil għall-iskema għandu joriġina mill-kunsill lokali u nistieden lill-Onor. Interpellant iressaq is-suġġeriment lill-kunsill lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti sena b'sena akkużati bir-reat kontemplat taħt artiklu 208 tal-Kodiċi Kriminali fl-aħħar għaxar snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:-
Jista' l-Ministru jgħid xi spezzjonijiet saru, jekk saru, biex ikun assigurat li t-tankers li jsorġu ftit 'l barra minn Hurd's Bank ma jkunx fihom skart tossiku ġenerat mill-proċess magħruf bħala gasoline blending? Kemm saru spezzjonijiet fuq tankers minħabba suspett ta' traffikar ta' skart tossiku mill-2006 sal-lum? Kemm kien hemm każijiet fejn fil-fatt instab skart tossiku fuq it-tankers?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Tankers ankrati ’l barra minn Hurd’s Bank jkunu barra l-ibħra teritorjali ta’ Malta u għalhekk Transport Malta m’għandha l-ebda ġurisdizzjoni fuq dawn il-bastimenti sakemm dawn ma jkunux reġistrati f’Malta. L-awtoritajiet Maltin jistgħu jintervjenu biss f’każijiet ta’ ġarr ta’ merkanzija llegali jew xi attività oħra illegali.
Fil-perjodu msemmi, ma' kien hemm l-ebda suspett ta' ġarr illegali ta' skart tossiku fuq bastimenti Maltin u ma' saret l-ebda spezzjoni speċifika għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li saru speċifikament in vista taż-żjara tal-Papa Benedittu XVI? Kemm nefqet b'dan il-mod straordinarju Transport Malta? F'każ ta' kull triq, meta kien ippjanat li dawn isiru jew jitranġaw?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-toroq li saru speċifikament minħabba ż-żjara tal-Papa Benedittu XVI huma:
· Triq Sant Antnin, Mosta – Euro 54,780.82
· Triq il-Mitħna ta’ Carafa, Luqa – Euro 21,790.22
· Parti minn Triq il-Mużew, Rabat – Euro 26,334.05.
Transport Malta għamlet diversi interventi f’toroq oħra li kienu ppjanati li jsiru matul 2009 u 2010. L-interventi li kienu ppjanati fir-rotta prevista ngħataw il-prijorità biex saru qabel iż-żjara.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jirriabilita Wied Blandun fil-Fgura li bħalissa jinsab fi stat mitluq, bil-ħmieġ u l-ġrieden, partikolarment il-parti li tagħti fuq Triq A.M. Valperga Bormla?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Korporazzjoni Enemalta — Petroleum Distribution Operation
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għall-privatizzazzjoni tal-Petroleum Distribution Operation tal-Korporazzjoni Enemalta? Apparti B.B. Energy u alliance oil, liema kumpaniji oħrajn urew interess f'din il-privatizzazzjoni? Min qed jieħu ħsieb il-proċess ta' due diligence?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien hemm erba’ kumpaniji li ssottomew offerti għall konċessjoni għall immaniġġjar, l-operazzjoni, manteniment u żvilupp tat-taqsima tal-Petroluem tal-Korporazzjoni tal-Enemalta u n-negozju tal MOBC Ltd.
Dawn kienu:
1. Powerplan Limited
2. BB Energy BV
3. Petroleum Tanking
4. Falzon Services Station Ltd flimkien ma l-Alliance Oil Company
Qabel ma ġie mħabbar l-BB Energy BV bħala il-“First Ranking Bidder” fit 8 ta’ Novembru 2008, il-Ministeru kkummissjona rapport ta’ Due Diligence indipendenti. Dan ir-rapport kien sar f’Settembru 2008.