Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ħariġx l-AIP Permit għall-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? X'inhu jżomm milli jingħata l-go ahead?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-applikazzjoni ġiet ippreżentata fis-Sezzjoni tal-AIP fit-12 ta’ Jannar 2011 u għaddiet għall-verifika min-naħa tal-pulizija fl-24 ta’ Jannar, 2011.
Dan l-AIP għadu ma nħariġx peress li għad trid toħroġ il-
clearance
min-naħa tal-pulizija, li min-naħa tagħhom għadhom qed jistennew xi dokumenti dwar dan il-
file
.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament bl-eżitu tal-investigazzjoni indikata fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34303 mogħtija fl-24 ta' Ġunju 2002 f'Seduta 760 mill-allura Viċi Prim Ministru Lawrence Gonzi, illum Prim Ministru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li peress li ż-żewġ persuni nvoluti fl-investigazzjoni mietu fis-snin li għaddew, qabel ma ttieħdet deċiżjoni mill-Qorti, qatt ma kien hemm eżitu finali tal-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.
Żejtun, Wied il-Għajn u l-Fgura — xogħol fuq skejjel governattivi
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol ta' natura kapitali sar fuq l-iskejjel kollha governattivi li jinsabu fiż-Żejtun, Wied il-Għajn u l-Fgura fl-aħħar tliet snin? Tista' tagħti l-informazzjoni skola, skola bl-ammont ta' nefqa kapitali u fiex kien jikkonsisti x-xogħol de quo?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ix-xogħolijiet li saru f’dawn l-iskejjel matul l-aħħar tliet snin huwa kif indikat hawn taħt:
Skola Primarja Ż
ejtun
· Tiswija fl-entratura tal-iskola u restawrar tal-faċċata;
· Xogħol ta’ madum tal-lastiku fil-bitħa;
· Xogħol ta’ wiċċ sintetiku fil-playground; u
· Xogħol relatat mal-faċilitajiet sanitarji.
In-nefqa kienet ta’ €39,055.50
Skola Sekondarja Ż
ejtun
· Bdil ta’ aluminium;
· Xogħol relatat mal-faċilitajiet sanitarji u
· Lockers
In-nefqa kienet ta’ €33,777.27
Skola Primarja Fgura
· Bini mill-ġdid ta’ link corridor sabiex jgħaqqad il-blokki flimkien u tiswijiet strutturali.
In-nefqa kienet ta’ €22,121.34
Skola Primarja Marsascala
· Sar xogħol biex tiżdied l-aċċessibilita.
In-nefqa kienet ta’€6,206.89
Riabilitazzjoni tal-Magħluq — applikazzjonijiet għal fondi Ewropej
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm-il applikazzjoni saret mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal fondi Ewropej (sew jekk strutturali jew xorta oħra) bil-għan li jigi riabilitat il-Magħluq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-entità kkonċernata qed tiġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant u hekk kif dak l-eżerċizzju jkun finalizzat, l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
Wied il-Għajn — Family Park f'Sant Antnin - kuntratt ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi fatti ġodda konnessi mal-kuntratt ta' kostruzzjoni ta' family park f'Sant Antnin, Wied il-Għajn? Jekk iva, x'kienu? Veru li qed issir investigazzjoni? Għaliex? Fuqiex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-għotja tal-Kuntratt ta’ Kostruzzjoni tal- Family Park f'Sant Antnin huwa proċess tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija lid-Dipartiment tal-Kuntratti peress li huwa xieraq li dettalji fuq il-process ta’ dan il-kuntratt jinħargu minn dan id-dipartiment.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad dak li deher fil-ġurnal "The Independent" fil-ħarġa tas-17 ta’ Marzu 2011 u ċioe li t-tender in konnessjoni mal-kostruzzjoni tal-Family Park f'Wied il-Għajn ġie sospiż?
Jekk fl-affermattiv, jista' jinforma lill-Kamra bir-ragunijiet li wasslu għal tali sospensjoni u jekk waħda mir-ragunijiet kenitx għaliex ingħatat informazzjoni kunfidenzjali fl-għoti tal-offerti in konnessjoni mas-sejħa għat-tender tal-Family Park lil xi kuntratturi involuti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu ukoll li din l-informazzjoni importanti konnessa mal-istess tender ingħatatx minn xi uffiċjali tal-kumpanija WasteServ?
Min kien jew kienu l-uffiċjali?
Jista' jgħid jekk hux minnu li qed isiru investigazzjonijiet; waħda mill-kumpanija nnifisha u l-oħra mill-Pulizija?
Jekk fl-affermattiv, fiex waslu dawn l-investigazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tender ta’ parti mill-kostruzzjoni tal-Family Park f’Wied il-Għajn ġie sospiż. Nista nikkonferma li minn informazzjoni li ngħatat lill- ministru, dan seħħ wara li ġiet mogħtija xi informazzjoni fl-għoti tal-offerti minn uffiċjali tal- Wasteserv lil xi kuntratturi involuti.
Rigward l-investigazzjonijiet, ninforma lill-Onor Interpellant li kienet bdiet investigazzjoni interna mill-Wasteserv, pero din ġiet sospiża hekk kif il-pulizija bdiet l-investigazzjoni tagħha u l- materjal kollu li kien inġabar ġie mgħoddi lill-pulizija.
Unjoni Ewropea — Cohesion Fund - kumpaniji li tħallsu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta’ flus li tħallsu s'issa lill-Gvern jew lil xi entità oħra mill-Cohesion Funds tal-Unjoni Ewropea (2004-2006) in konnessjoni mat-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tal-Impjant għar-Riċiklaġġ f'Sant'Antnin, Wied il-Għajn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont totali ta’ flus allokati mill-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ dan il-proġett huwa ta’ €11,723,250. Minn din is-somma allokata s’issa il-Gvern Malti rċieva €9,378,600. Il-bilanċ jiġi trasferit meta l-proġett jitlesta u l-obbligi jintlaħqu kollha.
Impjant għar-Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin — spiża fuq ikel u xorb għar-riċeviment
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali fuq ikel u xorb tar-riċevmenti li saru fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-Impjant għar-Riciklaġġ ta’ Sant' Antnin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża totali fuq ikel u xorb tar-riċevimenti li saru fl-okkazjonijiet li saru fl-inawgurazzjoni tal-Impjant ghar-Riciklagg ta’ Sant’ Antnin kinet tammonta għal € 5,451.38.
Spiża totali fuq Open Weekend tal-Impjant għar-Riċiklaġġ f'Sant' Antnin
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża totali in konnessjoni mal-guided tours li saru fl-open weekend fl-okkazjoni tal-ftuħ tal-Impjant għar-Riċiklaġġ f'Sant'Antnin? Minn min kienu organizzati? X'kienet l-ispiża totali, eskluż dawk relatati mal-inviti u l-leaflets li tqassmu fl-istess okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-Impjant għar-Riċiklaġġ u tal-open weekend li saret għall-istess okkażjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-guided tours kienu organizzati mill-WasteServ taħt l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li ssir kampanja pubblika informattiva. L-ispiza totali kienet ta' €27,500 u li allura €18,714 minnhom kienu finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea. L-ispiża globali tinkludu l-ispejjeż ta' kiri ta' coaches, kiri ta' marquee u Kids' Area, reklamar fuq il-media, produzzjoni u stampar relatat ta' 14-il pannew informattiv, u ritratti u ffilmjar.
Tista' l-Ministru tikkonsidra li jogħla ċ-ċint tad-dawra tal-ground tal-iskola primarja ta' Wied il-Għajn u l-gate issir waħda apposta minħabba vandaliżmu li qed isir minn persuni ignoti li jaqbdu u jixxabtu minn barra għal ġol-ground?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ilment tal-Onor. Interpellant diġà qiegħed jiġi segwit.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jidħlu jaħdmu ħaddiema addizzjonali fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn biex jassiguraw standard aħjar ta' manutenzjoni u tindif fl-iskola? Kemm hu l-complement ta' ħaddiema manwali li hemm bżonn fl-iskola? Kemm hemm preżentament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-complement ta’ ħaddiema manwali fl-iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn għandu jkun ta’ tlett (3) full-time cleaners (General Hands) fuq tindif u tnejn (2) oħra fuq manutenzjoni. Fil-preżent hemm tlett (3) full-time General Hands fuq tindif u tnejn (2) oħra fuq manutenzjoni.
It-talba mill-amministrazzjoni tal-iskola sabiex jintbagħat
staff
addizzjonali biex jagħmel xogħol ta’ tindif fl-iskola qed tigi kkunsidrata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kuntratt ta' kostruzzjoni ta' family park f'Sant Antnin, Wied il-Għajn ġie kanċellat? Jikkonferma li fil-kostruzzjoni eventwali se jkun inkluż ukoll grawnd tal-futbol fil-proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant għall-osservazzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt ma ġiex ikkanċellat.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux se jkun hemm ground formali però se jkun hemm spazju ta’ qis biżżejjed li jagħmilha possibbli li jintlagħab futbol 5-a-side b’mod informali.
Jista' l-Ministru jgħid x'assi personali għandu l-Kurunell Muammar Gaddafi u membri tal-familja tiegħu f'Malta jew Għawdex, sew jekk huma assi likwidi, proprjetà immobbli jew xi tip ta' assi oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Żwieġ bejn ċittadini Maltin u persuni minn barra l-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'inhuma d-drittijiet f'Malta ta' persuni li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea li huma miżżewġin ċittadini Maltin? X'inhi l-pożizzjoni tal-istess persuni f'każ li ż-żwieġ jiġi kontrattat:
a) f'pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea,
b) f'pajjiż mhux membru tal-Unjoni Ewropea; u
ċ) f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-mistoqsija li qed jagħmel l-Onor. Interpellant hija ta' natura legali. Mhix il-kompetenza tiegħi bħala Ministru li nagħti pariri jew opinjonijiet legali fuq is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni f'pajjiżna tas-servizz magħruf bħala IP telephone? Jeżisti dan is-servizz? Huwa regolat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-terminu “IP telephony” jirreferi għal teknoloġija li permezz tagħha s-servizz tat-telefonija jiġi mgħoddi fuq networks varji li jużaw Internet Protocol. Dawn jistgħu jkunu networks privati kif ukoll pubbliċi, bħal kif inhija l-internet. Din it-teknoloġija ġiet addottata madwar id-dinja kif ukoll f’Malta. Ir-regolazzjoni f’Malta tas-servizzi ta’ kommunikazjoni elettroniċi hija msejsa fuq il-qafas Ewropew li jipprovdi għal regolazzjoni li hija technology neutral. Suppliers ta’ servizzi ta’ kommunikazzjoni elettronika f’Malta huma meħtieġa li jinnotifikaw bl-operat tagħhom lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, u dawn is-suppliers huma soġġetti għal diversi drittijiet u obbligi li joħorġu skont il-liġi.
Jista' l-Ministru jispjega kif il-Flood Relief Project, li għadu kemm ġie approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, se jgħin fit-tneħħija tal-problema akuta ta' flooding li sseħħ f'Wied il-Għajn wara kull ħalba xita qawwija? X'inhu prospettat li jsir f'Wied il-Għajn għal dan il-għan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess tal-MEPA li għadu kemm inħareġ għal proġett ta’ kontra l-għarar ma jinkludiex l-erja ta’ Wied il-Għajn iżda jikkoncerna biss il-“catchment ta’ B’Kara – Msida”.
Il-Ministeru preżentement għandu applikazzjoni oħra quddiem il-MEPA għal-permess li tikkoncerna progett ta’ mini taħt l-art biex jinġabar l-ilma tax-xita li jaqa fl’erja ta’ bejn Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn u b'hekk għandha tittaffa l-problema eżistenti f'Wied il-Għajn.
Jista' l-Ministru jispjega kif il-Flood Relief Project, li għadu kemm ġie approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, se jgħin fit-tneħħija tal-problema akuta ta' flooding li sseħħ f'Wied il-Għajn wara kull ħalba xita qawwija? X'inhu prospettat li jsir f'Wied il-Għajn għal dan il-għan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
esportazzjoni ta' armi żgħar minn Malta għal Libja
Question
Jista' l-Prim Ministru jispjega lill-Parlament fid-dettall kollu li hu possibbli x'kienu u fiex kienet tikkonsisti eżatt l-esportazzjoni ta' €79,689,691 f'armi żgħar minn Malta lil-Libja - dejjem skont rapporti ufficjali tal-Unjoni Ewropea - in vista taċ-ċaħda li għamel l-Ambaxxatur Taljan għal Malta fil-ġurnal The Times tal-1 ta' Marzu 2011 p.9 li sostna li l-Italja esportat "biss" armi fl-ammont totali ta' €11 miljun bejn l-2008 u l-2010 u ebda minn dawn l-armi m'għaddew minn Malta għajr "operazzjoni żgħira ħafna"?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f’Novembru tal-2009 aġent Malti informa lid-Dwana ta’ Malta li, fuq vapur li kellu jagħmel waqfa f’Malta biex iniżżel u jgħabbi xi merkanzija, kien hemm kunsinna ta’ armi li oriġinat l-Italja u li kella tibqa’ sejra lejn il-Libja. Din il-kunsinna ma kellhiex tinżel l-art. Id-Dwana irreferit l-aġent lejn id-Direttorat għas-Servizzi Kummerċjali tad-Dipartiment tal-Kummerċ, minħabba li din il-kunsinna kienet teħtieġ l-awtorizzazzjoni ta’ dan id-Direttorat, għalkemm fiżikament ma kellhiex tinżel l-art.
Għalhekk il-kumpanija Taljana applikat għal awtor
iżazzjoni mid-Direttorat għas-Servizzi Kummerċjali tad-Dipartiment tal-Kummerċ għal
transit
bil-baħar ta’ konsenja ta’ 1900
semi-automatic shotguns,
1800
semi-automatic carabines and 7500
pistols
lejn il-Libja. Il-proċedura segwita kienet kif ġej:
·
Kien ivverifikat li l-armi setgħu jkunu esportati u jgħaddu minn Malta skont il-liġi nazzjonali u r-regolamenti tal-Unjoni Ewopeja;
·
Ingħatat
clearance
mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin biex l-armi setgħu jitħallew jgħaddu
in transit
lejn il-Libja, pere
ss li dak iż-żmien ma kien hemm ebda sanzjonijiet fuq dak-il-pajjiż;
·
Kien ivverifikat li kien hemm permess mill-awtoritajiet Taljani biex ikunu esportati it-tali armi fin-numru indikat
·
Kien mitlub, u ingħata
end user certificate
mill-Ambaxxata Taljana fi Tripli
·
Fuq din il-bażi ingħatat awtorizzazzjoni mid-Direttorat għas-Servizzi Kummerċjali tad-Dipartiment tal-Kummerċ biex l-armi jgħaddu minn Malta lejn il-Libja. It-transit sar wara li l-awtorizzazzjoni maħruga mid-Dipartiment tal-Kummerċ kienet ippreżentata lid-Dwana ta’ Malta.
Tajjeb li wieħed ifakkar li fl-ebda mument l-armi ma tniżżlux l-art.
Il valur tela’ għal €79 miljun minħabba dikjarazzjoni żbaljata tal-aġent Malti li fuq l-applikazzjoni niżżel ‘0’ żejda.
Jista' l-Ministru jgħid x' kien ir-raison d'etre wara d-deċizjoni li jingħalaq il-pont li mill-Imsida jieħdok għall-Gżira (Valletta only)? Jaħsibx li deċiżjoni bħal din hija waħda ħażina għaliex toħloq aktar traffiku u dewmien żejjed partikolarment fir-rush hours u meta tkun ix-xita?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma ħadet l-ebda deċiżjoni tat-tip li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant.