Jista' l-Ministru jgħid:
a) jekk l-art, li l-pjanta tagħha qed tingħata separatament, u li għandha l-kulur blu, hijiex proprjetà tal-gvern;
b) jekk iva, jekk hemmx terzi persuni li għandhom xi titolu possessorju jew ta' detenzjoni fuq xi parti mill-proprjetà u jekk iva fuq liema parti;
ċ) x'inhuma l-kmamar indikati bil-blu fil-pjanta annessa u ta' min huma;
d) jekk il-kmamar indikati bil-blu fil-pjanta għandhomx xi valur storiku jew patrimonjali; u
e) jekk il-gvern ikunx lest li jiddevolvi, suġġett għall-kundizzjonijiet kollha li l-gvern jidhirlu li huma xierqa, favur il-Gvern Lokali ta' Wied il-Għajn jew favur Marsascala FC biex jinbena ground sportiv fiż-żona de quo u l-kmamar jintużaw mill-istess Gvern Lokali ta' Wied il-Għajn jew Marsascala FC għal raġunijiet sportivi?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-art immarkata b’kulur blu fuq il-pjanta indikata hija proprjetà tal-Gvern. Din l-art hija parti minn art akbar li hija mikrija bi qbiela lil terzi persuni.
Il-kmamar li hemm indikati bil-blu fil-pjanta, waħda hija
pillbox
ta’ żmien il-gwerra filwaqt li l-oħra hija dwejra ġewwa għalqa. Jekk dawn il-kmamar għandhomx xi valur storiku jew patrimonjali, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi d-domanda tiegħu lill-ministru kkonċernat.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda, d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, ikun lest li jikkonsidra d-devoluzzjoni tal-art in kwistjoni favur il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn jew favur il-Kunsill Malti għall-Isport, jekk ikollu r-rakomandazzjoni tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali jew talba mill-Kunsill Malti għall-Isport. Niġbed l-attenzjoni wkoll li f’kull każ ta’ din id-devoluzzjoni, trid tiġi tterminata l-qbiela u jrid ikun hemm minn qabel il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar.
Cohesion Funds — Immodernizzar tal-Impjant tar-Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14923 u 24814 dwar il-fondi Ewropej (Cohesion funds) li ġew allokati għall-immodernizzar tal-Impjant tar-Riċiklaġġ ta' Sant' Antnin, jista' l-Ministru jgħid kemm attwalment ġew mogħtija flus mill-Cohesion Fund għal dan il-proġett? Għalfejn fiż-żewġ risposti hemm differenza ta' madwar €5 miljuni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammonti indikati fiż-żewġ tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 14923 u 24814 dwar il-fondi Ewropej (Cohesion Funds) huma konfermati u m’hemm l-ebda diskrepanza bejniethom.
Ta’ min jinnota li l-mistoqsija numru 14923 saret fi Frar tal-2010 u l-ammont totali li ġie kkreditat sa dik id-data fil-Fond Konsolidat tal-Gvern abbinat mal-Proġett kien jammonta għall- €8,184,085.73.
Il-Mistoqsija numru 24814 saret f’Marzu 2011 u l-ammont totali li ġie kkreditat sa llum fil-Fond Konsolidat tal-Gvern abbinat mal-Proġett jammonta għall- €9,378,600, jiġifieri żieda ta’ €1,194,514.27 mis-sena ta’ qabel.
Dan ifisser li mill-€11,723,250 li l-Unjoni Ewropea allokat għall-dan il-proġett, sa issa Malta irċeviet €9,378,600.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-ewwel każ meta l-qorti ppronunzjat li xi ħadd li twieled bis-sess maskil għandu jkollu ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu korrett biex is-sess jinbidel għal mara? Meta kien l-ewwel każ meta l-Qorti ppronunzjat li xi ħadd li twieled bis-sess feminil għandu jkollu ċ-ċertifikat tat-twelid tiegħu korrett biex is-sess jinbidel għal raġel? Jista' jgħid kemm kellna każijiet b'kollox minn dakinhar 'l hawn skont is-sess kif inqaleb?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Qrati ta' Malta kif ukoll fil-Qrati t'Għawdex ma tinżammx statistika dwar każijiet msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-ħsad tal-ħaxix ħażin li jikber fl-isqaqien tal-villaġġi antiki tagħna hux qed tittieħed attenzjoni biex il-flora indiġena bħal-lellux u l-garni ma tiġix maħsuda fiż-żminijiet tar-rebbiegħa stante li dan hu l-perjodu ta' riproduzzjoni għall-flora indiġena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà għat-tindif fil-lokalitajiet kienet ġiet devoluta lill-kunsilli lokali.
B'referenza għall-vetturi li nsterqu matul l-aħħar ħames snin, jista l-Ministru jgħid:
a) kemm hu n-numru totali;
b) kemm minnhom huma vetturi kummerċjali;
ċ) x'inhu n-numru tal-vetturi privati li jaqbżu l-valur ta' €23000 ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn l-2006 u l-2010 in-numru ta' vetturi, inkluż il-muturi, li ġew irrapurtati nieqsa kien ta' 2,139. Infurmat ukoll illi statistika dwar informazzjoni rigward it-tip ta' vettura ilha tinżamm mis-sena 2008 mal-introduzzjoni tal-PIRS 2. F'dan ir-rigward in-numru ta' vetturi kummerċjali irrapurtati nieqsa mill-2008 sal-2010 kien ta' 148.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi fl-uffiċċju tal-istatistika ma tinżammx informazzjoni kompjuterizzata dwar il-valur attwali tal-vettura u trid issir riċerka mannwali każ, każ.
Unjoni Ewropea — sanzjonijiet fuq pajjiżi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista tal-pajjiżi kollha li l-Unjoni Ewropea għandha xi sanzjonijiet fil-konfront tiegħu/tagħhom? F'kull każ Malta qed tipparteċipa ukoll f'dawn is-sanzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
L-Unjoni Ewropea bħalissa għandha fis-seħħ Miżuri Restrittivi u Sanzjonijiet fil-konfront ta' pajjiżi li jidhru fuq il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Malta tipparteċipa f'dawn is-sanzjonijiet kollha peress li r-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea torbot lil kull Stat Membru tal-Unjoni b'mod dirett.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'passi ħa l-Gvern Malti biex inaddaf isem pajjiżna wara d-diskors li lissen il-preżentatur tar-RAI Massimo Giletti fuq programm ewlieni fl-Italja fil-konfront ta' pajjiżna u l-immigrazzjoni irregolari? In vista tal-kjarifika mqanżħa li xandar Giletti nhar it-3 ta' April, 2011 il-gvern se jieħu passi legali ulterjuri?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern Malti ħa passi sabiex
(a) jintervjeni fil-programm 'live' tas-27 ta' Marzu 2011 permezz tal-Ambaxxatur biex jiċħad l-allegazzjonijiet;
(b) kiteb ittra ta' protesta lid-diriġenza tar-RAI, li sunt tagħha ġiet imxandra fit-3 ta' April 2011;
(c) note verbale lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Italja dwar din il-kwistjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm Maltin ibbenefikaw u f'liema ammonti mill-programm Media tal-Unjoni Ewropea taħt id-diversi forom tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Nissuġġerixxi li l-Onorevoli Interpellant jgaħmel il- Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Malta Film Commission — opportunitajiet għall-film makers
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-Malta Film Commission biex tkabbar l-opportunitajiet għal film makers ġodda Maltin?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Film Commission kontinwament tistudja kif jistgħu jinħolqu opportunitajiet għal produtturi ta’ films lokali.
Fost dawn l-opportunitajit wieħed irid isemmi l-Film Fund li kien inħoloq sabiex jagħti fondi għat-twettieq ta’ proġetti ta’
films
. B’dan il-fond il-gvern qed jgħin sabiex jinħolqu opportunitajiet li jgħinu fl-iżvilupp ta’ industrija awdjo-viżiva indiġena filwaqt li tingħata għajnuna lill-produtturi lokali.
Minbarra dan il-fond, il-Malta Film Commission nidiet kors fuq l-aspetti ċarji tal-produzzjoni tal-films u li għalih qed jattendu numru sabiħ ta’ parteċipanti. Dan il-kors, li għalih qed jinġiebu
tutors
internazzjonali, jibqa għaddej sal-2012.
Awtorità ta' Malta dwar l-iStandards — kiri ta' office space
Question
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-iStandards beħsiebha tikri 2,700m2 ta' office space? Kien hemm tentattivi biex minflok il-gvern jagħti b'xi titolu possessorju jew xorta oħra lill-istess Awtorità ta' Malta dwar l-iStandards proprjetà jew arti tiegħu minflok ma ssir il-kirja de quo?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija dwar l-iStandards (MSA) ħarġet sejħa għal espressjonijiet ta’ interess minn soċjetajiet reputabbli illi jinsabu f’pożizzjoni illi jikkonċedu b’titolu ta’ kera spazju tal-kejl aprossimattiv ta’ 2700 m.k., ġewwa lokalità ċentrali u idoneja għall-użu bħala uffiċini, u dan, flimkien ma’ faċilitajiet adegwati ta’ parkeġġ, bi preparazzjoni għal meta tidħol fis-seħħ il-liġi ġdida li ser twaqqaf l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur; u dan wara li ġie kkonsultat id-Dipartiment tal-Propjetà Governattiva fejn ikkonferma li, fil-preżent, m’għandux aċċess immedjat għal propjetà ta’ din in-natura.
Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tax-xogħol li sar matul din il-leġislatura biex tissewwa l-ħsara strutturali li hemm fil-Forti Sant' Anġlu? Xi spejjeż intnefqu għal dan il-għan u x'beħsiebu jsir fil-futur qarib (short-term) u fil-futur imbiegħed (long-term)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol ta’ restawr fil-Forti Sant’Anġlu li sar f’dawn l-aħħar sentejn jinkludi dan li ġej:
· Ġew imħejjija r-rapporti xjentifiċi kollha meħtieġa sabiex f’Settembru 2009 ġiet sottomessa applikazzjoni lill-MEPA (4149/09) għal xogħol ta’ restawr fuq ir-rampa, il-bieb u d-daħla prinċipali u l-passaġġ li jwassal għall-Batterija de Guiral.
· Inbena mill-ġdid is-saqaf tal-polverista, li sar bid-deffun kif kien oriġinarjament.
· Inbena mill-ġdid il-ħajt li jwassal mil-livell t’isfel għal livell tan-nofs tal-forti.
· Ġiet ikkonservata l-qanpiena kif ukoll ġie rrestawrat il-kampnar li kien iżommha u ġiet ikkonservata u nbena mill-ġdid is-saqaf ta’ kamra biswit il-kampnar.
· Saru l-investigazzjonijiet arkeoloġiċi meħtieġa madwar id-daħla ewlenija tal-Forti sabiex ittieħdu ċerti deċiżjonijiet dwar ir-restawr tal-bieb u l-entratura. Dan wassal sabiex jerġa’ jinkixef mill-ġdid il-‘pont’ li jwassal mir-rampa sal-bieb prinċipali.
· Ġew ippubblikati l-ewwel żewġ tenders għal xogħolijiet ta’ restawr fuq il-bieb prinċipali u l-entratura.
L-ispiża s’issa tammota għal madwar €169,000.
Il-pjanijiet għall-futur qarib huwa li jiġi konkluż ix-xogħol li jirrigwarda r-restawr tar-rampa, tal-bieb u d-daħla prinċipali u tal-passaġġ għall-Batterija de Guiral.
Għall-futur qed titħejja applikazzjoni għall-proġett estensiv ta’ riabilitazzjoni mill-Fondi Ewropej ta’ Żvilupp Reġjonali li permezz tiegħu se jiġu rrestawrati partijiet estensivi mill-Forti li eventwalment se jinfetħu għall-pubbliku bħala attrazzjoni kulturali.
Tista' l-Ministru tagħti rapport dettaljat lill-Parlament dwar ix-xogħol li sar fil-bini li sa ftit ilu kien jilqa' lill-Iskola tal-Mużika Johann Strauss fil-Belt Valletta? Kemm intnefqu flus? Kemm ġew allokati fondi oriġinarjment? Min wettaq ix-xogħol? Taħt is-superviżjoni ta' min? Meta hu ppjanat li jitlesta l-proġett? X'se jkun l-użu tal-bini li sa ftit ilu kien jilqa' lill-Iskola tal-Mużika Johann Strauss fil-Belt Valletta għaż-żmien li ġej?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dan il-proġett qiegħed fi stadju ta’ ppjanar. Ġie ngaġġjat Perit li tqabbad biex iwettaq
survey
, biex jipprovdi l-pjanti u l-
bills of quantity
tax-xogħolijiet. Il-Perit ġie ngaġġjat fuq bażi ta’ Kuntratt ta’ Servizz (Contract for service). Il-Perit s'issa tħallas €2,950.
Wied il-Għajn — żvilupp tal-ġnien ta' quddiem il-knisja
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk hemmx pjanijiet biex il-ġnien ta' quddiem il-Knisja ta' Wied il-Għajn jiġi żviluppat? Jekk iva, x'inhi t-talba/talbiet u jista' jagħti d-dettalji kollha fuq din it-talba jew dawn it-talbiet skont il-każ?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali.
Wied il-Għajn — żvilupp tal-ġnien ta' quddiem il-knisja
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament jekk hemmx pjanijiet biex il-ġnien ta' quddiem il-Knisja ta' Wied il-Għajn jiġi żviluppat? Jekk iva, x'inhi t-talba/talbiet u jista' jagħti d-dettalji kollha fuq din it-talba jew dawn it-talbiet skont il-każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li t-tweġiba ser tinghata f’ xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid għas-sena skolastika li jmiss, liema friegħi tal-eks Skola tal-Mużika se jiftħu u f'liema kulleġġi? Ta' liema strumenti se jsir it-tagħlim f'kull każ? Kemm se jkun il-complement tal-għalliema f'kull każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss ma għalqitx u l-għalliema ħabrieka f’din l-iskola għadhom joffru t-tagħlim tal-mużika bl-istess ħeġġa.
Ninsab infurmata, li meta tispiċċa din is-sena skolastika, issir reviżjoni fuq il-proġett pilota tal-“Outreach”, biex inkomplu ntejbu fuq dak li ġie mniedi s-sena l-oħra.
Minħabba li l-applikazzjonijiet għall-istudenti joħorġu f’Awwissu, wieħed ma jistax jipprevedi n-numri f’kull strument.
Rigward l-għalliema u l-fergħat fil-kulleġġi, ser ikun hemm sejħa għat-tagħlim ta’ kull strument bħas-sena l-oħra. Wara, skont in-numru ta’ applikazzjonijiet, l-għalliema magħżula jiġu msejħa biex jgħallmu.
Tajjeb li jingħad, li r-rispons f’dal-proġett kien tajjeb ħafna u allura fl-ewwel sena kien reġistrat suċċess f’dan il-programm ta’ “Outreach”.
esportazzjoni ta' armi żgħar minn Malta għal Libja
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24139 u t-tweġiba sussegwenti, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn żdiedet iż-'0' żejda meta fiċ-ċifra €79,689,691 imkien m'hemm il-figura '0'?
Wied il-Għajn — Family Park f'Sant Antnin - kuntratt ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24688 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk kienx hemm xi fatti ġodda konnessi mal-kuntratt ta' kostruzzjoni ta' family park f'Sant Antnin, Wied il-Għajn? Jekk iva, x'kienu? Veru li qed issir investigazzjoni? Għaliex? Fuqiex?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għal offerti għal bini ta’ family park f’Sant’ Antnin Wied il-Għajn ġiet ikkanċellata. Ġara li wieħed mill-offerenti allega li hu kien diġa jaf informazjoni fuq l-evalwazzjoni ta’ l-offerti qabel ma ġew ippubblikati d-deċiżjonijiet mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Saret investigazzjoni mill-Pulizija u rriżulta li membru tal-Kumitat ta’ Evalwazzjoni ħareġ xi informazzjoni. Il-Pulizija qiegħda tipproċedi kriminalment kontra din il-persuna. Fid-dawl ta’ dan, il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti ħass li l-proċess ġie vviżjat u għaldaqstant iddeċieda li din is-sejħa ghal offerti għandha tiġi kkanċellata. Ħadd mill-offerenti ma appella minn din id-deċiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta għandniex faċilitajiet pubbliċi jew privati biex isir gender reallignment surgery? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji fejn dan jista' jsir? Jekk le, jaħsibx li għandu jingħata dan is-servizz fejn il-gvern għallinqas joħroġ imqar frazzjon mill-ispiża, tenut kont anke li ċertu surgeries ta' dan it-tip qed isiru minn Maltin fis-Serbja li hu pajjiż għal kollox estranju minn tagħna inkluż fil-lingwa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fis-settur pubbliku ma jeżistux faċilitajiet biex issir gender realignment surgery. Sallum ma hemmx pjanijiet biex jiġi ntrodott dan is-servizz.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24816, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kirjiet ta' coaches, ir-reklamar imsemmi fl-istess tweġiba u x-xogħol in konnessjoni mar-receptions eċċ. sarux permezz ta' sejħa għall-offerti jew inkella b'direct order? Min kienu l-kumpaniji li ngħataw ix-xogħol msemmi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-coaches li nkrew għall-Open Weekend marbuta mal-inawgurazzjoni tal-impjant kienu open top double deckers u li l-kiri sar mingħand Supreme Travel permezz ta' direct order. Skont il-pjan kellu jkun hemm coach wieħed u dan kien il-każ matul il-jum tas-Sibt iżda, fid-dawl tad-domanda qawwija tan-numru ta' nies li żaru l-impjant, kien deċiż li tiżdied coach oħra għall-jum tal-Ħadd
Il-pubbiċita' tal-avveniment kienet koperta mit-
tender
għal pubbliċità li kien 2008 lill-MPS. Dawn l-isemmija ħadu ħsieb li jikkordinaw ir-reklamar dwar l-Open Weekend f’Novembru li għadda.