Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna fil-ħabsijiet tagħna rġiel taħt l-età ta' 18-il sena u nisa taħt l-età ta' 18-il sena? F'kull każ, kemm hi l-età tagħhom? F'kull każ, f'liema parti tal-ħabs huma miżmumin dawn il-ħabsin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-24 ta' Jannar ta' din is-sena, fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien 5 persuni taħt it-18-il sena, li huma kollha rġiel, wieħed ta' 16 li qiegħed miżmum fil-Forensic Unit, tnejn ta' 17 u tnejn ta' 18 li qegħdin miżmuma fil-YOURS.
Tista' l-Ministru tipprova tikkonvinċi lill-Kamra tar-Rappreżentati għaliex huwa tajjeb dak li għamel il-gvern meta numru ta' kotba ta' valur imprezzabbli, inkluż Candide ta' Voltaire, Silġ fuq Kemmuna u Kwart ta' Mija ta' Alfred Sant, Meta jdellel il-Qamar ta' Lino Spiteri, Lady Chatterley's Lover u Women in Love ta' DH Lawrence u Jum it-Tama ta' Patri Wistin Born ġew imċaħħda milli jidħlu fil-libreriji tal-iskejjel sekondarji tagħna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Napprezza ħafna kieku l-Onorevoli Interpellant ma jippruvax jippolitiċizza kull ma jiġri f’dan il-pajjiż meta jaf tajjeb li l-gvern qatt ma ta, u qatt mhu sejjer jagħti direzzjoni li l-istudenti tagħna jkunu mċaħħda minn kotba ta’ valur literarju imprezzabbli.
Bħalissa s-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-kotba fl-iskejjel sekondarji qiegħda tiġi evalwata minn grupp ta’ nies appuntati mill-Ministeru tiegħi. Dan il-grupp għandu jwassal ir-rakkmandazzjonijiet tiegħu u fi żmien qasir. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fil-libreriji tal-iskejjel sekondarji tagħna jidħlu minorenni ta’ bejn il-11 u s 16-il sena.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-programm satiriku VIP Xow tal-kummidjanti popolari Zoo tneħħa kompletament mill-iskeda tal-programmi tal-Public Broadcasting Services?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif intqal pubblikament mill-PBS, il-programm VIP Show twaqqaf minħabba l-aġir tal-producers li naqsu milli jiltaqgħu mal-Bord Editorjali diversi drabi, taw prodott mhux ta’ kwalità tajba biżżejjed għall-Istazzjon Nazzjonali u minħabba l-kontenut tal-programm mogħti għax-xandira tat-3 ta’ Jannar 2011, li espona lill-PBS għal konsegwenzi legali minħabba disprezz lejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema ċirkostanzi persuni arrestati fil-perkors ta' investigazzjoni jistgħu jiġu mneżżgħin kompletament biex issir tfittxija fuq il-persuna tagħhom (strip-searched)? Huwa minnu li kunsillier jew għadd ta' kunsilliera li jifformaw parti mill-gvern lokali ta' Tas-Sliema ġew strip searched fil-kwartieri ġenerali tal-Furjana skont kif rapportat fil-ġurnal Malta Today tas-16 ta' Jannar, 2011 wara li ġew arrestati fuq suspett ta' reat relattivament minuri (użu ħażin ta' laptop tal-kunsill)? Jekk huwa minnu, għaliex sar dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-Kapitolu 164 tal-Liġijiet ta’ Malta, fl-artikolu 65(2) jistabbilixxi li l-uffiċjal tal-kustodja jista’ jaqbad kull ħaġa, inklużi lbies jew affarijiet personali li jkunu fuq il-persuna arrestata jekk ikollu tassew għaliex jissuspetta li dik il-ħaġa tkun prova dwar xi reat jew jekk jidhirlu li tista’ tintuża minn dik il-persuna biex tikkaġuna danni fiżiċi lilha nfisha jew lil ħaddieħor jew li tagħmel ħsara lill-proprjetà jew li tfixkel il-provi jew li tagħmilha iktar faċli li taħrab. Sabiex dan jista’ fiżikament isir, il-proċedura li tiġi segwita mill-pulizija hija dik li ssir tfittxija fuq il-persuna li tkun ser tinżamm fil-lock up tal-pulizija. Dan isir prinċipalment sabiex ikun żgurat li ma jkun hemm xejn fuq il-persuna li tkun ser tiġi miżmuma fil-lock up u fil-kustodja tal-pulizija li biha tista’ tweġġa’ lilha nnifisha jew lill-uffiċjali. Irid jingħad li din it-tfittxija ssir fil-privatezza ta’ kamra dedikata għal dan il-għan.
Peress illi l-konjugi li dettalji tagħhom qed jintbagħtu seperatament li jgħixu flimkien maż-żewġt itfal maġġorenni tagħhom u li waħda minhom għamlet żmien reġistrata bħala single mother matul is-sena 2009, biss mill-24 ta' Settembru 2009 'il quddiem bdiet taħdem bħala għalliema u m'għadhiex iktar fuq l-għajnuna soċjali u li fis-sena 2009 din irċeviet total ta' mhux iktar minn €40 bħala benefiċċju tal-enerġija u la din u lanqas il-ġenituri tagħha ma rċevew l-allowance ta' €155 li jirċievu dawk li mhumiex fuq l-għajnuna soċjali (kalkolu fuq ħames persuni) u minkejja li sar rapport anke lid-Dipartiment tal-Għajnuna Soċjali f'dan is-sens biex dawn jieħdu l-allowance li rċieva kulħadd, dawn sal-lum ma rċevew xejn, jista' l-Ministru jara l-każ tagħhom biex dawn jirċievu l-allowance ta' €155 skont kif ħaqqhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nħareġ ċekk nhar il-2 ta’ Diċembru 2010 għall-valur ta €105, fuq tliet persuni.
Skond l-informazzjoni mgħotija mid-dipartiment tas-sigurtà soċjali, f’din ir-residenza hemm ħames persuni residenti, iżda tnejn minn dawn jaqgħu taħt il-każijiet soċjali u għal din ir-raġuni, iċ-ċekk inħareġ fuq tliet persuni biss.
Jista' l-Ministru jgħid mill-Indipendenza sal-lum kemm-il kawża saret taħt artiklu 95 (2) a, 95(2)b, 95 (2) d, 95 (2) e u 95 (2) f, tal-Kostituzzjoni ta' Malta u jagħti l-ismijiet ta' kull kawża?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar kawżi li setgħu saru taħt l-artikli msemmija tal-Kostituzzjoni ta' Malta.
B'referenza għall-konferenza stampa uffiċjali li l-Kanċilliera Tedeska Angela Merkel u l-Prim Ministru taw nhar l-10 ta' Jannar 2011, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra għaliex meta f'dik l-okkazjoni l-Kanċilliera Tedeska użat il-lingwa nattiva tagħha - tant li kien hemm servizz ta' traduzzjoni instantanja - l-Prim Ministru Malti uża lingwa barranija ċioe l-Ingliż u mhux il-Malti meta l-Malti hu bir-raġun lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea daqs it-Tedesk?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Peress li ma kellix mistoqsijiet fil-lingwa Maltija, ma weġbitx bil-Malti.
Jista' l-Prim Ministru jiddikjara jekk is-security guards li jaħdmu mal-kumpanija li rebħet it-tender maħruġ minn Heritage Malta għall-provvediment ta' security guards jitħallsux il-paga minima nazzjonali jew iktar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-kuntrattur huwa marbut li jħallas il-pagi kif stabbilit mil-liġijiet dwar ix-xogħol.
B'referenza għall-art mhux mibnija li tinsab eżatt faċċata l-Qasam tal-Bujar f'Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex din ma tibqax maħmuġa, mitluqa, kollha ħmieġ u ġrieden? Tista' tiġi żviluppata f'post rikreattiv għall-familji?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jipprovdi site-plan ta’ l-art in kwestjoni mmarkata b’kulur biex tkun tista’ tiġi identifikata s-site.
Wied il-Għajn — Triq Gidwet u Triq Patri Wistin Borne
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru Triq Gidwet u Triq Patri Wistin Borne f'Wied il-Għajn għaliex ilhom ħafna jiġu mwiegħda li se jsiru, anke f'dan il-Parlament stess?
Jista' l-Ministru jara li triq żgħira ħafna, Triq il-Ħaddiema (kantuniera ma' Labour Road) fiż-Zejtun bis-servizzi kollha mgħoddijin u li tinsab f'qagħda mill-iktar diżastruża issir għall-ewwel darba? Tenut kont li madwar sena u nofs ilu attendew anke żewġ ħaddiema tad-dipartiment relattiv għal spezzjoni imma t-triq baqgħet ma saritx u tenut kont li mal-ewwel xita timtela' bit-tajn u bit-trab kullimkien u saħħet in-nies li jgħixu hemmhekk tmur lura, jista' l-Ministru jara li l-Gvern jagħmel din it-triq malajr kemm jista' jkun?
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1458, peress li jirriżulta li l-problema fid-domanda oriġinali mhux talli ma ssolvietx, imma talli kibret għaliex ma ttieħdet ebda azzjoni għajr site inspection, jista' l-Ministru jgħid x'sar fil-frattemp min-naħa tad-dipartiment kkonċernat u x'se jsir biex il-problema ta' aċċessibbilità tissolva? Jaqbel li l-persuna li tgawdi l-pussess legali tal-garaxx għandha ukoll dritt li jkollha aċċess diċenti minn triq/passaġġ diċenti biex b'hekk tagħmel użu effettiv tal-garaxx de quo u mhux jispiċċa jkisser il-karozza kif qed jagħmel illum u ilu jagħmel hekk is-snin? Kif għaddew aktar minn sentejn u ma ngħatax rimedju effettiv?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill Onor. Interpellant illi in segwitu għat-tweġibiet li ngħataw għal Mistoqsijiet Parlamentari Nru 4940 u 9909, id-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern fi 23 ta’ Ġunju 2009, kien ressaq l-ilment tal-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament lill-Awtorità dwar it-Trasport, issa Transport Malta u talabha tagħmel xogħol ta’ illivellar ta’ triq in kwistjoni sabiex dan il-garaxx ikun aktar aċċessibli. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern mhuwiex l-entità responsabbli fuq xogħol infrastrutturali ta’ toroq, għaldaqstant il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament għandu jirrikorri lejn din l-entità bl-ilment tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid:
a) Jekk l-Impjant ta’ Sant'Antnin li skont il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar illum huwa għal 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena, huwiex kapaċi jieħu aktar tunnellati minn hekk, jekk tkun tinħass il-ħtieġa?
b) Kemm hu t-total ta’ tunnellati li l-istess impjant kapaċi jitratta fis-sena?
c) Jekk il-figura ta’ 71,000 tunnellata ta’ skart fis-sena hijiex biss il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jekk dan il-permess hux għal tul il-ħajja tal-impjant jew iridx jiġġedded kull sena?
d) Jekk il-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal 71,000 tunnellata fis-sena jirriflettix ukoll fl-applikazzjoni għall-istess impjant?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-ammont ta 71,000 tunellata ta’ skart huwa l-massimu li jista jiġi digested u l-impjant mhux attrezzat biex jaqbeż dan l-ammont. Din il-figura hija stabbilita fil-permess tal-iżvilupp maħruġ mill-MEPA li ma jiġġeddidx kull sena kif ukoll fl-Environmental permits maħruġin mill-MEPA ukoll u li jiġġeddu kull sena. L-applikazzjoni oriġinali kienet għall-ewwel fażi li kellha tkun ta’ kapaċita ta’ 71,000 tunellata, madankollu l-Gvern iddeċieda li l-massimu tal-faċilita kollha għandha tkun ta’ 71,000 tunellata. Dan il-limitu ġie ukoll stabbilit fil-permess maħruġ mill-MEPA.
Nefqa f'tiswijiet u manutenzjoni tal-air conditions
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hi n-nefqa f'sena tas-servizz ta' tiswijiet u manutenzjoni tal-air conditions fil-bini tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa f'sena tas-servizz ta' tiswijiet u manutenzjoni tal-Air Conditions fil-bini tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tammonta għal €4,396.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ex ħaddiema tal-Maltacom li kienu ħadu l-early retirement fl-1999 u li bħala parti mill-pakkett ingħataw shares f'fond apposta? Meta se jiġu likwidati l-ħlasijiet dovuti lilhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-aħħar parti tat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 16771.
Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 22192 u jgħid jekk jaħsibx il-gvern preżenti li għandu jsir it-tibdil meħtieġ biex ġudikanti li taw ġieħ lill-pajjiż b'ħidmiethom, bħalma kien Sir Anthony Mamo, għandhom ikunu huma ukoll eleġibbli għall-Presidenza?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-Gvern ma jidhirlux li għandu jinbidel dan il-provvediment li sar bi qbil bejn il-Gvern u l-Opposizzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22171 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm swew ir-riklami fil-ġurnali intitolati "the truth prevails BWSC contract"? Fejn dehru? F'liema ġurnali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm offriet Malta fi flus għall-fond ta' Auschwitz-Birkenau li twaqqaf biex jiġu mantnuti l-kampijiet oriġinali wara appell tad-direttur tal-mużew Piotr Cywinski?
Response (BORG, TONIO)
Malta offriet is-somma ta' € 5,001.50 għall-fond tal-Fondazzjoni Auchwitz-Birkenau. Dan il-pagament tħallas f' Ġunju 2010.
Re-engagement of Retired Public Officers and Engagement of Retired External Recruits
Question
Jista' l-Ministru jispjega x'kien l-iskop wara s-segwenti sejħa pubblika: "Re-engagement of Retired Public Officers and Engagement of Retired External Recruits within the Ministry for Health, the Elderly and Community Care" bi closing date 30 ta' Diċembru 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sejħa msemmija hija skont l-Avviż tal-Gvern Numru 321 dwar id-Delega ta’ Ċerti Setgħat dwar is-Servizz Pubbliku li jġib id-data tat-28 t’April 2009, maħruġ b’ordni ta’ l-Onor. Prim Ministru bis-saħħa tas-setgħat mogħtija bl-Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni.
Din is-sejħa
hija intenzjonata biex ikun jista’ jinkseb is-servizz ta’
Nurses
u
Midwives
kwalifikati u b’esperjenza li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda li ma jkunux għalqu l-65 sena. Din il-miżura, flimkien ma’ miżuri oħra li qegħdin jittiedu mill-Ministeru, għandhom il-għan li jiżdied in-numru ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa fl’entitajiet pubbliċi f’pajjiżna biex b’hekk ikun jista’ jkompli jingħata l-aħjar servizz possibbli lill-poplu Malti.
Is-sejħa msemmija ser tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Diċembru 2011 sabiex in-
Nurses
u
Midwives
irtirati kollha li diġà laħqu l-età tal-irtirar
jew li ħa jilħqu l-età tal-irtirar sal-31 ta’ Diċembru 2011, ikollhom l-opportunita kollha li japplikaw. B’hekk jiġi evitat li tinħoloq ċirkustanza fejn persuna eliġibli ssib li ma tkunx tista’ tapplika minħabba li s-sejħa tkun laħqet għalqet.