Jista' l-Ministru jindika quddiem liema mħallfin ġew assenjati
a) ir-rikorsi ta' karenza kostituzzjonali u
b) ir-rikorsi ta' karenza kostituzzjonali fejn issir ukoll talba għal smiegħ bl-urġenza fl-aħħar tnax-il xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-aħħar tnax-il xahar u ċioe' mill-25 ta' Mejju tal-2010 sal-25 ta' Mejju 2011 ġew ipprezentati 76 rikors kostituzzjonali.
Dawn il-kawżi ġew assenjati fuq bażi ta’
roster
quddiem l-Onor. Imħallfin: Gino Camilleri, Tonio Mallia, Joseph Zammit McKeon, Giannino Caruana Demajo, Joseph R Micallef, Mark Chetcuti; Abigail Lofaro u Joseph Azzopardi.
L-Imħallef Pace kien jiġi assenjat kawżi Kostituzzjonali sakemm kien għadu fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u mbagħad daħal minnfloku l-Onor. Imħallef Mark Chetcuti.
L-Imħallef Farrugia Sacco ġie assenjat kawża waħda biss li kienet referenza kostituzzjonali li tqajmet f’kawża ċivili li kien diġa' qed jisma hu.
Infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika dwar kemm isiru talbiet għal smiegħ b’urġenza rigward rikorsi kostituzzjonali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu organizzati seminars u konferenzi (inkluż workshops u contact meetings) mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Impjiegi u l-Familja, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-istess ministeru, minn Jannar 2010 sal-lum? Tista' tgħid x'kien is-suġġett ta' kull konferenza, fejn saret kull waħda minn dawn il-konferenzi, x'kienet l-attendenza (numri), kemm kienet l-ispiża, u jekk din tħallsitx minn fondi pubbliċi jew minn fondi Ewropej?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li waslitli mingħand l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Hekk kif tasal l-informazzjoni meħtieġa mingħand l-Universita’ ta’ Malta, l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ u d-Direttorati tal-Edukazzjoni, peress li kien hemm ammont ta’ xogħol sostanzjali involut fil-ġbir tal-informazzjoni mitluba, ngħaddi din informazzjoni lill-Onor. Interpellant.
B'referenza għall-pjan dikjarat tal-Gvern li jibdel l-ID cards eżistenti għal sistema bijometrika, jista' l-Ministru:
a) jiddikjara meta effettivament se jibda dan il-proċess;
b) jiddikjara kemm hu maħsub li se jiswa dan il-proċess u jekk hemmx Fondi Ewropej li se jingħataw dwar dan;
ċ) jinforma l-Kamra jekk hemmx pajjiżi oħrajn li għandhom sistemi bijometriċi u fuq liema mudell ta' liema pajjiż se jitmexxa l-proċess; u
d) jgħid effettivament xi storage ta' informazzjoni hemm fuq dawn il-cards hekk bijometriċi?
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16349 u site plan , li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li b'cirku blu qed jindika b'mod inekwivoku l-post de quo fir-raħal ta' Wied il-Għajn, jista' l-Prim Ministru jagħti t-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija oriġinali?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li minkejja li għalqu l-età pensjonabbli baqgħu jaħdmu:
a)
part-time
; u
b) full-time?
Kemm minnhom huma:
a) nisa;
b) irgiel?
Kemm iħallsu f'kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali dawn l-persuni? Jekk dawn ma jħallsux kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali, kemm iħallsu taxxa tad-dħul komplessivament? B'liema rata?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-sigurtà soċjali.
Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumaturi — talbiet żgħar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru talbiet minn ċittadini Maltin fit-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur taħt l-Art 4(1) ta' Regulation EC No 861/2007 li tistabilixxi proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar? Kemm inqatgħu minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’referenza għat-talba tal-Onorevoli Membru, r-regolament li qed jirreferi għalih jikkonċerna l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u m’għandha x’taqsam xejn mat-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Għar-rigward ta’ Ċittadini Maltin li għamlu użu minn din il-proċedura (Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar) quddiem il-Qrati Malti kien hemm każ wieħed biss u li għadu pendenti u każ ieħor quddiem il-Qorti ta’ Għawdex li ġie deċiż.
Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumaturi — talbiet żgħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet minn ċittadini Maltin fit-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur taħt l-Art 4(1) ta' Regulation EC No 861/2007 li tistabilixxi proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar? Kemm inqatgħu minnhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija preċedenti ċioe 26192.
Tista' l-Ministru tgħid x'pożizzjoni ħa mal-Kummissajoni Ewropea dwar l-infringement procedures relatati mal-każ tal-pensjoni tas-servizz kontributorja tal-eks servicemen li kienu mal-Kuruna Ingliża? X'risposta ta l-gvern fl-aħħar ta' Jannar 2011? Tista' tagħti d-dettalji kollha dwar dawn l-infringement procedures?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onor Membru li fl-24 ta’ Novembru 2010 l-Gvern Malti kien irċieva mill-Kummissjoni Notifika Formali u mhux infringement dwar l-applikazzjoni ta’ artikolu 46b tar-Regolament (EEC) 1408/71 u Artikolu 54 tar-Regolament (EC) 883/2004 fir-rigward ta’ persuni li jirċievu pensjoni tas-sigurta’ soċjali minn Malta u pensjoni tas-servizz ta’ xi pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropeja.
F’din in-notifika l-Kummissjoni infurmat lil Gvern Malti li eżaminat ilment imressaq minn xi pensjonanti lil Parlament ta’ l-Ewropa dwar kif qed tiġi kkunsidrata l-pensjoni tas-servizz tagħhom fil-kalkolazzjoni tar-rata tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali.
Il-Kummissjoni spjegat kif hi tara li dawn iż-żewġ artikoli msemmija għandhom jiġu implimentati minn Pajjiżi Membri u qed tgħid li tħoss li Malta mhix tapplika dawn ir-regoli kif suppost.
Fin-Notifika Formali l-Kummissjoni talbet lil Gvern ta’ Malta biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-każ.
.
Fl-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena l-Gvern Malti għadda dawn l-osservazzjonijiet lil President tal-Kummissjoni fejn ġie spjegat kif dawn ir-regoli qegħdin jiġu applikati u l-każ fil-mument għadu qed jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid x'pożizzjoni ħa mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infringement procedures relatat mal-każ tal-pensjoni tas-servizz kontributorja tal-eks servicemen li kienu mal-Kuruna Ingliża? X'risposta ta l-gvern fl-aħħar ta' Jannar 2011? Jista' jagħti d-dettalji kollha dwar dawn l-infringement procedures?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 26254.
Skont ir-rapporti li għandu l-gvern f'idejh, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien l-impatt ambjentali fuq id-Dwejra wara l-ġbid tal-film Game of Thrones? Jista' jqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra dawn ir-rapporti? Min se jġorr ir-responsabblità għad-deċiżjoni ħażina li ttieħdet? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar se tieħu passi kontra l-produtturi ta' dan il-film? X'se jsir mill-garanzija miżera li kienet intalbet mill-awtorità li titħallas mill-produtturi tal-film? Kemm-il film ieħor kien inġibed id-Dwejra fl-aħħar għaxar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti sottomessi minn numru ta’ esperti mqabbda mill-awtorità, inkluż rapport eżekuttiv li jelenka l-konklużjonijiet milħuqa. Dawn ir-rapporti huma pubbliċi u jinstabu fuq is-sit elettroniku tal-awtorità.
Peress li l-produtturi kisru il-kundizzjonijiet tal-permess maħruġ mill-awtorità ġiet imposta multa amministrattiva komplessiva ta’ €36,500, skont il-provvedimenti tal-Artiklu 93 tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, li tinkludi l-garanzija mitluba fil-permess. Barra minn hekk, l-istess produtturi ħallsu għall-ispejjeż kollha sabiex sar it-tindif manwali li ordnat l-awtorità.
B'referenza għall-pjan dikjarat tal-Gvern li jibdel l-ID cards eżistenti għal sistema bijometrika, jista' l-Ministru:
a) jiddikjara meta effettivament se jibda dan il-proċess;
b) jiddikjara kemm hu maħsub li se jiswa dan il-proċess u jekk hemmx Fondi Ewropej li se jingħataw dwar dan;
ċ) jinforma l-Kamra jekk hemmx pajjiżi oħrajn li għandhom sistemi bijometriċi u fuq liema mudell ta' liema pajjiż se jitmexxa l-proċess; u
d) jgħid effettivament xi storage ta' informazzjoni hemm fuq dawn il-cards hekk bijometriċi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Settur tal-edukazzjoni — alternative energy sources
Question
B'referenza għall-istituzzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu fis-settur ta' edukazzjoni ogħla tista' l-Ministru, istituzzjoni istituzzjoni tgħid:
a) kemm mill-enerġija li tiġi kkunsmata fl-istituzzjoni
de quo
tiġi mix-xemx;
b) x'inċentivi jintużaw biex iktar studenti jużaw ir-roti jew electric bikes;
ċ) kemm jeżistu charging stations għar-roti elettriċi (electric bikes) permezz ta' alternative energy sources bħall-wind generators;
d) kemm ammont ta' ilma jiġi maħżun - water harvesting (cisterns eċċ.) - u kemm jintuża ilma hekk maħżun bħall-ilma għall-flushing eċċ.;
e) kemm drenaġġ jiġi trattat biex imbagħad jintuża bħala second class water; u
f) kemm mis-suppliers tal-istituzzjoni de quo huma green suppliers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Settur tal-Edukazzjoni — alternative energy sources
Question
B'referenza għall-istituzzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu fis-settur ta' edukazzjoni ogħla, jista' l-Ministru, istituzzjoni istituzzjoni jgħid:
a) kemm mill-enerġija li tiġi kkunsmata fl-istituzzjoni
de quo
tiġi mix-xemx;
b) x'inċentivi jintużaw biex iktar studenti jużaw ir-roti jew electric bikes;
ċ) kemm jeżistu charging stations għar-roti elettriċi (electric bikes) permezz ta' alternative energy sources bħall-wind generators;
d) kemm ammont ta' ilma jiġi maħżun - water harvesting (cisterns eċċ.) - u kemm jintuża ilma hekk maħżun bħall-ilma għall-flushing eċċ.;
e) kemm drenaġġ jiġi trattat biex imbagħad jintuża bħala second class water; u
f) kemm mis-suppliers tal-istituzzjoni de quo huma green suppliers?
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-minimum educational requirements li għandhom ikollhom il-Learning Support Assistants biex jaħdmu fl-iskejjel statali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-minimum educational requirements li għandhom ikollhom il-learning support assistants biex jaħdmu fl-iskejjel statali huma dawn:
Supply LSA
§ ikunu kwalifikati f’mhux anqas minn suġġett wieħed (1) f’Livell Avvanzat (l-inqas grad E), jew kwalifika rikonoxxuta xierqa komparabbli, u erba’ (4) suġġetti
tas-S.E.C. f’Livell Ordinarju (Gradi 1-5), jew kwalifika rikonoxxuta xierqa komparabbli, jew ogħla;
§ kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u bil-lingwa Ingliża;
LSA I
§ ikunu fil-pussess taċ-Ċertifikat Supporting Learning in Inclusive Settuings maħruġ mill-Università ta’ Malta, jew iċ-Ċertifikat fl-Edukazzjoni għall-
Learning Support Assistants
organizzat mid-Direttorat għal Servizi Edukattivi, jew kwalifika oħra relevanti u komparabbli rikkonoxuta mill-Awtorità tal-Edukazzjoni.
§ kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u bil-lingwa Ingliża;
LSA II
§ ikunu fil-pussess tad-Diploma in facilitating inclusive education
jew kwalifika oħra komparabbli maħruġa minn istituzzjoni tal-Edukazzjoni Għolja rikkonoxuta mill-Awtorità tal-Edukazzjoni.
§ kapaċi jikkomunikaw bil-lingwa Maltija u bil-lingwa Ingliża;
Fid-dawl tad-diskussjonijiet li saru bejn is-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kulturali, il-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u n-non government organisation Għaqda Bajja San Tumas għall-konservazzjoni tar-Ridott (limiti tal-Munxar, Wied il-Għajn), jista' l-Prim Ministru jindika meta se jigi ffirmat Guardianship Deed bejn dawn t-tliet partijiet ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li kien hemm diskussjonijiet preliminari bejn il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali dwar l-iffirmar tal-Guardianship Deed li tikkonċerna il-ħarsien u l-konservazzjoni tar-Ridott ta’ San Tumas, limiti tal-Munxar, Wied il-Għajn. Is-Sovrintendenza għaddiet abbozz tal-Att ta’ Kurazija lill-Kunsill, waqt li kienu spjegati f’numru ta’ laqgħat ukoll, il-kontentut, l-objettivi u l-obbligi tal-istess att. Kienu spjegati wkoll il-proċeduri sempliċi mitluba skond l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, cjoè, applikazzjoni lill-Ministri konċernati, trasferiment tal-propjetà konċernata mid-Dipartiment tal-Art għal għand is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-kunsiderazzjoni tal-abbozz tal-Att ta’ Kurazija mill-Kumittat ta’ Garanzija.
Is-Sovrintendenza għadha qed tistenna reazzjoni formali għall-abbozz mingħand il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn biex tkun tista’ tkompli taħdem fuq id-dokument u l-proposta finali.
Dan l-istadju preliminari jkun konkluż hekk kif ikun hemm qbil bejn il-partijiet kollha fuq l-abbozz finali tal-Att ta’ Kurazija. Wara dan il-qbil tkun iffissata data għall-iffirmar tal-att innifsu.
Fl-istess waqt, għalkemm saru diskussjonijiet gwida bejn is-Sovrintendenza u l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn dwar l-abbuzzar ta’ Att ta’ Kurazija, għadha ma saritx talba formali mill-Kunsill lill-Ministri konċernati, hekk kif stipulat fl-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, u allura l-proċess formali għad irid jibda.
Għalliema li jispiċċaw bil-pensjoni waqt sena skolastika
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni meta jkun hemm għalliem jew għalliema fl-iskola tal-gvern li tkun se tispiċċa bil-pensjoni fit-tielet kwart tas-sena skolastika? Postu jew postha minn min jittieħed? Kemm kien hemm każijiet din is-sena ta' dan it-tip? Post dawn l-għalliema min ħadu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li meta jiġri hekk jista’ jiġri waħda minn dawn l-affarijiet:
1. Għalliema jidħlu lura mil-“leave” imorru flok il-persuna li tkun se tirtira;
jew
2. Nimpjegaw għalliem/a ġdid/a jekk ikun hemm tas-suġġett jew għalliem/a supplimentari;
jew
3. Peress li l-istudenti tal-Ħames Klassi ikunu spiċċaw l-iskola, isir arranġament fl-iskola jew fil-kulleġġ;
jew
4. L-għalliem/a stess jitlob/titlob biex ikompli/tkompli jaħdem/taħdem sa ma tispiċċa s-sena skolastika u dan jingħata permess.
Minn l-20 ta’ April 2011:
1. Fl-iskejjel Primarji ma kien hemm ħadd li rtira;
2. Fl-iskejjel Sekondarji iritraw/se jirtiraw:
a. Għalliem tad-Design & Technology (Food & Textiles) fis-27 ta’ April 2011. Il-lezzjonijiet tiegħu ġew koperti permezz ta’ arranġament fil-kulleġġ;
b. Għalliema tar-Reliġjon fl-20 ta’ April, 2011. Il-lezzjonijiet tagħha ġew koperti permezz ta’ arranġament fl-iskola peress li spiċċaw l-istudenti tal-Ħames Klassi;
c. Għalliem tal-Franċiz li se jirtira fit-28 ta’ Mejju 2011. Il-lezzjonijiet tiegħu se jiġu koperti permezz ta’ arranġament fl-iskola peress li spiċċaw l-istudenti tal-Ħames Klassi;
d. Għalliem tal-Malti li se jirtira fl-14 ta’ Mejju 2011. Il-lezzjonijiet tiegħu se jiġu koperti permezz ta’ arranġament fl-iskola peress li spiċċaw l-istudenti tal-Ħames Klassi;
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra:
a) jekk Heritage Malta għadhiex tixtri kwadru minn kull
exhibition
li tittella' minn artisti Maltin;
b) kemm-il kwadru xtrat Heritage Malta sena b'sena fl-aħħar għaxar snin;
ċ) fejn qegħdin dawn il-kwadri kollha tenut kont li Malta m'għandniex mużew ta' arti kontemporanja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi Heritage Malta ma tixtrix kwadri jew forom oħra ta’ arti kontemporanja minn kull wirja li tinżamm fil-mużewijiet u siti li huma taħtha li ttella minn artisti Maltin. Heritage Malta żżomm waħda mix-xogħolijiet li kienu fil-wirja bi ftehim u kunsens bejnha u l-artist.
Għal bażi ta’ informazzjoni, Heritage Malta dejjem ippubblikat – forma stampata u fuq il-website – il-lista ta’ affarijiet li daħlu fil-kollezzjonijiet taħtha permezz tar-Rapporti Annwali tagħha minn mindu Heritage Malta ilha mwaqqfa, għaldaqstant mill-2003 ‘l hawn (dawn l-aħħar tmien snin).
Fl-2010 Heritage Malta amministrat fond pubbliku ta’ sittin elf euro li permezz tiegħu nxtraw għażla varjata ta’ xogħolijiet fuq parir ta’ kumitat magħmul minn esperti Maltin f’dan il-qasam. Ix-xogħolijiet li nxtraw kienu ta’ dawn l-artisti:
Esprit Barthet; Frank Baldacchino; Joseph Caruana; Aldo Micallef Grimaud; Caesar Attard; Austin Camilleri; Vince Briffa.
Il-kwadri u xogħolijiet ta’ l-arti kontemporanja oħrajn mixtrija huma parti mill-kollezzjoni nazzjonali. Xi wħud jinsabu esibiti fil-mużewijiet ta’ Heritage Malta fosthom il-palazz tal-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu u prevalentement fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti. Oħrajn jinħarġu minn żmien għall-ieħor mill-kollezzjoni tar-riserva għal skop ta’ wirjiet temporanji. Bħalissa, għaxar biċċiet xogħol ta’ artisti kontemporanji Maltin jinsabu esibiti fil-Museo Civico di Taverna bi skambju ma’ għaxar xogħolijiet ta’ artisti Taljani mill-Kalabrija. Xogħolijiet oħrajn huma mistennija li jidhru f’wirjiet oħrajn fil-futur qrib.
Xogħolijiet mogħtija mill-artisti biex jkunu parti mill-kollezzjoni nazzjonali qegħdin ukoll jew il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti, jew f’mużewijiet oħrajn ta’ Heritage Malta jew msellfa fuq bażi ta’
Long Tern Loan
lill-Ministeri, Aġenziji jew uffiċċji statali.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra għaliex il-Mixtla Vincenza ta' taħt it-Torri tal-Kavallier ta' San Ġakbu fil-Birgu tinsab f'qagħda daqshekk kerha u żdingata? Jista' jintervjeni biex bħalma sar xogħol importanti fuq it-torri ta' San Ġwann fil-Birgu jsir xogħol ukoll fit-torri tal-kavallier ta' San Ġakbu u fil-viċinanzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi dan is-sit fil-fatt bħalissa qed isirlu xogħolijiet estensivi ta’ restawr mit-Taqsima tar-Restawr tal-Minsteru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Dan ix-xogħol jikkonsisti f’tindif ta’ ċerti postijiet fil-Mixtla Vincenza kif ukoll fil-kxif ta’ elementi ta’ fortifikazzjoni li sfortunatament kienu tgħattew b’ħamrija u skart ieħor. Qed isir ukoll xogħol ta’ restawr fuq l-imsemmi torri ta’ San Ġwann, fil-Birgu. Bħala parti mill-proġett ta’ restawr, ser jitneħħew strutturi moderni li huma estranji għal dan is-sit storiku, u li jkerrħu l-post. Qed issir ukoll arkata fid-daħla tal-Birgu min-naħa ta’ Bormla, ħalli jinħoloq aċċess fuq is-swar biex dawn ikunu jistgħu jidgawdew mill-pubbliku.
Il-proġett ta’ restawr kollu ta’ madwar il-Birgu huwa intiż biex tissebbaħ il-lokalità u jkunu valorizzati aħjar is-swar tal-inħawi, waqt li l-ispazji tal-mixtla u tal-madwar ikunu aċċessibli għall-pubbliku.
Tista' l-Ministru tgħid kemm proprjetà immobbli jew art ġiet devoluta mill-gvern lil xi nursery tal-football f'pajjiżna mill-1980 sal-lum? Tista' tindika fejn u b'liema titlu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma kien hemm ebda propjeta’ immobbli jew art li ġiet devoluta mill-Gvern lil xi nursery tal-football b’mod dirett. Il-propjeta’ immobbli jew art ġew devoluti lil klabbs tal-football li l-maġġoranza tagħhom għandhom in-nursery tagħhom. Sal-lum hemm 43 biċċa propjeta pubblika li ġiet devoluta għand 39 entita tal-football. 9 klabbs tal-football għandhom management agreement fuq grawnds li jinsabu fi skejjel jew propjeta oħra tal-Gvern.