Legislature:
Category:
Reset
Active:

Euopean Space Agency — Satellita Planck

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19280 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe: B'referenza għall-European Space Agency, anke tenut kont tal-passi importanti li qed tagħmel tramite s-satellita Planck fost oħrajn, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kontribuzzjoni finanzjarja u ta' xorta oħra (personell eċċ.) li pajjiżna jagħti lil din l-aġenzija? Hemm ċittadini Maltin li huma involuti f'din l-aġenzija bħala tekniċi jew xorta oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.

Rabtiet mal-Angola

Question

Tenut kont ir-rata tremenda ta' tkabbir ekonomiku fl-Angola u l-fenomenu ġdid ta' Ewropej, partikolarment mill-Portugall, li qed imorru jaħdmu f'dan il-pajjiż sinjur Afrikan għal ħajja aħjar, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega x'rabtiet għandu pajjiżna, kemm ekonomiċi, kemm ta' kummerċ u xorta oħra f'dan il-pajjiż li kull ma jmur qed isir forsi l-iktar pajjiż importanti u b'saħħtu fil-kontinent Afrikan? Xi strateġija għandu pajjiżna biex jibni rabtiet mill-viċin ma' dan il-pajjiż għall-ġid taż-żewġ naħat?

Response (BORG, TONIO)

Ir-rabtiet ekonomiċi u kummerċjali bejn Malta u l-Angola jipprovdu bażi għall-kooperazzjoni eqreb. Malta tesporta madwar 3 miljun ewro ta' prodotti ta' l-ikel fis-sena lejn l-Angola. F'dan l-isfond is-sena li għaddiet il-Ministru tal-Ekonomija tal-Angola l-Onorevoli Joacqui Duarte da Costa David għamel żjara f'Malta li matulha kellu taħdidiet mal-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment u ġie organiżżat wkoll workshop mill-Malta Enterprise "Doing business with Angola" dwar l-opportunitajiet ta' kooperazzjoni ekonomika li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi. Bil-għan li jkomplu jissaħħu r-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi, aktar kmieni din is-sena jien stedint lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Angola jżur Malta sabiex niddiskutu r-rabtiet kemm politiċi kif ukoll ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.

Kwartett immexxi minn Tony Blair

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti rendikont qasir tal-ħidma li kellu pajjiżna mal-hekk imsejjaħ kwartett immexxi minn Tony Blair? X'laqgħat saru? Meta? Fejn? X'assessment jagħmel il-Viċi Prim Ministru tal-impatt li kellu l-kwartett fuq il-Lvant Nofsani u x'inhu r-rwol ta' pajjiżna f'dan il-kuntest?

Response (BORG, TONIO)

Fid-dawl tal-fatt li l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-komponenti tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, Malta għandha kull opportunità li ssemma leħinha u tagħti kontribut għall-pożizzjonijiet tal-Unjoni fl-istess Kwartett li tiegħu Tony Blair hu l-Mibgħut Speċjali Malta wkoll tipparteċipa bis-sħiħ fid-diskussjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-Lvant Nofsani u tintervjeni kemm f'livell ta' esperti kif ukoll f'livell Ministerjali permezz tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. L-aħħar laqgħa tal-Kwartett saret nhar it-Tlieta, 21 ta' Settembru, f'New York. Fi tmiem din il-laqgħa, il-Kwartett adotta dikjarazzjoni, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li permezz tagħha esprima appoġġ għat-taħdidiet diretti li kienu reġgħu bdew bejn l-Iżrael u l-Palestinjani bl-għan li jsolvu l-kwistojiniet kollha bejn iż-żewġ naħat fi żmien sena.

Wied il-Għajn — Triq il-Bidni - rijabilitazzjoni

Question

Jista' l-Minstru jgħid meta Triq il-Bidni, Wied il-Għajn (limit ta' Ħaż-Żabbar) se tiġi riabilitata b'rispett lejn il-karattru pristin taż-żona?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq mhix la triq arterjali u l-anqas distributorja u b'hekk ma taqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi.

Wied il-Għajn — Triq id-Dugħ - arblu tad-dawl

Question

Peress li fi Triq il-Dugħ, Wied il-Għajn hemm arlu tad-dawl tal-gvern li jinsab eżatt quddiem garaxx privat, liema arblu jostakola l-ħruġ tal-vetturi minn dan il-garaxx, jista' l-Ministru jara li dan l-arblu jiċċaqlaq għal post aħjar jew tinstab xi sistema alternattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-investigazzjoni li saret ma jirriżultax li l-Enemalta għandha arbli li qiegħdin jostakolaw garaxx fi Triq id-Dugħ Wied il-Għajn.

Talba għall-voucher tal-elettriku

Question

Peress illi l-konjugi li dettalji tagħhom qed jintbagħtu seperatament li jgħixu flimkien maż-żewġt itfal maġġorenni tagħhom u li waħda minhom għamlet żmien reġistrata bħala single mother matul is-sena 2009, biss mill-24 ta' Settembru 2009 'il quddiem bdiet taħdem bħala għalliema u m'għadhiex iktar fuq l-għajnuna soċjali u li fis-sena 2009 din irċeviet total ta' mhux iktar minn €40 bħala benefiċċju tal-enerġija u la din u lanqas il-ġenituri tagħha ma rċevew l-allowance ta' €155 li jirċievu dawk li mhumiex fuq l-għajnuna soċjali (kalkolu fuq ħames persuni) u minkejja li sar rapport anke lid-Dipartiment tal-Għajnuna Soċjali f'dan is-sens biex dawn jieħdu l-allowance li rċieva kulħadd, dawn sal-lum ma rċevew xejn, jista' l-Ministru jara l-każ tagħhom biex dawn jirċievu l-allowance ta' €155 skont kif ħaqqhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Sptar Mater Dei — tqassim aħjar ta' swali tal-maternità

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex llum nisa li jkunu se jwelldu jitpoġġew fl-istess kamra ma' nisa li jkunu għadhom kif welldu meta fl-Isptar San Luqa dawn kienu jkunu fi swali għalihom? Peress li xorta waħda dawn in-nisa mhux qed ikollhom continuity of care mill-istess staff (qwiebel u infermiera) kif kien stabbilit mit-tmexxija tal-isptar stess u dan minħabba nuqqas akut ta' sodod, jista' l-Gvern jifred it-tliet swali tal-ostetrija f'sala għal korrimenti u problemi fit-tqala, sala oħra għal dawk li waslu biex jwelldu u sala oħra għal dawk li welldu? Jekk il-problema hi waħda ta' sodod, fejn illum is-swali tal-ostetrija għandhom inqas sodod mill-Isptar San Luqa, x'qed iżomm lill-Gvern milli jiftaħ sala oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-prinċipju użat fl-Isptar Mater Dei biex jiġu allokati sodod lin-nisa li jkunu se jwelldu huwa li, kemm jista’ jkun, il-mara żżomm l-istess sodda kemm qabel li twelled kif ukoll wara li twelled. Din is-sistema hija aktar konvenjenti għall-pazjenta mis-sistema li kienet tintuża fl-Isptar San Luqa, fejn il-pazjenta kien ikollha tbiddel is-sala tliet darbiet waqt li tkun l-isptar. Il-prattika li nisa li jkunu se jwelldu jitħalltu ma' nisa li jkunu għadhom kemm welldu hija prattika aktar moderna u kienet ippjanata ħafna qabel ma fetaħ l-Isptar Mater Dei. Din il-prattika qiegħda taħdem tajjeb. Fil-fatt din il-prattika ilha tintuża fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal ħafna snin, kif ukoll fis-settur privat. Fl-Isptar Mater Dei hemm sala separata (Obstetrics Ward 2) għal każi ta’ korrimenti u problemi fit-tqala, li fiha qatt ma jiddaħħlu nisa li jkunu għadhom kif welldu u qatt ma jkun hemm taħlit ta’ każi ta’ korrimenti ma' dawk li kellhom tarbija. Fil-każ ta’ dawk li waslu biex iwelldu u dawk li welldu, dawn jużaw iż-żewġ swali l-oħra b’mod flessibbli għar-raġuni spjegata aktar 'il fuq. Din is-sistema taħdem tajjeb u m’hemmx pjanijiet li mmorru lura għas-sistema tal-Isptar San Luqa.
Leg 11 PQ #6611 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħwienet tal-logħob tal-azzard f'żoni residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jiddikjara jekk jaqbilx li f'żoni residenzjali ma jkun qatt aċċettat li jinfetħu ħwienet ġodda tal-logħob tal-azzard? X'għandu xi jgħid għall-applikazzjoni ta' ftuħ ta' ħanut tal-azzard fi Vjal il-25 ta' Novembru, ż-Żejtun, f'żona residenzjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li qed jitħejjew regolamenti biex din l-attività ma tħallix danni.
Leg 11 PQ #9950 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilliera eletti — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9793 u jgħid: 1) Kemm huwa l-ammont ta' kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-età ta' bejn it-18 u l-25 sena? 2) Kemm huwa l-ammont ta' kunsilliera li ġew eletti fl-aħħar round tal-kunsilli lokali li għandhom l-età ta' bejn is-26 u l-35 sena? 3) Ma' liema partit jappartjenu? 4) Kemm minn dawk indikati f'punt (1) u (2) huma nisa? Ma' liema partit jappartjenu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 9793.

Benefiċċji soċjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16273, tista' l-Ministru, b'referenza għal kull tip ta' benefiċċju tgħid: a) x'inhuma l-kriterji li wieħed għandu jissodisfa biex jieħu l-benefiċċju; b) kemm hi fi flus l-għajnuna li tingħata f'kull każ; u ċ) għal kemm żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

spetturi tas-sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji sussegwenti dwar l-operat tal-ispetturi tas-sewqan responsabbli mit-testijiet tal-prattika tal-licenzja għas-sewqan: 1. Kemm hemm uffiċjali fid-dipartiment li huma responsabbli mit-testijiet tal-prattika tas-sewqan? 2. Min huma dawn l-ufficjali? 3. Jista’ jgħid kemm irċeviet ilmenti Transport Malta minn persuni li għamlu t-test tal-prattika tas-sewqan fuq l-imġieba tal-uffiċjali f’dawn l-aħħar tliet snin? 4. X’kienu n-natura tal-ilmenti? 5. Jista’ jagħti rendikont tal-għadd ta’ ilmenti li kien hemm għal kull uffiċjal imsemmi? 6. Jista’ jgħid x’passi ħadet Transport Malta fuq dawn l-ilmenti? 7. Jista’ jgħid jekk f’dawn l-aħħar tliet snin Transport Malta ċċensuratx jew ħaditx passi dixxiplinarji kontra xi uffiċjal għal imġieba mhux korretta? 8. F’dawn l-aħħar tliet snin kemm kien hemm persuni li għamlu l-eżami tal-prattika għall-ewwel darba u kemm minnhom għaddew mill-ewwel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kemm-il darba jinsisti fuq l-ismijiet kif talab fit-tieni parti tad-domanda, ikolli nikseb il-kunsens ta’ kull wieħed minnhom, proċess li jaf jieħu ż-żmien. Waqt illi qed tinġabar l-informazzjoni dwar domandi 1 u 8, ir-risposti għad-domandi 3 sa 7 jieħdu ħafna u ħafna ħin biex jinġabru u ma naħsibx li x-xogħol involut jiġġustifika l-ispiża.

Żejtun — titjib fi Vjal 25 ta' Novembru

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx anjanzi mir-residenti Żwieten li għandhom il-proprjetà tagħhom ħdejn il-Vjal 25 ta' Novembru li tinsab kollha ħofor, żrar u trab fl-istess pjazza? Meta se jsir ix-xogħol ta' titjib ta' dan il-Vjal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor Interpellant mhix triq arterjali u l-anqas distributorja u b'hekk ma taqax taħt ir-responsabilta tal-Ministeru tiegħi.

Introduzzjoni tal-passaporti biometriċi

Question

In vista tal-introduzzjoni tal-passaporti biometriċi fil-futur qarib, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'arranġamenti se jagħmel il-Gvern ta' Malta biex jiffaċilità l-ħajja taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstralja u li allura, jekk ma jsirux arranġamenti apposta,jkollhom jivvjaġġaw sa 1,000 km biex imorru l-Malta High Commission Offices u jbiddlu l-passaport tagħhom? Kemm hemm Maltin-Awstraljani li jgħixu l-Awstralja u għandhom il-passaport Malti taħt ir-regime taċ-ċittadinanza doppja?

Response (BORG, TONIO)

B'effett mit-28 ta' Ġunju, 2010, passaporti ġodda bdew jinħarġu bħala passaporti biometriċi. Dan il-proġett hu mmexxi mill-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni. Bis-saħħa tal-passaport biometriku żiedet is-sigurtà tal-istess passaport u l-garanzija kontra l-abbuż. Apparti minn hekk, ċittadin Malti b'passaport biometriku hu eżentat milli jkollu bżonn viża biex jidħol fl-Istati Uniti ta' l-Amerika. Dawn il-passaporti biometriċi - minħabba l-apparat elettroniku involut jistgħu jinħarġu biss mill-Uffiċċju tal-Passaporti Malta, jew minn kwalunkwe Ambaxxata ta' Malta. Dan jista' joħloq inkonvenjent. Iżda meta l-passaport ikun lest l-Ambaxxata tibgħatu b'courier jew b'posta rreġistrata. L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub li jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija lill-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni li taħtu jaqa' l-Uffiċċju tal-Passaporti.

European External Action Service

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm applikaw Maltin biex jaħdmu mal-European External Action Service? F'liema pożizzjonijiet? Kemm minnhom ġew short listed? Kemm minnhom intgħażlu? F'liema xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Huwa previst li l-European External Action Service jiġi stabbilit u għalhekk jibda jopera mill-1 ta' Diċembru 2010. Għaldaqshekk s'issa l-uniċi pożizzjonijiet direttament relatati mal-EEAS huma għall-10 postijiet ta' senior management li huma Executive Secretary General, Chief Operating Officer, 2 postijiet ta' Deputy Secretary General, Managing Director for the Middle East and Southern Neighbourhood, Managing Director for Russia, the Eastern Neighbourhood and the Western Balkans, Managing Director for Africa, Managing Director for the Americas, Managing Director for Asia u Managing Director for thematic and multilateral policies. L-applikazzjonijiet għalqu fis-6 ta' Settembru u għalhekk il-proċess ta' għażla għadu jrid jibda. L-applikanti kienu meħtieġa japplikaw direttament. Għaldaqshekk il-Gvern Malti m'huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni mitluba ta' kemm applikaw Maltin u f'liema pożizzjonijiet. Daqstant ieħor ma jistax jipprovdi informazzjoni fuq kemm ġew shortlisted, kemm intgħażlu u f'liema xogħol. Ta' min isemmi ukoll li nħarġu żewġ sejħiet għall-numru ta' pożizzjonijiet mad-delgazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropeja fejn is-sejħiet għall-applikazzjonijiet nħarġu mill-Kummissjoni la darba l-EEAS għadha ma bditx topera. Anke f'dan il-każ l-applikanti kienu meħtieġa japplikaw direttament u għaldaqshekk il-Gvern Malti m'huwiex f'pożizzjoni li jipprovdi l-informazzjoni mitluba ta' kemm applikaw Maltin u f'liema pożizzjonijiet. Fl-ewwel sejħa kien hemm Malti wieħed li ġie shortlisted għall-post ta' Viċi Kap għad-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropeja fiċ-Ċina u li finalment ma ntagħżilx. Informazzjoni għat-tieni sejħa ma jistax jiġi pprovdut minħabba li l-proċess ta' għażla għadu jrid jibda.

Art ġdida fejn jitpoġġew impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jispjega lill-Kamra jekk sarux feasibility studies tal-possibilità li b'mod għal kollox artifiċjali (jiġifieri mhux naturali) tiġi maħluqa art jew territorju ġdid fil-baħar (land reclamation), in linea ma' dak li sar b suċċess f pajjiżi żgħar oħra bħal Singapore, anke biex, bħalma sar f'pajjiżi oħra żgħar bħalna, fuq din l-art ġdida u allura 'il bogħod mill-abitat jkunu jistgħu jitpoġġew impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b' mod nadif, b'mod sostenibbli, bħal wind stations jew anke jintuża għal skopijiet ta' waste management (waste to energy eċċ.)? Jista' jagħti sfond ta' kif saret kunsiderazzjoni bħal din fuq livell governattiv u jgħid pajjiżna f liema direzzjoni sejjer f dan is-settur? Jista' ukoll jelenka l-ismijiet tal-istudji prinċipali li saru f dan ir-rigward għall-konsum tal-Gvern, bl-annu u l-awtur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li l-din il-materja tikkonċerna lill-MEPA nissuġerixxi lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #19678 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Link road minn Smart City sa Tal-Barrani

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-Master Plan: Link Road From Smart City Malta to tal-Barrani,Tarxien. (January 2010)? Ladarba l-EIS reports (partikolarment dak ta l-espert li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament) jitkellmu dwar impatt inaċċettabbli għal Smart City f'każ li ma jkunx hemm link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani, x'inhi l pożizzjoni tal-Gvern dwar din il-ħaġa? Fl-istess ħin saru EIS dwar jekk din il-link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani ikollhiex impatt fuq l-ambjent u l-agrikoltura tal-madwar? X beħsiebu jagħmel il-gvern dwar dawn l-isfidi li għandna quddiemna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Abb Malta Sicily Interconnector Consortium

Question

B'referenza għat-tender għall-cable tal-elettriku sottomarin bejn Malta u Sqallija li ngħata lil Abb Malta Sicily Interconnector Consortium, jista' l-Ministru jgħid: a) min kienu l-kumpaniji l-oħra li għamlu l-offerta tagħhom fi stadju ta' prekwalifikazzjoni; b) meta se jiġi ffirmat il-kuntratt relattiv; ċ) sarx eżerċizzju ta' due dilegence min-naħa tal-gvern jew l-Korporazzjoni Enemalta dwar l-Abb Malta Sicily Interconnector Consortium; u d) jirriżultalux il-gvern li l-Abb Malta Sicily Interconnector Consortium jew kumpaniji sussidjarji tagħha kienu nstabu ħatja ta' korruzzjoni fi qrati esteri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għat-tender tal-interconnector bejn Malta u l-Sqallija, it-tender għadha ma ġietx mirbuħa mill-ebda kumpanija s’issa, għax għadha tiġi evalwata. Il-kuntratt jiġi ffirmat biss wara li titlesta l-aġġudikazzjoni tat- tender li bħalissa qiegħda fil-proċess.

L-Isptar Sir Paul Boffa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk il-Gvern huwiex se jkompli juża l-Isptar Sir Paul Boffa fil-funzjoni preżenti tiegħu? Veru li hemm il-pjan li l-isptar jinbidel f'boutique hotel? Ingħata parir legali l-Gvern jekk din il-ħaġa hijiex possibbli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sakemm jiġi inawgurat iċ-ċentru l-ġdid tal-onkoloġija, l-Isptar Sir Paul Boffa se jibqa’ jaqdi il-funzjonijiet preżenti tiegħu. F’dan il-mument m’hemm l-ebda pjan rigward il-futur ta’ dan is-sit wara li jiġu trasferiti s-servizzi tal-onkoloġija.

Pixxina Nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi xhur fis-sena li fihom il-pixxina nazzjonali tkun magħluqa? Jekk hemm għaliex? X'qed iżżomm il-gvern milli jagħmel spiża kapitali biex jgħatti l-pixxina nazzjonali bl-istess mod bħal, per eżempju, l-pixxina tal-Pescara? Saru pjanijiet f'dan is-sens? Għandu kwotazzjonijiet il-gvern fuq dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pixxina nazzjonali tingħalaq biss meta jkun hemm ħtieġa li ssir manutenzjoni. Il-manutenzjoni ssir biex tkun salvagwardjat l-kwalità tal-ilma u s-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jagħmlu użu mill-pixxina. Il-Kunsill Malti għall-iSport ikkummissjona studji dwar metodi differenti ta’ kif titgħatta l-pixxina meta ma tkunx qed tintuża. Sal-lum jirriżulta li l-ispiża kapitali u rikorrenti li jridu jsiru ma jiġġustifikax finanzjarjament dak li jista’ jkun gwadanjat permezz ta’ din is-sistema.