Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Saħħa — Physiotherapy Aides - ward allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuni li jokkupaw il-kariga ta' Physiotherapy Aides mad-Dipartiment tas-Saħħa u/jew l-FMS humiex se jingħataw allowance magħrufa bħala ward allowance bħalma jieħdu n-nursing aides li jinsabu presso o poco fl-istess livell fl-iskala Governattiva, iktar u iktar meta wieħed iqis li dawn il-Physiotherapy Aides ikollhom kuntatt mal-pazjenti tmien sigħat kuljum, bl-istess mod li n-nursing aides ikollhom kuntatt mal-pazjenti f'rati ta' sigħat differenti? Huwa sewwa li l-Physiotherapy Aides ma jingħatawx din l-allowance?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità qiegħed jagħmel stħarriġ fuq id-diversi allowances li jeżistu fid-diversi karigi u skali biex b’hekk ikun f’pożizzjoni aktar ċara x’deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu f’dan ir-rigward. L-analiżi qiegħed ibbażat fuq id-diversi allowances li jeżistu fid-diversi karigi u skali li hemm fil-Ministeru tas-Saħħa, l- Anzjani u l- Kura fil- Kommunita’. B'din l-informazzjoni wieħed ikun f'pożizzjoni aktar ċara x' deċiżjonijiet għandhom jittieħdu dwar l-allowances offruti fi ħdan il-Ministeru.
Leg 11 PQ #24846 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Riabilitazzjoni tal-Magħluq — applikazzjonijiet għal fondi Ewropej

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm-il applikazzjoni saret mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal fondi Ewropej (sew jekk strutturali jew xorta oħra) bil-għan li jigi riabilitat il-Magħluq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li-l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ippjanar qiegħda twettaq proġett li permezz tiegħu ser jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ maniġġjar għas-siti terrestri kollha ddikjarati bħala ‘Natura 2000’ fil-gżejjer Maltin u li fost dawn is-siti hemm il-Magħluq. Dan il-proġett huwa ntiż ukoll biex jiżdied l-għarfien dwar Natura 2000 fost il-publiku ġenerali u fost gruppi li jħaddnu interess speċifiku. Il-Pjan għall-Iżvillup Rurali (RDP 2007-2013) (75% Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvillup Rurali – EAFRD, 25% Gvern Malti). Il-MEPA ser toħroġ €35,000 mill-fondi tagħha . Il-proġett ser jitwettaq permezz ta’ involviment intensiv tal-individwi u gruppi li jħaddmu interess għal dawn is-siti.
Leg 11 PQ #25010 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

esportazzjoni ta' armi żgħar minn Malta għal Libja

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24139 u t-tweġiba sussegwenti, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn żdiedet iż-'0' żejda meta fiċ-ċifra €79,689,691 imkien m'hemm il-figura '0'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor.Interpellant illi l-ammont żbaljat dikjarat mill-aġent kien ta’ €79,369,000 minflok €7,936,900. Meta wieħed jgħodd l-ammont ta’ €79,369,000 ma konsenji separati oħra ta’ €103,576 u ta’ €117,115 minn Spanja u ta’ €100,000 mill-Istati Uniti isib li l-ammont totali jiġi ugwali għaċ-ċifri msemmija ta’ €79,689,691.
Leg 11 PQ #25548 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett Viżjoni 2015 — xogħol ta' konsulenza

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallset id-ditta ta' konsulenti Amerikani Angelou Economics għax-xogħol tagħha ta' konsulenza fil-kuntest tal-Proġett Viżjoni 2015?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-kumpanija ħallset is-somma ta’ €160,241.58 għal xogħol ta’ konsulenza fuq proġett Viżżjoni 2015.
Leg 11 PQ #25828 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Concert venue

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba mid-dħul fis-seħħ tal-Avviz Legali 124 tal-1995 ġie interpretat li japplika għal "concert venue" meta f'dan il-venue jkun hemm l-alcohol għall-bejgħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant illi l-kondizzjoni mehmuza ma’ Permess mogħti mill-Kummissarju tal-Pulizija fis-sens li propjetarju ma jistax ibiegħ jew iservi inbejjed, birer u xorb alkoholiku ieħor f’lokalita’ ta’ divertiment fejn ikun hemm persuni taħt l-eta’ ta’ sbatax-il sena ġiet introdotta fil-liġi Maltija fl-2008. Din il-kondizzjoni dejjem kienet allaċċjata mal-permessi relattivi maħruġa mill-Kummissarju tal-Pulizija minn dakinhar li daħlet fis-seħħ 'il-quddiem. Il-liġi applikabbli hija r-“Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f’Lokalitajiet ta’ Divertiment” (LS 10.40). Postijiet Open Air huma meqjusa bħala “lokalità ta’ divertiment” (bl-AL 132 of 1999). Il-projbizzjoni tinsab fir-regolament 6(2) u (3) ta’ dawn ir-regolamenti li daħlu fis-seħħ bl-AL 93 ta’ l-2008. L-eta’ rilevanti għoliet għal 17-il sena bl-AL 272 ta’ l-2009.

Servizz ta' Trasport Pubbliku ġdid — toroq magħluqa minħabba festi jew xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'se tkun il-pożizzjoni tal-konfront tas-soċjetà li se tmexxi t-trasport pubbliku l-ġdid (l-Arriva) meta jkun hemm talba leġittima minn xi ċittadin jew għaqda lill-Kummissarju tal-Pulizija jew lis-Segretarju tal-Kunsill Lokali tal-lokal in kwestjoni biex b'mod temporanju tingħalaq xi triq li minnhom jgħaddu l-karozzi tal-linja eżempju f'każ ta' festi fl-irħula jew f'każ ta' xi xogħlijiet strutturali?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.26835.

Vetturi li intirtu

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'jiġri meta vettura tkun intirtet minn għadd ta' werrieta, però xi ħadd mill-werrieta jagħżel li ma jikkoperax fil-mili tal-formoli jew ritorn tan-number plate lil Transport Malta, speċjalment jekk il-vettura de quo tkun inzertat għandu fil-mument tal-mewt tal-axxendenti? Hemm xi mekkaniżmu li bih il-werrieta li jkunu disposti jimxu skont il-liġi imma minħabba wieħed mill-werrieta ma jistgħux jeżoneraw irwieħhom mill-pieni ta' multi?

Response (GATT, AUSTIN)

Mhux l-użanza tal-Kamra illi Ministru jagħti pariri dwar proċeduri legali bejn werrieta fuq il-wirt tagħhom.

Fondi Ewropej — sospensjoni

Question

B'referenza għall-kwestjoni tas-sospensjoni tal-Fondi Ewropej (YIA u LLY), tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra xi spezzjonijiet saru, jekk saru, minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea matul ix-xahar ta' Ġunju? Meta saru? Min kienu l-persuni li ġew jagħmlu l-ispezzjoni? Fiex kienet tikkonsisti l-ispezzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (European Union Programmes Agency – EUPA) ma kellha l-ebda spezzjoni minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea matul ix-xahar ta’ Ġunju.

Wied il-Għajn — Labour Office

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex ma jitwaqqafx labour office f'Wied il-Għajn, meta dan jista' faċilment jiġi mqiegħed fil-berġa li tiftaħ biss madwar sagħtejn fil-ġimgħa u hi proprjetà tal-gvern? Taf il-Ministru li f'Wied il-Għajn il-popolazzjoni splodiet u ċ-Ċentru tal-Fgura mhuwiex qed jaqdi kif meħtieġ lin-nies ta' Wied il-Għajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2010 beda proċess ta’ ristrutturar tal-uffiċċji distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Bħala parti minn dan il-proċess, numru ta’ lokalitajiet li fihom ma hemmx uffiċċju distrettwali, inbidlilhom l-uffiċċju distrettwali li miegħu huma abbinati dawn il-lokalitajiet. Fost dawn kien hemm Wied il-Għajn li fil-bidu ta’ l-2010 beda jagħmel parti mill-uffiċċju distrettwali tal-Fgura. Dakinhar konna għamilniha ċara li dan qed isir bi prova. Id-Dipartiment diġa’ evalwa l-impatt tat-tibdil li għamel fl-2010 u fil-fatt bħalissa qed jikkunsidra li l-lokalità ta’ Wied il-Għajn tkun abbinata ma’ l-uffiċċju distrettwali ta’ Haż-Żabbar. Dan għandu jagħmilha eħfef għar-residenti ta’ Wied il-Għajn biex tittaffilhom il-problema li m’għandhomx uffiċċju distrettwali fil-lokal tagħhom.

Universitajiet — rikonoxximent tad-degrees tal-MCAST

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 27021, tista' l-Ministru tispjega b'mod iktar ċar liema huma l-Universitajiet li jirrikonoxxu d-degrees jew xi wieħed, jew xi uħud mid-degrees mogħtija mill-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Malta hija membru tal-Unjoni Ewropea u b’riżultat t’hekk, fil-kamp tal-edukazzjoni, bħal f’oqsma oħrajn, dak li hu rikonoxxut f’Malta huwa rikonoxxut fil-pajjiżi l-oħra. Għaldaqstant l-istudenti Maltin igawdu mill-istess vantaġġi li jgawdu minnhom studenti fil-pajjizi tal-UE. Il-korsijiet tal-MCAST, inklużi dawk li jwasslu għal degrees , huma rispettati u rikonoxxuti minn kulleġġi u universitajiet barranin, hekk li dawk l-istudenti tal-MCAST, li jfittxu li jissuktaw bl-istudju tagħhom barra minn Malta, f’livelli ogħla bħal Masters , kemm fil-linja tal-arti kif ukoll f’dik tax-xjenza, ma jsibu l-ebda diffikulta’ biex jidħlu fl-istituzzjoni terzjarja li jagħżlu huma.

laqgħa mal-Ministri Tedeski

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barrani jikkonferma li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tedesk Guido Westerwelle u l-Ministru għall-Iżvilupp Tedesk Dirk Niebel, ġew Malta nhar it-13 ta' Gunju, 2011 fi triqthom lejn Benghazi? Kemm damu Malta? Għaliex dawn l-Ministri ħassew il-ħtieġa li jieqfu Malta qabel ikomplu triqthom lejn Benghazi? X'taħdidiet kellhom mal-Gvern Malti jew mar-rapprezentanti tal-Gvern Malti?

Response (BORG, TONIO)

Nikkonferma li nhar it-13 ta' Ġunju 2011, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tedesk, Guido Westerwelle u l-Ministru għall-Iżvilupp Tedesk, Dirk Niebel, użaw l-ajruport ta' Malta għal ftit ħin fi triqthom lejn Bengażi. Il-waqfa f' Malta tagħhom kienet waħda teknika u minħabba nuqqas ta' ħin ma kienx possibili li jsiru taħditiet uffiċjali.

proġett għall-iżvilupp tal-White Rocks

Question

Wara l-istqarrija li għamel id-direttur tal-White Rocks Holding Company Don Brister lil xi mezzi tax-xandir Maltin fejn qal li ma jistax jifhem x'qed iżomm lill-gvern milli jiżviluppa u jkompli jmexxi 'l quddiem l-proġett ta' €200 miljun tal-ex-White Rocks Complex, tista' l-Ministru tgħid effettivament x'inhu jiġri? X'inhi l-problema interna li qed twassal biex il-gvern ikaxkar saqajh fuq dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risporta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25858.
Leg 11 PQ #27167 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

laqgħat mal-ambaxxatriċi tal-Ġnus Magħquda

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma x'laqgħat saru mal-Ambaxxatrici (goodwill) tal-Ġnus Magħquda Angelina Jolie bejn il-Gvern Malti jew xi awtoritajiet oħrajn mal-istess Angelina Jolie dwar il-kundizzjonijiet li fihom jinżammu l-immigranti irregolari fiċ-ċentri magħluqa? X'ġie diskuss?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, fuq talba tagħha, is-Sinjura Angelina Jolie għamlet żjarat fiċ-Ċentri Miftuħa u Magħluqa waqt li kienet f'pajjiżna għal ġbid ta' film.

Ta' Sliema — Triq Bisazza - spiża

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża kumplessiva għaċ-ċerimonja tal-ftuħ ta' Triq Bisazza f'Tas-Sliema bħala triq pedestrijanalizzata? Jista' jagħti breakdown ta' din l-ispiża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twġiba mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26772, ninfurmah li dawn l-ispejjeż tal-inawgurazzjoni u l-open day kienu kif ġej: Produzzjoni ta’ Inviti u Materjal informattiv u promozzjonali €10,300 Sound u Dawl €6,700 Entertainment u dekorazzjonijiet ecc €11,400 Riċeviment pubbliku €7,600 Affarijiet ohra relatati mall-inawgurazzjoni €1,200

Stelazine out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iStelazine (kalmant) humiex out of stock? X'qed jagħmel il-gvern biex iġib dawn il-mediċini fi żmien qasir għall-ġid tal-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dwar Trifluperazine (Stelazine) ma kien hemm ebda tibdil mir-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26330. Trifluperazine 5mgs jinstabu in stock filwaqt li l-pilloli Trifluperazine 1mg mhumiex in stock għaliex il-Medicines Authority waqqfet id-distribuzzjoni tagħhom.
Leg 11 PQ #27221 Sitting 381 2011-07-11 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delegazzjonijiet li saru skont l-artiklu tal-Kostituzzjoni ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il delega saret skont l-artiklu 110 (1) tal-Kostituzzjoni ta' Malta fl-aħħar ħames snin? Favur min u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ delegi li saru fl-aħħar ħames snin skont l-artiklu 110 (1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta kien ta’ tnejn. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-Dokumenti ta’ Delega konċernati, datati l-4 ta’ April 2009 u t-18 ta’ April 2009, kif ġew ippublikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Permezz tad-Dokument ta’ Delega datat l-4 ta’ April 2009, is-Segretarji Permanenti ingħataw is-setgħa li jagħmlu ri-ingaġġ ta’ uffiċjali pubbliċi rtirati, kif ukoll ingaġġ ta’ persuni rtirati li ma kinux uffiċjali pubbliċi iżda li għandhom l-istess rekwiżiti, fuq bażi ta’ kuntratt full-time jew part-time għal perjodu speċifiku li fl-ebda każ ma jista’ jestendi l-perjodu ta’ tnejn u erbgħin (42) xahar jew inkella meta l-impjegat jagħlaq il-ħamsa u sittin (65) sena, skont liema jiġi l-ewwel. Din id-delega ingħatat minħabba l-fatt li s-Servizz Pubbliku qiegħed jiffaċċja nuqqas ta’ mpjegati b’ħiliet u kwalifiċi f’oqsma diversi, kif ukoll minħabba t-telf sinifikanti ta’ għarfien u esperjenza ta’ valur li ħafna drabi jirriżulta wara l-irtirar ta’ uffiċjali pubbliċi f’oqsma partikolari. Il-gradi li fihom jista’ jsir tali ingaġġ jiġu stabbiliti mis-Segretarju Permanenti Ewlieni wara li jgħarraf lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Permezz tad-Dokument ta’ Delega datat it-18 ta’ April 2009, il-Kapijiet ta’ Dipartment ingħataw is-setgħa li japprovaw, mingħajr referenza lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, estensjonijiet tal-perjodu ta’ servizz bi prova meta l-uffiċjal jagħmel użu minn leave speċjali mingħajr ħlas jew meta l-uffiċjal jagħmel użu mill-faċilita’ ta’ ġurnata fuq bażi ta’ sigħat imnaqqsa matul il-perjodu ta’ servizz bi prova. Il-Kapijiet ta’ Dipartment ingħataw ukoll is-setgħa li japprovaw estensjonijiet tal-perjodu ta’ servizz bi prova sa estensjoni massima ta’ erbgħa u għoxrin (24) xahar jew li jtemmu l-ħatra bi prova, għal raġunijiet ta’ servizz mhux sodisfaċenti, filwaqt li jitħalla d-dritt li l-uffiċjal konċernat jagħmel rappreżentazzjonijiet lis-Segretarju Permanenti u finalment jappella lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Dgħajjes tradizzjonali Maltin reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26951 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il dgħajsa tradizzjonali Maltija (luzzu eċċ.) huma jew kienu (skont il-każ) reġistrati bħala dgħajjes li jintużaw mis-sajjieda sena b'sena fl-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dettaljata kif mitluba għas-sena 2007 ma teżistix, ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba għas-snin l-oħra.
Leg 11 PQ #27145 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Familja — għall-medjazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Jannar u l-1 ta' Ġunju 2011 kemm ġew imqiegħda fuq il-Mejda ittri għall-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja, kemm saru kuntratti bonarji u kemm ġew pronunzjati sentenzi ta' separazzjoni? Fil-kuntratti bonarji għall-istess perjodu kemm kien hemm każijiet fejn iż-żewġ partijiet irrinunzjaw għall-manteniment għalihom reċiprokament? Fl-istess kuntratti kemm kien hemm każijiet fejn iż-żewġ partijiet iddikjaraw minn jeddhom li ddekadew għall-manteniment għalihom? Fl-istess kuntratti kemm kien hemm kuntratti fejn xi parti tirrinunzja għall-manteniment għaliha u l-oħra tiddekadi għall-manteniment għaliha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mill-Onorevoli Interpellant hija s-segwenti:- Għawdex Malta Ittri għall-medjazzjoni (separazzjoni personali) 8 326 Ittri għall-Medjazzjoni in ġenerali 9 529 Ittri għall-Kuraturi (separazzjoni personali) - 14 Separazzjoni Bonarja 5 96 Sentenzi ta' separazzjoni personali pronunzjati 5 19 Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għall-kumplament tad-domanda ma tinżammx taħt forma ta' statistika.

degrees li għandha poter tikkonferixxi l-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'degrees għandha poter tikkonferixxi l-MCAST u fejn, jiġifieri f'liema pajjizi u/jew universitajiet huma rikonoxxuti dawn id-degrees?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-poteri ta’ l-MCAST biex jikkonferixxi id-degrees tiegħu ġej mill-Att dwar l-Edukazzjoni Kapitolu 327 Sezzjoni VIII Artiklu 90 (g) tal-liġijiet ta’ Malta. Għar-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Intepellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 27021.
Leg 11 PQ #27155 Sitting 378 2011-07-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

kawżi ta' annullament matrimonjali ċivili fil-qorti tal-familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jagħmel dak kollu meħtieġ biex, bis-saħħa ta' emendi u atti opportuni, jispiċċa: i) il-poter ta' soprasessjoni ta' kawżi ta' annullament matrimonjali tat-Tribunal Ekkleżjastiku Melitensi fuq il-kawżi ta' annullament matrimonjali ċivili fil-Qorti tal-Familja, jigifieri l-poteri li għandu t-Tribunal li bih il-Qorti jkollha tieqaf jekk tinfetaħ kawża ta' annullament fit-Tribunal Ekkleżjastiku? ii) l-effett ċivili ta' sentenzi ta' annullament matrimonjali maħruġa mit-Tribunal Ekkleżjastiku Melitensi, partikolarment meta l-imħallfin ta' dan it-Tribunal ma jaqgħux taħt l-iskrutinju parlamentari maħsub għall-imħallfin tal-qrati tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-Onorevoli Membru huwa mfakkar illi t-Tribunal Ekklesjastiku għandu ġurisdizzjoni biss f’ materja ta’ annullament ta’ żwiġijiet regolati bid-Dritt Kanoniku fejn allura l-partijiet fiż-żwieġ ikunu għażlu li ż-żwieġ tagħhom ikun soġġett għal dik is-sistema legali. Il-gvern m'għandu l-ebda ħsieb illi jneħħi l-effetti ċivili tas-sentenzi ta’ annullament ta’ żwieġ pronunċjati mit-Tribunal Ekklesjastiku. Dan pero' li r-rikonoxximent tal-effetti ċivili ta’ sentenzi tat-Tribunal Ekklesjastiku dwar annullamenti ta’ żwiġijiet Kattoliċi m’huwiex awtomatiku iżda huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Qorti tal-Appell li teżamina dawk il-proċeduri fid-dawl tad-drittijiet fondamentali li huma inerenti fis-sistema legali ta' Malta.