Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura — Triq Romano Carapecchia - tindif tas-sur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitnaddaf is-sur ta' Bormla li jeħtieġ tindif sostanzjali, speċjalment min-naħa ta' Triq Romano Carapecchia, il-Fgura? Jekk il-gvern jikkonsidrax li jirrestawra, inaddaf u jsebbaħ il-ġnien jiġifieri l-parti żgħira ħadra li hemm ma' tmiem Triq Romano Carapecchia, il-Fgura bil-ġnien b'kollox?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol imsemmi ma jagħmilx parti mill-pjanijiet immedjati. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ttieħdet nota biex dan jingħata konsiderazzjoni meta jitfasslu programmi oħra ta’ xogħol.

WasteServ Malta Ltd — impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm daħlu nies ġodda mas-soċjetà WasteServ Malta Ltd sena b'sena mill-bidu ta' din il-leġislatura? F'kull każ, jista' jindika t-tip tax-xogħol (kariga) li dawn n-nies ġodda qed jagħmlu? Jista' jgħid sena b'sena kemm spiċċaw nies minn mas-soċjetà WasteServ Malta Ltd u f'kull każ jgħid x'inhu x-xogħol li dawn in-nies li spiċċaw kienu jagħmlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra document bl-informazzjoni mitluba

Onorarja tal-Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex id-deċiżjoni meħuda f'Mejju 2008 dwar żieda fl-onorarji tal-Membri Parlamentari u l-estensjoni tas-salarju tal-Membri Parlamentari anke fuq il-Membri tal-Kabinett u s-Segretarji Parlamentari ma ġietx komunikata lill-MPs, lill-pubbliku u lill-Oppożizzjoni f'dak iż-żmien stess li ttieħdet u kellhom jgħaddu iktar minn sentejn biex dawn il-fatti jiġu esternalizzati permezz ta' mistoqsija parlamentari?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari numru 26992.

Għajnuna lill-Ommijiet li jkollhom triplets

Question

Peress li l-politika dikjarata tal-gvern hi waħda favur il-familja, jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tingħata għal min ikollu triplets? Huwa vera li qabel minn ikollu triplets kien jingħata l-ħalib u issa le, tenut kont tal-fatt li hu diffiċili ħafna li l-omm tagħti breast lit-triplets? Tingħata għajnuna għax-xiri tal-abidec u cytron li huma mediċini li jgħinu lit-tfal biex jikbru? X'għajnuna tingħata bħala nursing service għal min ikollu tliet itfal? X'inhi l-pożizzjoni għal min ikollu quadruplets?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kemm il-vitamini Abidec® kif ukoll Sytron® (feredetate sodium) jinstabu fil-formularju tal-Gvern. Ommijiet li jkollhom twelid multiplu m’humiex intitolati għal dawn il-vitamini jew mediċini oħra ħlief jekk ikun hemm xi każijiet fejn it-trabi jbatu minn xi kundizzjoni kronika skont il-lista ta’ kundizzjonijiet ta’ Skeda V. Sabiex tiġi intitolat, konsulent awtorizzat irid japplika kemm għall-Skeda V skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap 318), kif ukoll għall-permess skond il-protokoll tal-Gvern. Ma hemmx policy speċifika dwar nursing service lil dawk l-ommijiet li jkunu welldu triplets jew quadruplets . Dawn jingħataw l-istess servizz ta’ nursing bħal kull omm li tkun għadha kemm welldet tarbija skont il-bżonn.
Leg 11 PQ #26990 Sitting 377 2011-07-05 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Triq Wied il-Għajn — ilment dwar kumpanija ta' xarabanks

Question

B'referenza għall-attività privata relatata ma' għadd kbir ta' xarabankijiet, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li tinsab fi Triq Wied il-Għajn kantuniera ma' Triq il-Falkunier, u jiġifieri f'nofs l-abitat, jirriżulta lill-Prim Ministru u/jew lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li f'din iż-żona abitata (1) qed isir storbju eċċessiv minn dawn x-xarabankijiet partikolarment fil-ħinijiet ta' bejn is-6 am u t-8 am a detriment tal-familji li jgħixu fl-inħawi,(2) li jkun hemm duħħan u exhaust li joħroġ minn dawn x-xarabankijiet partikolarment meta jiġu biex jistartjaw filgħodu a detriment tal-familji li jgħixu fl-inħawi u li (3) qed ikun hemm għoti ta' diesel minn pompa meta dan mhux kopert b'permess? Jikkonferma li kemm l-OPM u kemm l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċevew għadd ta' ilmenti mir-residenti tal-madwar dwar dan l-aġir? Jista' l-Prim Ministru jispjega x'azzjoni ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u l-OPM biex jinvestigaw l-ilmenti u jaraw jekk hux qed ikun hemm ksur tal-liġi, regolamenti u/jew kondizzjonijiet tal-permessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat Illia fir-rigward tal-post indikat fl-Interpellanza hemm permess ta’ żvilupp PA 2151/93 li jawtorizza l-egħluq tas-sit b’ħajt sabiex jintuża għall-ipparkjar ta’ xarabanks. M’hux permess li jsir xi attivita' industrijali jew kummerċjali. Il-MEPA m’għandhiex kontrol pero’ fuq storbju li jista' jkun iġġenarat jew minn exhaust li joħroġ minn dawn il-vetturi meta dawn jitħaddmu. Ninforma li l-Awtorita` kienet ħarġet Avviz biex Tieqaf u tat-Twettieq (ECF 341/08) f'Ġunju 2008 rigward il-pompa tal-fuel, kif ukoll rigward xi użu industrijali li kien qed isir dak iż-żmien. Fil-frattemp kien sar appell minn dan l-Avviż liema kaz għadu pendenti quddiem it-Tribunal tal-Appelli. L-effett ta’ appell taħt il-liġi applikabbli dak iż-żmien hu li l-Avviż jiġi sospiż. L-Awtorita' dejjem investigat u ħadet azzjoni meta rċeviet ilmenti minn ġirien dwar ksur tar-regolamenti tal-iżvilupp. Tajjeb jingħad li kienet saret applikazzjoni PA 231/10 mill-iżvilluppatur sabiex jirriloka l-attivita’ f'post alternattiv il-bogħod mill-abitat. L-applikazzjoni għadha pendenti. Infurmat ukoll li min-naħa tal-OPM jirriżulta illi ma rċevejniex ilmenti mir-residenti dwar dan l-agir.

Persuni li jittellgħu l-Ingilterra għall-kura

Question

B'referenza għall-pazjenti Maltin li jittellgħu l-Ingilterra għall-kura, jista' l-Ministru jgħid: a) kemm hu n-numru ta' Maltin li ttellgħu l-Ingilterra għall-kura sena b'sena fl-aħħar ħames snin; b) f'liema sptarijiet ittellgħu dawn il-Maltin sena b'sena fl-aħħar ħames snin u fuq liema qasam mediku ġew ikkurati jew ingħataw xi tip ta' intervent mediku/kirurġiku jew f'liema sptar ingħataw il-kura; ċ) fl-aħħar sena, f'liema postijiet irresedew il-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom li telghu l-Ingilterra għall-kura; d) fl-aħħar sena, xahar b'xahar, kemm nefaq il-Gvern f'għajnuna finanzjarja relatata mat-trasport tal-pazjenti mill-post li fih jirrisjedu sal-isptar u lura; e) ras imb'ras fl-aħħar sena kemm sewa lill-Gvern kull pazjent li tela' l-Ingilterra miġbura skont il-post li fih irresedew; u f) fl-aħħar sena, kemm kien hemm każijiet fejn il-qraba ta' pazjenti li telgħu l-Ingilterra mal-pazjent ma kellhomx biżżejjed flus biex iħallsu l-akkomodazzjoni tagħhom? X'ġara f'dawn il-każijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel Primarja ta' Marsaskala, San Pawl il-Baħar, Mosta u Rabat Għawdex — informazzjoni

Question

B'referenza għall-iskejjel primarja ta' Wied il-Għajn, San Pawl il-Baħar, Mosta u Rabat Għawdex, tista' l-Ministru tgħid f'din s-sena skolastika li dalwaqt se tispiċċa, kemm hu n-numru totali ta' studenti? Kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm minnhom huma ta' nazzjonalità barranija? Ta' liema nazzjonalità? Tista' tagħti l-istess informazzjoni għas-sena skolastika ta' ħames snin ilu u ta' għaxar snin ilu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #26982 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Belt Valletta — World Heritage Site tal-UNESCO

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-iżviluppi li kien hemm jew seta' kien hemm in konnessjoni mal-status tal-Belt Valletta bħala World Heritage Site tal-UNESCO in vista li għaddew għadd ta' xhur minn mindu sar magħruf li kien hemm il-biżgħa li nitilfu dan l-status u l-poplu Malti ma sema' xejn iktar dwar dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-UNESCO kienet talbet kjarifiċi dwar il-Belt Valletta u s-sena li għaddiet Malta ppreżentat rapport dettaljat wara li ċ-Ċentru tal-Patrimonju Mondiali kien irċieva informazzjoni minn NGO Maltija. Għad hemm diskussjonijiet għaddejin dwar xi punti li tqajjmu. Ma hemm l-ebda talba għat-tneħħija ta’ l-istatus li għandha l-Belt Valletta.
Leg 11 PQ #26983 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — rapporti

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kemm-il rapport sar mill-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew is-suċċessuri legali tiegħu (in vista tal-emendi riċenti li għaddew li bihom l-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sar għandu status Kostituzzjonali) sena b'sena minn mindu twaqqaf sal-lum? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew resi pubbliċi? Hemm xi rapporti li ma ġewx resi pubbliċi? Jekk iva, liema? Għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bin-numru ta’ rapporti li saru mill-Uffiċju tal-Verifika tal-MEPA sa mis-sena 2004. Hemm numru ta’ rapporti li għadhom pendenti minħabba li l-Uffiċju tal-Verifika qiegħed jistenna l-kummenti tal-MEPA fuqhom. Sa issa ma kien hemm l-ebda bidla fil-pożizzjoni tal-Uffiċjal tal-Verifika li għadu maħtur mill-MEPA u għalhekk ma għandu l-ebda status kostituzzjonali. Ir-rapporti kollha tal-Uffiċju tal-Verifika jintbagħtu liċ-Chairman tal-MEPA u meta jkunu riżultat ta’ ilment minn membru tal-pubbliku jintbagħtu wkoll lill-persuna li tkun għamlet l-ilment. Għalhekk ir-rapporti kollha tal-Uffiċju tal-Verifika huma pubbliċi.

kwestjoni dwar il-karti tal-identità

Question

Jirriżultalu l-Ministru li ħafna ċittadini Maltin qed isibu diffikultà burokratika kbira minħabba l-karti tal-identità li jinsabu skaduti meta jiġu biex jidħlu f'taħditiet ma' awtoritajiet barranin bħall-Awstralja u postijiet oħrajn fuq materji varji u serji bħalma huma drittijiet ta' pensjoni jew ċittadinanza? X'qed iżomm lill-gvern, sakemm ikollna l-karti tal-identità biometriċi f'xi żmien is-sena d-dieħla, ikun hemm il-ħruġ ta' karti tal-identità ġodda u aġġornati b'mod immedjat? Jaqbel il-Ministru li hi vergognagħall-isem ta' pajjiżna li ċ-ċittadini Maltin ikollhom juru u jesebixxu karti tal-identità li huma skaduti ma' awtoritajiet esteri anke f'affarijiet sempliċi u ta' kuljum bħal safar? X'wassal lill-gvern biex b'mod xejn professjonali jippreferi li joħroġ avviż legali biex jestendi l-validità tal-karti tal-identità minflok ma jbiddel l-karti tal-identità mill-ewwel?

Response (GATT, AUSTIN)

Kull persuna b’karta tal-identità skaduta tista' tmur l-uffiċċju appositu u tingħata karta tal-identità ġdida u aġġornata. Ovvjament la l-fatt allegat ma jeżistiex, il-vergogna allegata hi fuq min jallega dak li ma jipprovax.

White Rocks — proġett tal-iżvilupp sportiv

Question

B'referenza għall-proġett tal-iżvilupp sportiv fil-White Rocks, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal dan il-proġett meta l-Gvern kien iddikjara lura fid-9 ta' Ġunju 2011 li sal-aħħar tas-sena li għaddiet kienu se jiġu konklużi n-negozjati biex isir investiment ta' €200 miljun? Kemm-il laqgħa saret dwar dan il-proġett? Meta kienet l-aħħar laqgħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25858.

servizzi l-ġodda tal-Arriva — rotot tal-Fgura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex bis-servizzi l-ġodda tal-Arriva għaliex se jkun hemm tnaqqis fir-rotot fil-każ tal-Fgura, fis-sens li d-diretta bejn l-isptar u il-Fgura se tkun sospiża? Addizzjonalment għaliex in-numru ta' rotot ġew imnaqqsa minn ħames rotot għal rotta waħda biss minn u sa Putirjal (no. 91)? Tista' ssir reviżjoni fir-rotot biex jiġu akkomodati dawn l-ħteġijiet għan-nies tal-Fgura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li għas-servizz lejn l-isptar, ir-residenti tal-Fgura se jkunu jistgħu jaqbdu karrozza tal-linja bin-numru 91 mill-Fgura għal Raħal Ġdid u min hemm jieħdu ir-rotta numru X2 għal Mater Dei. Barraminhekk, ir-rotot lejn l-isptar ser ikunu aktar spissi minn dak tal-lum peress li minnflok kull siegħa s-servizz ser ikun kull nofs siegħa. Infurmat ukoll li l-ħames rotot illi preżentament jgħaddu mill-Fgura, joperaw kull kwarta fis-siegħa. Ir-rotta 20 topera kull siegħa; jiġifieri f`siegħa jgħaddu 5 xarabanks mill-Fgura lejn il-Belt Valletta. Bis-sistema l-ġdida tat-trasport pubbliku ir-rotot mhumiex se jonqsu minn ħames rotot għal rotta waħda biss, iżda ser ikun hemm karozza waħda kull 10 minuti, jiġifieri f`siegħa se jkunu qed jgħaddu 6 xarabanks b`kapaċità li jġorru aktar passiġġieri minn dak li hemm illum. Barra minhekk, ir-residenti tal-Fgura ser ikollhom servizz ġdid bin-numru 121 għal Bormla liema servizz kienu illhom jitolbu għalih żmien. Transport Malta qiegħda tieħu nota tas-suġġerimenti kollha u dawn se jiġu evalwati wara l-ewwel sitt xhur mill-introduzzjoni tas-servizz.
Leg 11 PQ #26972 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ajruplani militari li niżlu f'pajjiżna

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il ajruplan militari niżel f'pajjiżna mill-bidu tas-sena sal-lum? Ta' liema qawwa militari kienu? F'kull każ, x'kienu r-raġunijiet tal-inżul f'Malta ta' dawn l-ajruplani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-bidu tas-sena, 224 ajruplan militari niżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u magħhom kien hemm 14-il inżul tal-ajruplani b’emerġenza. Dawn ta’ l-aħħar kienu ġejjin minn qawwiet militari Franċiżi, Daniżi u Amerikani – tnejn bi problema teknika, wieħed bi problema bil-pajp tal-fjuwel u l-bqija b’nuqqas ta’ fjuwel. Il-224 l-oħra ma kienux ajruplani li qegħdin jieħdu sehem fil-konflitt imma kienu ajruplani militari li niżlu Malta biex jġibu delegazzjonijiet barranin għal taħdidiet mal-Gvern Malti, jew rappreżentanti tal – United Nations, l-African Union, European Union jew Gvernijiet oħra li waqqfu Malta għal refuelling qabel jew wara li marru Tripoli jew Benghazi għal taħdidiet ma’ uffiċjali Libjani. Uħud minn dawn l-ajruplani waqqfu Malta biex jġibu spare parts għal dawk l-ajruplani li kienu niżlu Malta b’emerġenza. Oħrajn niżlu Malta biex jittrasferixxu supplies jew personnel fuq bastimenti militari li qed joperaw barra mill-ibħra Maltin. Hawn taħt hija lista tal-pajjiżi tal-qawwiet militari li niżlu Malta: · L-Awstrija · L-Azerbajġan · Il-Belġju · Bosnia u Herzegovina · Il-Kanada · Iċ-Ċina · Ir-Repubblika Ċeka · Franza · Il-Ġermanja · L-Indja · L-Irlanda · L-Italja · Il-Kuwajt · Il-Libja · Il-Marokk · L-Olanda · L-Oman · Il-Polonja · Il-Qatar · Ir- Repubblika tal- Korea · Ir-Rumanija · Ir-Russja · L-Afrika t’Isfel · L-Isvezja · It-Turkija · L-Ingilterra · L-Ukraina · United Nations Hybrid operation in Darfur (UNAMID) · United Nations Organisation (UNO) · United Nations World Food Programme (Unwfp) · L-Amerka · Il-Vjetnam

Onorarja tal-Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jispjega fid-dettall x'kien il-famuż żball amministrattiv li wassal biex il-Ministru u s-Segretarji Parlamentari jieħdu l-onorarja ta' MP li kienet teċċedi l-onorarja li kienu qed jieħdu l-MPs li m'humiex Ministru jew Segretarji Parlamentari?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26992.
Leg 11 PQ #26974 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għajnuna para-militari fil-Libja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-għajnuna mhux umanitarja imma ta' natura para-militari li qed jagħti pajjiżna lill-forzi li qed jikkumbattu l-qawwiet tal-Kurunell Gaddafi fil-Libja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Forzi Armati ta’ Malta mhumiex involuti fl-għoti ta’ l-għajnuna ta’ natura para-militari lill-forzi li qed jikkumbattu l-qawwiet tal-Kurunell Gadafi fil-Libja.
Leg 11 PQ #26975 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni ta' nazzjonalità Libjana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew persuni ta' nazzjonalità Libjana b'mod leġittimu f'pajjiżna mill-bidu tas-sena sal-lum? Kemm kienu ġew persuni ta' nazzjonalità Libjana fl-istess perjodu s-sena ta' qabel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mill-ewwel ta’ Jannar sal-20 ta’ Ġunju ta’ din is sena kien hemm 3,612 persuna ta’ nazzjonalità Libjana li waslu Malta minn xi pajjiż barra ż-żona tax-Schengen. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu tas-sena l-oħra kienu daħlu 6,943.
Leg 11 PQ #26979 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li ngħataw refugee status

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni ngħataw refugee status sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin? Kemm minn dawn il-persuni ngħataw status ieħor li jagħtihom drittijiet ta': a) residenza; u b) ċittadinanza? Taħt liema mekkaniżmi legali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 119 persuna li ngħatat status ta' refuġjat. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-pajjiżi li kienu ġejjin minnhom. Rigward it-tielet u r-raba' parti tad-domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #26980 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mnajdra/Ħaġar Qim — tined

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma d-danni likwidi u kwantifikati li ġew arrekati lit-tinda jew tined li jgħattu t-tempji ta' Mnajdra/Ħaġar Qim wara l-maltempata ta' ftit xhur ilu? Jista' jgħid min se jbati l-ispejjez ta' din it-tiswija? Għaliex it-tined tqaċċtu parzjalment mal-ewwel maltempata qawwija? Xi spezzjonijiet tekniċi saru dwar il-kwalità tat-tined de quo?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #26959 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forti San't Anġlu — xogħlijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-bidu tal-Leġislatura sal-lum biex jiġi salvat il-Fort Sant' Anġlu in vista tax-xogħol urġenti li kellu jsiru fuqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.