Jista' l-Prim Ministru jispjega fejn se jsir il-karnival li jmiss, minn liema triqat se jgħaddi u komparat ma' dak tal-aħħar edizzjoni jekk hux se jkun hemm tnaqqis ta' xi attivitajiet relatati mal-karnival? X'inhuma?
Kemm nefaq il-gvern sena b'sena fl-aħħar ħames snin biex organizza l-karnival? Jista' ukoll jagħti breakdown tal-ispejjeż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-attivitajiet tal-karnival ta’ Malta 2011 huma mistennija li jsiru fil-Belt Valletta u l-Floriana. Hu ppjanat li ż-żfin tal-Karnival u parati karnivaleski jsiru fil-maġġoranza tagħhom fit-toroq tal-Belt bi Pjazza San Ġorġ tkun il-Pjazza ewlenija fejn isir iż-żfin. Qed isir sforz ukoll biex jekk ikun possibbli waħda mid-defiles tal-karrijiet issir fil-Belt Valletta bl-istess rotta li ntużat f’dawn l-aħħar snin. Fil-jiem l-oħra fejn tradizzjonalment isiru d-defile tal-karrijiet kollha, dawn huma mistennija li jsiru fil-Floriana b’modifikazzjonijiet minn dawk li normalment konna mdorrija bihom bil-għan li tingħata libsa differenti għall-karnival u r-rotta ta’ l-isfilata tkun aktar gawduta mill-pubbliku in ġenerali. Mhux mistenni li jkun hemm tnaqqis ta’ xi attivitajiet relatati mal-karnival iżda qed isir sforz biex tidħol il-mentalità fost il-parteċipanti tradizzjonali biex jingħata aktar enfasi għall-kunċett ta’ esebizzjonijiet u spettaklu kontinwu fit-toroq ewlenin.
l-ispejjeż matul dawn l-aħħar ħames snin sabiex jiġi organizzat il-Karnival huma murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20336 u jgħid kemm daħlu ilmenti lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn ċittadini privati dwar trab iswed fil-proprjetà tagħhom sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema lokalità dawn iċ-ċittadini kienu ġejjin?
Fgura u Tarxien — Studju fuq l-impatt fuq is-saħħa minħabba trab iswed
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20337 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'jgħidu l-esperti tiegħu dwar l-impatt li jista' jkollu fuq is-saħħa tar-residenti tal-Fgura, Tarxien u l-madwar it-trab iswed li misterjożament qed jaqa' fil-btieħi, bjut u fl-aperturi tad-djar tal-familji tal-irħula suiccitati? Saru studji dwar dan? X'ġie konkluż? Min għamel dawn l-istudji? Jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar risposta li ta’ l-Onor. Ministru tas-Saħħ, Anzjani u Kura fil-Komonita’ f’ mistoqsija Parlamentari nru. 20337
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta dettaljata tal-family park li hu proġettat li jinbena f'Wied il-Għajn? Meta se jibda x-xogħol? Fiex se jkun jikkonsisti dan il-park?
Wastserv — family park ħdejn l-impjant ta' Sant Antnin
Question
Tenut kont li fl-2006 is-soċjetà Wastserv ressqet applikazzjoni biex tiżviluppa żona li tinsab eżatt biswit l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant Antnin f'Family Park, jista' l-Ministru jikkonferma li dan il-park - li fih innifsu huwa żvilupp pożittiv - se jkun safe u tajjeb biex il-familji jattendu fih peress li se jkun eżatt biswit l-impjant ta' riċiklaġġ il-ġdid, fl-istess post fejn kien hemm l-impjant l-antik? Xi studji ta' saħħa inkluż health assessments saru f'dan is-sens? Minn min? Meta saru? X'inhuma l-perikli ta' saħħa li jistgħu jitwieldu mill-fatt li l-Family Park se jkun imiss eżatt mal-impjant ta' riċiklaġġ il-ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi l-permess għall-Family Park inħareġ mill-MEPA fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija fl-Environmental Planning Statement (EPS) li ġie rikjest mill-istess awtorita. F’dan l-EPS ġie kkunsidrat l-impatt fuq is-saħħa pubblika bħala użu ta’ sit li fil-perjodu 1974 – 1979 kien qed jintuża bħala miżbla. Fl-Environmental Impact Assessment (EIA) li sar fuq is-sit tal-impjant ta’ Sant’ Antnin ġie stabilit li riskji fuq is-saħħa pubblika kienu baxxi jew xejn, kif jidher f’sezzjoni 13.9.2 tal-istudju, li kien sar għall-MEPA.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19950 u b'referenza għall-ftehim kulturali tal-1967 bejn Malta u l-Italja kif sussegwentement emendat fid-19 ta' Diċembru 2007, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-emendi daħlux fis-seħħ? Jekk le, għaliex? Meta se jiġi fis-seħħ il-XIII Executive Programme for Cultural Co-operation 10-12? X'għodod se jkun fih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-emendi kif miftehma fil-Ftehim Kulturali bejn Malta u l-Italja fid-dsatax ta’ Diċembru 2007 għadhom ma bdewx jiġu implimentati peress li l-Italja għadha ma rratifikatx il-Ftehim imsemmi. Sadanittant Malta rratifikat dan il-Ftehim fit-tmintax ta’ Ġunju 2008. Artiklu 13 tal-Ftehim Kulturali jistipula li l-Ftehim jidħol fis-seħħ biss wara li tkun intbgħatet it-tieni miż-żewġ notifikazzjonijiet fejn iż-żewġ partijiet ikkonċernati jinfurmaw uffiċjalment lil xulxin bil-konklużjoni tal-proċeduri interni sabiex il-Ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ.
Fid-dawl ta’ dan, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ikkoordina x-xogħol meħtieġ sabiex ikun assigurat li sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim Kulturali tal-2007, Malta tibqa’ tibbenefika mill-iskambji ta’ studenti u riċerkaturi għas-sena 2010, kif elenkati fit-XII-il-Programm Eżekuttiv għal Kooperazzjoni Kulturali għall-perjodu 2007-2009.
It-XIII-il Programm Eżekuttiv għal Kooperazzjoni Kulturali bejn Malta u l-Italja għall-perjodu 2011-2013 jinsab fi stadju avvanzat ta’ negozjati u jinkludi fost l-oħrajn skambji ta’ akkademiċi u/jew riċerkaturi, skambji ta’ dokumentazzjoni u esperti bil-għan li jkunu magħrufa aktar is-sistemi ta’ tagħlim fil-livell universitarju tal-pajjiżi rispettivi kif ukoll għal għarfien akbar tal-ħiliet fl-oqsma ta’ formazzjoni artistika u mużikali. Il-Ftehim jaħseb biex ikun hemm aktar kollaborazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet u l-Awtoritajiet kompetenti skolastiċi bil-ħsieb li jkun imtejjeb l-għarfien reċiproku tas-sistemi skolastiċi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kurrikulu u metodi didattiċi. Dan jista’ jsir permezz ta’ skambji ta’ kotba u materjal ieħor ta’ tagħlim. Il-parti Taljana qed toffri wkoll li tospita żewġ għalliema tal-Lingwa u l-Letteratura Taljana Maltin li jgħalmu fi skejjel Sekondarji jew Post Sekondarji għall-korsijiet ta’ perfezzjonament organizzati kull sena mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Università u r-Riċerka. Dawn il-korsijiet qosra jsiru fix-xhur tas-Sajf. Fil-każ ta’ boroż ta’ studju qed ikun innegozjat pakkett li se jkun qed jindirizza oqsma oħra barra dawk tal-lingwa u r-riċerka. Fost dawn ta’ min isemmi s-setturi importanti tal-patrimonju kulturali li jinkludi l-kollezzjonijiet, ir-restawr u l-ħarsien tal-patrimonju artistiku, tal-mużika, l-pittura u d-disinn.
Element ieħor li qed ikun ikkunsidrat huwa l-qasam tal-Arkivji u l-Biblijoteki fost l-oħrajn. Hawn ukoll il-ħsieb hu li jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-entitajiet ikkonċernati biex isir skambju ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi u materjal ieħor li jista’ jgħin biex iż-żewġ partijiet jifhmu u jaħdmu iżjed mill-viċin. Għal dan il-għan il-parti Taljana qed tipproponi li sakemm idum validu dan il-Programm Eżekuttiv isir skambju ta’ żewġ arkivisti fl-istituzzjonijiet rispettivi għal perjodu li ma jaqbiżx l-għaxart (10) ijiem. Fil-każ tal-Biblijoteki qed ikun propost li jkun hemm skambju ta’ Biblijotekarju wieħed (1) minn kull pajjiż biex isegwi kors ta’ formazzjoni avvanzata u biex jistabilixxi l-kuntatti neċessarji f’dan il-qasam. Hawn ukoll il-perjodu ssuġġerit m’għandux jaqbeż l-għaxart (10) ijiem. Il-parti Taljana qed tissuġerixxi li fil-perjodu indikat tal-Programm Eżekuttiv, tibgħat esperti fl-oqsma tal-Konservazzjoni, tar-Restawr, tal-Katalogar, tal-Informatika, tal-Organizzazzjoni tal-Biblijoteki u tal-Promozzjoni tal-Patrimonju Letterarju. Hija wkoll l-intenzjoni tal-parti Taljana li tforni kotba biex jintużaw f’istituzzjonijiet kulturali u l-Università ta’ Malta kull meta dawn jagħmlu talba formali għal dan il-għan. Hemm ukoll il-ħsieb li żewġ naħat jikkolaboraw aktar biex ikun hemm skambji ta’ informazzjoni, ta’ kotba u perjodiċi bejn il-Biblijoteki, l-Akkademja u l-Istituzzjonijiet Kulturali taż-żewġ pajjiżi.
Oqsma oħra li qed jiġu ttrattati huma l-oqsma ta’ kollaborazzjoni fil-kamp tal-Arkeoloġija, tar-restawr tal-Patrimonju Kulturali u dak ta’ taħt il-baħar, tal-promozzjoni tal-Arkitettura u tal-Arti Kontemporanja kif ukoll fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta’ Wirt Kulturali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni għal spetturi fl-aħħar sejħa li għamel is-Servizz Pubbliku fl-2010? Kemm intagħżlu? Jista' ukoll jikkonferma jew jiċħad jekk hux se ssir sejħa oħra għal spetturi fl-2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-aħħar sejħa għall-Spetturi fil-Korp tal-Pulizija li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern f'Marzu 2010, kien hemm 59 persuna li applikaw. Infurmat ukoll li l-proċess għadu għaddej, filwaqt li applikazjonijiet għal aktar sejħiet isiru skont l-esiġenzi tal-Korp.
Barrieri — distanza bejn il-barrieri u l-proprjetajiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn barrieri f'Malta u Għawdex? Kemm hi d-distanza legali li għandha tiġi rispettata minn min irid ikabbar barriera vis-à-vis il-proprjetajiet aġjaċenti? Jiġifieri kemm għandu jħalli distanza sid barriera mill-proprjetajiet l-iktar viċini?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19934 u 19280 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġew riferuta lilu u ċioe: B'referenza għall-European Space Agency, anke tenut kont tal-passi importanti li qed tagħmel tramite s-satellita Planck fost oħrajn, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kontribuzzjoni finanzjarja u ta' xorta oħra (personell eċċ.) li pajjiżna jagħti lil din l-aġenzija? Hemm ċittadini Maltin li huma involuti f'din l-aġenzija bħala tekniċi jew xorta oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-European Space Agency (ESA) hija nkarigata bl-iżvilupp tal-kapaċita tal-Ewropa fl-ispazju. Bħalissa hemm 18 l-Istat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea li jiffurmaw parti mill-ESA U 5 Stati Membri oħra li għandhom forma ta’ kooperazzjoni ma’ din l-aġenzija. Billi fil-preżent Malta m’hijiex membru jew għandha forma ta’ kooperazzjoni mal- ESA, għaldaqstant ma tiprovdix kontribuzzjoni finanzjarja jew ta’ xorta oħra lil din l-aġenzija. Ma jirriżultax li hemm ċittadini Maltin li huma involuti f’ din l-aġenzija.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk wara x-xogħol li sar fil-Visitor's Centre f'Ħaġar Qim, huwiex minnu li daħal partita ilma tax-xita ġewwa? Kemm-il ġurnata damet ma ġiet solvuta l-problema ta' dħul ta' ilma? X'kien id-difett li minħabba fih daħal l-ilma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmataqt ix-xita qalila ta’ dan l-aħħar hemm xi punti li minhom daħlu xi qatriet ta’l-ilma.
Ġiet identifikata problema f’ġonta partikolari bejn membrane u il-gandotti li jġorru l-ilma, li jridu jiġu siġillati aħjar.
Il-Kuntrattur responsabbli inġab fuq il-post, u qiegħed jirrimedja l-problema għas-spejjeż tiegħu. Jien infurmat ukoll li dan ix-xogħol irid isir waqt perjodu ta’ bnazzi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu lmenti lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar minn ċittadini privati dwar trab iswed fil-proprjetà tagħhom sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema lokalità dawn iċ-ċittadini kienu ġejjin?
Fgura u Tarxien — Studju fuq l-impatt fuq is-saħħa minħabba trab iswed
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'jgħidu l-esperti tiegħu dwar l-impatt li jista' jkollu fuq is-saħħa tar-residenti tal-Fgura, Tarxien u l-madwar it-trab iswed li misterjożament qed jaqa' fil-btieħi, bjut u fl-aperturi tad-djar tal-familji tal-irħula suiccitati? Saru studji dwar dan? X'ġie konkluż? Min għamel dawn l-istudji? Jista' jpoġġi dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma tqabbad l-ebda espert mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali dwar l-impatt li t-trab iswed jista` jkollu fuq is-saħħa tar-residenti tal-Fgura, Tarxien u l-madwar, iżda kien hemm kollaborazzjoni sħiħa ma’ entitajiet oħra sabiex dan id-Direttorat iżomm ruħu aġġornat ma’ żviluppi fuq dan il-każ.
Peress li t-tniggis fl-arja ma taqax direttament taħt il-kompitu ta’ dan id-Direttorat nissuġġerixxi li tali mistoqsija tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jitgħallmu l-mużika fil-ħinijiet ta' wara l-iskola (ex-Johann Strauss) din is-sena? Liema strumenti? Minn liema rħula ġejjin? Fejn qed jitgħallmu l-istrumenti tagħhom? X'sar mill-bini li sa ftit ilu kien is-sede tal-Johann Strauss School of Music? Xi pjanijiet hemm għal dan il-bini?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15641 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern għall-proposta tal-Kamra tan-negozju Gożitana għall-bini ta' airstrip? Wara d-debacle tas-soċjetà Helisureste u l-għoti tas-servizz ta' ajruplan żgħir bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr, jista' jgħid kemm-il titjira saret kuljum bejn Malta u Għawdex mit-tluq tal-Helisureste sal-lum? Meta hu maħsub li jibda jopera s-servizz ta' ajruplan twin engine li jieħu 17-il passiġġier u li kellu jibda jitlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kif imwiegħed? Jista' wkoll jispjega x'inhi l-qagħda tal-heliport abbandunat illum? Kif qed tiġi utilizzata din iż-żona u kemm qed jonfoq il-Gvern biex imantni din iż-żona? Għandu pjan biex jutilizza din iż-żona? Kif?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern lest jikkunsidra proposta għal servizz fixed wings lejn Għawdex ġaladarba din il-proposta tkun sostenibbli ekonomikment u ambjentalment.
Il-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni (MITC) ma żżomx informazzjoni dwar in-numru ta’titjiriet bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr Għawdex.. Il-
website
ta’ Harbourair, li topera dan is-servizz turi servizz bi skeda ta’ 4 titjiriet kuljum bejn Mejju u Awwissu u 3 titjiriet kuljum f’Settembru.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress li sa Ġunju 2010, il-
heliport
kien qed jintuża minn operatur żgħir biex jittrasporta t-turisti bejn Malta u Għawdex kif ukoll biex jagħmel
flying tours
fuq Għawdex, il-kumpanija ‘
Gozo Heliport
’ għamlet ċertu spejjeż ta’ manutenzjoni biex il-post jkun jista’ jiġi utilizzat għal dan l-iskop.
L-ispiża tammonta għal €15,550 fis-sena.
Jaħseb il-Prim Ministru li l-approvazzjoni mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-4 ta' April 2010 tal-iżvilupp ta' restorant fid-Dwejra kienx pass fid-direzzjoni l-ħażina? X'għandu xi jgħid għall-kummenti li għamlu n-nature trust meta qalu li l-bord kellu kunsiderazzjonijiet oħrajn ħafna 'l bogħod minn dawk ekoloġiċi u patrimonjali? Jista' jwiegħed li jagħmel dak kollu possibbli biex din il-ġawhra eċċezzjonali - d-Dwejra f'Għawdex - ma tinqeridx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Pjan ta’ Azzjoni mħejji mill-MEPA flimkien mal-Qawra Dwejra Steering Committee u n-Nature Trust li kienet partnered mal-World Wildlife Fund Italia, wara konsultazzjoni wiesgħa, jgħid li fiż-żona tad-Dwejra għandu jkun hemm Interpretation Centre. Il-Pjan jgħid li dan iċ-ċentru għandu jkollu fih faċilitajiet ta’ catering.
Għalhekk id-deċiżjoni tal-MEPA ta’ l-4 ta’ April 2010 kienet issegwi dak li hemm stipulat f’dan il-Pjan. Il-bini kif approvat b’din id-deċiżjoni huwa ferm iżgħar milli dak li kien approvat qabel.
Id-deċiżjoni tal-4 ta’ April kienet segwita b’deċiżjonijiet oħra li permezz tagħhom ma ġewx sanzjonati żviluppi llegali f’dan is-sit. Dan kollu jixhed kif il-gvern iqis lid-Dwejra bħala sit ikona ta’ pajjiżna, sit ta’ importanza kbira kemm mil-lat ambjentali u turistiku.
Il-Gvern għalhekk, permezz tal-MEPA qiegħed fil-proċess li jiżviluppa pjan għall-immaniġġar ta’ dan is-sit liema pjan se jiffoka b’mod partikulari fuq il-konservazzjoni ekoloġika.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tal-Parlament parti tal-
action plan
li tirreferi għall-
Interpretation Centre
.
l-ikbar ħames dikjarazzjonijiet ta' dħul ta' taxxa tal-income
Question
Jista' l-Ministru jindika, mingħajr ma jsemmi ismijiet, sena b'sena mill-2000 sal-lum kemm kienu l-ikbar ħames dikjarazzjonijiet ta' dħul għall-finijiet tat-taxxa tal-income minn (a) persuni naturali (b) soċjetajiet kummerċjali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari, anki jekk ma jissemmewx ismijiet, ma tistax tingħata minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità.
non-resident company shareholders li għandhom jieħdu tax refunds
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm non-resident company shareholders li għandhom jieħdu tax refunds? Kemm jammonta b'kollox l-ammont ta' tax refunds li dawn għandhom jieħdu? Għaliex il-ħlas waqa' lura?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sat-Tnejn 18 t’Ottubru kien hemm għoxrin shareholders li kellhom jieħdu tax refunds skont refund claims validi li dan id-Dipartiment kien irċieva. L-ammont totali dovut bħala refunds lil dawn ix-shareholders hu ekwivalenti għal €810,715. F’dik il-ġurnata, iż-żmien preskritt mil-liġi (jiġifieri dak ta’ erbatax-il ġurnata) sabiex jinħarġu dawn ir-refunds kien għadu ma skadiex.
Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni rċieva wkoll numru ta’
claims
li kellhom diversi nuqqasijiet u għalhekk ix-
shareholders
konċernati, jew ir-rappreżentanti tagħhom, ġew mitluba jibagħtu dawk id-dokumenti li kienu nieqsa jew kjarifiki oħra neċessarji biex dawn ir-
refund claims
ikunu jistgħu jiġu proċessati.
Ir-
regime
ta’ taxxa li l-Gvern Malti rnexxielu jinnegozja mal-Unjoni Ewropea wassal sabiex aktar u aktar
shareholders
barranin ifittxu lil Malta għal skopijiet ta’ investiment. Dan is-suċċess kien ikbar milli wieħed seta’ jantiċipa u għal din ir-raġuni kien hemm perjodu qasir fejn xi ħlasijiet waqgħu ftit lura. Nikkjarifika li fuq dawn it-tip ta’
refunds
ma jitħallsu l-ebda interessi mid-Dipartiment meta l-pagament tagħhom isir tard. Nixtieq ngħid ukoll li s-sitwazzjoni bħalissa reġgħet ġiet għan-normal u l-
Unit
fid-Dipartiment li jipproċessa dawn il-
claims
qiegħed jingħata aktar riżorsi biex ikun jista’ jibqa’ jlaħħaq adekwatament mad-domanda dejjem tikber għas-servizzi li joffri f’dan ir-rigward.
Art Ġdida fejn jitpoġġew impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19647 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu, u jispjega lill-Kamra jekk sarux feasibility studies tal-possibilità li b'mod għal kollox artifiċjali (jiġifieri mhux naturali) tiġi maħluqa art jew territorju ġdid fil-baħar (land reclamation), in linea ma' dak li sar b suċċess f pajjiżi żgħar oħra bħal Singapore, anke biex, bħalma sar f'pajjiżi oħra żgħar bħalna, fuq din l-art ġdida u allura 'il bogħod mill-abitat jkunu jistgħu jitpoġġew impjanti tal-ġenerazzjoni tal-elettriku b' mod nadif, b'mod sostenibbli, bħal wind stations jew anke jintuża għal skopijiet ta' waste management (waste to energy eċċ.)? Jista' jagħti sfond ta' kif saret kunsiderazzjoni bħal din fuq livell governattiv u jgħid pajjiżna f liema direzzjoni sejjer f dan is-settur? Jista' ukoll jelenka l-ismijiet tal-istudji prinċipali li saru f dan ir-rigward għall-konsum tal-Gvern, bl-annu u l-awtur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Malta saru żewġ studji dwar il-possibilità li b'mod għal kollox artifiċjali (jiġifieri mhux naturali) tiġi maħluqa art jew territorju ġdid fil-baħar ( land reclamation ). L-ewwel wieħed sar bejn Novembru 2004 u Jannar 2005. Ix-xogħol kien sar minn Carlbro Intelligent Solutions. Dan l-istudju identifika siti fejn għandu jsir investigazzjonijiet dwar jekk dan it-tip ta' żvilupp hux possibli. Minħabba li ġew identifikati żoni li kienu diġà magħrufa għall-karatteristiċi ambjentali jew turistiċi tagħhom, id-deċiżjoni ttieħdet li jsiru aktar investigazzjonijiet fuq żewġ żoni f'Malta. Dan it-tieni studju sar minn Scott Wilson bejn l-2006 u l-2008. It-tieni studju kien iktar vast u kien ikopri ġbir ta' informazzjoni fuq l-ambjent tal-baħar, evalwazzjoni tal-liġijiet u regolamenti ambjentali kif ukoll tal-ippjanar. F'dan l-istudju saret ukoll evalwazzjoni teknika u ekonomika għal dan it-tip ta' żvilupp. Ta'min ifakkar illi minn mindu ntemm l-istudju tal-2008 saru tibdiliet fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent li għandom jiġu kkunisdrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm Maltin-Awstraljani li jgħixu l-Awstralja u għandhom il-passaport Malti taħt ir-regime taċ-ċittadinanza doppja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ebda data ma tinżamm mill-Uffiċċju tal-Passaporti rigward kemm Maltin-Awstraljani għandhom passaport Malti taħt ir-regime taċ-Ċittadinanza Doppja. Madanakollu, tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li f’dawn l-aħħar 6 snin, ċioe mill- 1 ta’ Mejju 2004, inħarġu 10,349 passaport Malti lil ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstralja.