Legislature:
Category:
Reset
Active:

rotot l-antiki tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'hemm xi jżomm lil Transport Malta biex terġa' tirreverti lura għar-rotot l-antiki tat-trasport pubbliku fl-irħula ta' Wied il-Għajn, Żejtun u l-Fgura li manifestament kienu jaqdu liċ-ċittadini ferm aħjar mir-rotot tal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-lokalitajiet imsemmija huma moqdija b’servizz dirett kemm għal Mater Dei kif ukoll għall-Belt Valletta. Għall-Belt Valletta hemm dawn ir-rotot: M’Skala – 91 Fgura – 91 Żejtun – 81/84 Għal Mater Dei hemm dawn ir-rotot: M’Skala – 204/135 Fgura – 120 Żejtun – 210/135 Ninsab infurmat ukoll li wħud mid-diffikultajiet li qed jesperjenzaw passiġġieri tat-trasport pubbliku fiż-żoni li qed isemmi l-Onor. Interpellant huma kkawżati minn problemi t’operat bħal regolarita’ tas-servizz u daqs tal-vetturi użati. Nifhem li l-operatur qed jaħdem biex dawn id-diffikultajiet ikunu indirizzati. Rigward rotot; infakkar lill-Onor. Interpellant li nuqqasijiet f’dan ir-rigward qed jiġu indirizzati.
Leg 11 PQ #28310 Sitting 389 2011-10-05 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

restawr ta' teatri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi skemi hemm ta' għajnuna biex teatri ta' ċertu valur li jinsabu fil-pussess ta' għaqdiet, bħalma huwa t-Teatru Pandora fiż-Żejtun, ikunu jistgħu jiġu restawrati skont is-sengħa u l-arti u jintużaw għall-ġid tat-tixrid tal-kultura fl-irħula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-aktar skema addattata għal din it-tip ta’ għajnuna hija n-National Lotteries Good Cause Fund li bejn l-2008 u l-2010 għen, fost oħrajn, lil iktar minn mija u ħamsin individwu jew organizzjazzjoni li huma attivi fl-oqsma varji tal-kultura b’allokazzjoni ta’ Euro 1.87 miljun. Apparti minn hekk, ir-Regoli tal-2006 dwar Donazzjonijiet (Patrimonju Nazzjonali) (A.L. 266 ta’ l-2006) u r-Regoli tal-2008 dwar Donazzjonijiet li jsiru għal Sport u Kultura (A.L. 159 tal-2008), jipprovdu inċentivi fiskali lil kumpaniji privati sabiex jagħtu donazzjonijiet lil għaqdiet mhux Governattivi attivi fil-qasam tal-patrimonju kulturali u lil organizzazzjonijiet kulturali not-for-profit rispettivament. Dawn l-għajnuniet jistgħu jintużaw għal proġetti kulturali li jinkludi restawr u riabilitazzjioni kulturali u artistika ta’ siti u spazji kulturali. F’każijiet fejn il-propjeta’ kkonċernata hija tal-gvern, Artiklu 48 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jippermetti li jsiru guardianship deeds ma’ Kunsilli Lokali u ma’ għaqdiet mhux governattivi sabiex jikkustodixxu u jamministraw propjetajiet kulturali.
Leg 11 PQ #27914 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Art Funds — screening

Question

B'referenza għall-fondi li jingħataw lill-artisti permezz tal-Art Funds, jista' l-Ministru jgħid kif il-gvern jagħmel screening tal-proġetti li għalihom kienu ngħataw il-fondi biex jaċċerta ruħu li l-proġett pattwit ikun effettivament sar u sar bi standard kif ikun imwiegħed fl-applikazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kull proġett li jingħata l-fondi mill-Malta Arts Fund huwa marbut b’kuntratt. L-applikanti tal-proġetti rebbieħa huma mitlubin jissottomettu rapport, kopji ta’ reklamar fil-mezzi tax-xandir, u rċevuti li jammontaw għall-fondi li ngħatawlhom għall-proġett tagħhom. Din id-dokumentazzjoni għandha tasal għand il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fi żmien tletin (30) ġurnata wara li jintemm il-proġett, hekk kif stipulat fil-kuntratt: ‘ Receipts for money spent in relation to the event must total the money received by the Beneficiary as stipulated in this agreement [...]. The Beneficiary shall provide the MCCA with a report highlighting the work carried out and the achievements of the project [...]. The Beneficiaries shall submit to the MCCA copies of any relevant marketing, publicity or information material developed for the Project, including photographic evidence or such marketing or publicity material. Submission of this material should be made within thirty (30) days from the completion of the project.’ Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti minn naħa tagħha tivverifika dak li jkun hemm f’dawn ir-Rapporti.
Leg 11 PQ #27915 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Arts Fund — fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw persuni biex jieħdu fondi mill-Arts Fund matul din il-leġislatura? Kemm minnhom ingħataw fondi? Kemm minnhom ma ngħatawx fondi? Kemm minnhom ingħataw fondi iktar minn darba? Minn dawk li ngħataw fondi iktar minn darba, kemm-il darba effettivament ingħataw fondi mill-Arts Fund?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li minn meta twaqqaf il-Malta Arts Fund f‘Ottubru tal-2009 s’issa, Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti rċieva 82 applikazzjoni għal proġetti kbar u 300 applikazzjoni għal proġetti żgħar. Minn dawn l-applikazzjonijiet, ingħataw il-fondi lil 28 proġetti kbar u lil 106 proġetti żgħar li laħqu l-livell meħtieġ , filwaqt li 194 proġetti zgħar u 54 proġetti kbar ma ngħatawlhomx fondi. Uħud mill-applikanti resqu applikazzjoni għal iktar minn proġett wieħed, u tlettax minn dawn l-applikanti ngħataw il-fondi għal żewġ jew tliet proġetti differenti. Ta’ min igħid illi l-evalwazzjoni tal-proġetti ssir minn evalwaturi esterni.
Leg 11 PQ #27916 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt ta' konsulenza

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Bord tat-Teatru Manoel u l-Maestro Schembri fuq it-termini tal-kuntratt il-ġdid. Ġaladarba dawn id-diskussjonijiet jintemmu, jien inpoġġi kopja tal-kuntratt kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #27917 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulent tat-Teatru Manoel

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27572, jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra xi rwoli oħra għandu l-Maestro Brian Schembri mal-gvern jew xi awtorità tal-gvern apparti dak ta' konsulent għat-Teatru Manoel? Kemm jitħallas ta' dawn ir-rwoli oħra apparti dak ta' konsulent għat-Teatru Manoel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat tweġiba tiegħi f' risposta 27916.
Leg 11 PQ #27918 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja — Titjib tal-pianoforte

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-pianoforte li hemm f'Kastilja huwiex se jsirlu xi xogħol ta' titjib jew ammeljorament fuqu? X'tip ta' pianoforte hu u x'tip ta' xogħol hemm bżonn isir fuqu? Għaliex hu meħtieġ li jsirlu dan ix-xogħol? Kemm ġew allokati fondi biex isir dan ix-xogħol? Meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol? Minn min se jsir dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li l-pianoforte li hemm fil-Berġa ta’ Kastilja huwa Steinway&Sons Grand Piano Mod.D 274. Qed issir analiżi tal-qagħda u l-ħtiġijiet ta’ dan il-piano.
Leg 11 PQ #27919 Sitting 388 2011-10-04 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Arts Festival — konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-Malta Arts Festival ta' din is-sena? Fiex intnefqu? Jista' jgħid min kienu l-artisti Maltin li pparteċipaw f'dan il-festival? Min aġixxa ta' konsultent għal dan il-festival? Kemm tħallas/su? Jista' jelenka l-artisti Maltin li ħadu sehem fil-Malta Arts Festival sena b'sena mill-bidu ta' din il-leġislatura sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-nefqa globali sabiex jigi organizzat il-Malta Arts Festival 2011 tammonta ghal 410,344 Ewro. Din is-somma intefqet fuq l-artisti u l-organizzazzjoni u logistici sabiex jitella dan il-festival. Il-Kunsill Malti ghall-Kultura u l-Arti hatar Direttur Artistiku ghal dan avveniment ghas-somma ta’ 11,800 Ewro bil-Vat fis-sena. Ukoll qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenka tal- Artisti Maltin li ppartecipaw fil-Festivals.

MFSA — ditta tal-avukati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema avukat/ditta ta' avukati tagħmel ix-xogħol legali tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji? Kemm titħallas? B'liema mezz ġiet appuntata din id-ditta? Għaliex ix-xogħol legali tal-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji, inkluz il-kontenzjuż, ma jsirx kollu in house?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kważi ix-xogħol kollu legali tal-MFSA isir in house imma dawn l-aħħar ftit snin inħasset il-ħtieġa li titqabbad assistenza legali esterna partikolarment sabiex tgħin l-awtorità f’kawżi quddiem il-Qrati u quddiem Financial Services Tribunal, fejn l-ammont tal-kawżi dejjem jikber, kif ukoll fir-rigward ta’ xi problemi li jistgħu joħorġu minn liġijiet speċjali bħall-liġijiet tal-impjiegi. Inħass utli li fuq xi kwistjonijiet l-awtorità tkun tista tirċievi second opinion. Għal dawn l-iskopijiet, mill-2007 lil hawn, kienet qegħda titqabbad id-ditta Abela, Stafrace and Associates, li kienu ġew magħżula direttament, u tħallsu is-segwenti ħlasijiet: 2007 - 4667 euros 2008 - 1154 euros 2009 – 1457 euros 2010 – 2749 euros Il-kont għal servizzi reżi fis-sena kurrenti għadu mistenni.

WSC — Leak detectors

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jkun hemm ċaqliq jew tnaqqis jew bdil fiċ-ċirkostanzi tax-xogħlijiet fin-numru ta' leak detectors li jaħdmu mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jekk iva, x'inhuma l-pjanijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi wara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ilha diversi snin tnaqqas il-ħela tal-ilma minn ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma, il-livell ta’ leakage laħaq livell baxx ħafna u ilu hekk għal xi snin. Fil-fatt, minn studju li sar jirriżulta li dawn il-ħsarat issa tant tnaqqsu li l-spiża tas-sezzjoni hija hafna akbar mill-gwadann ta’ aktar tnaqqis ta’ ilma. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ metodoloġiji ġodda li jridu jiġu implimentati. Il-pjan hu li l- Leak Detectors li qed jagħmlu dan ix-xogħol jiġu mitluba jaħdmu fuq xogħol ieħor li jirrigwarda wkoll telf ta’ dħul mill-produzzjoni tal-ilma. Dan il-pass m’għandux ikollu effett fuq is-sigurtà ta l-impjieg tal-ħaddiema konċernati u lanqas fuq il-livell tal- leakage fis-sistema tad-distribuzzjoni.
Leg 11 PQ #27739 Sitting 387 2011-10-03 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Futur tal-Familja — rapporti finali

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti finali li, occorrendo, kien sar mill-Kummissjoni għall-Futur tal-Familja mwaqqfa mill-Prim Ministru Dr. Alfred Sant fl-1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li hemm fil-file OPM 398/1997 (Commision for the Future Family)

Wied il-Għajn — Housing Estate

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-postijiet proprjetà tal-gvern li jinsabu mikrija lil terzi fil-oqsma tal-gvern f'Wied il-Għajn humiex possibbli li jinxtraw mill-kerrejja stess bħalma jiġri f'housing estates governattivi oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent l-iskema fejn inkwilini li qed jikru l-post tar-residenza tagħhom mingħand il-Gvern ikunu jistgħu japplikaw biex jixtru dan l-istess post tinsab magħluqa. Huwa mistenni li din l-iskema terġa’ tiftaħ fil-futur qrib.

Wied il-Għajn — Housing Estate

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-postijiet proprjetà tal-gvern li jinsabu mikrija lil terzi fil-oqsma tal-gvern f'Wied il-Għajn humiex possibbli li jixtraw mill-kerrejja stess bħalma jiġri f'housing estates governattivi oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ Housing Estates tal-gvern ġewwa Wied il-Għajn, li huma magħrufa bħala Ġebel Anxur u taż-Żonqor. Il-postijiet proprjetà tal-gvern li hemm mibnija fil-qasam ta’ Ġebel Anxur huma mibnija fuq art li ġiet akkwistata mill-Gvern iżda li l-kuntratt tal-akkwist mas-sidien oriġinali tal-art għadu ma sarx. Għaldaqstant il-postijiet mikrija fil-qasam ta’ Ġebel Anxur ma jistgħux jinxtraw mill-kerrejja. Rigward il-postijiet proprjetà tal-Gvern fil-Qasam taż-Żonqor, dawn huma kollha mgħoddija lill-Awtorità tad-Djar u għaldaqstant il-kerrejja ta’ dawn il-proprjetajiet jistgħu jagħmlu t-talba tagħhom għax-xiri ta’ dawn il-proprjetajiet, lill-istess awtorità.

Żejtun — Karozzi tal-Linja għall-Isptar

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm servizz tal-linja miż-Żejtun għall-Isptar li tkun diretta imqar fil-ħinijiet li jikkombaċċjaw mal-ħinijiet tad-dħul tal-isptar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Rotta 210 tgħaqqad iż-Żejtun, Tarxien u Raħal Ġdid ma’ l- interchange ta’ Mater Dei u l- Park and Ride tal-Marsa. Din ir-rotta ser tkun qed taħdem kull 20 minuta.
Leg 11 PQ #26959 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forti San't Anġlu — xogħlijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-bidu tal-Leġislatura sal-lum biex jiġi salvat il-Fort Sant' Anġlu in vista tax-xogħol urġenti li kellu jsiru fuqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li x-xoghol ta’ emergenza mehtieg fuq il-Forti Sant Anglu gew indetifikati f’rapport li gie ippreparat f’Dicembru 2008 fejn wara gew mitfughha l-applikazzjonijiet il-MEPA ghax-xoghlijiet rispettivi. Abbazi tar-rapport imsemmi, fil-budget ta’ l-2010, gew ivvutati €1,500,000 ghal dawn l-imsemmija xoghlijiet. Minn mindu gew allokati l-fondi fl-Estimi ta’ l-2010, ix-xoghlojiet iffukaw fuq il-fazi ta’ preprazzjoni u bidu tax-xoghlijiet ta’ emergenza. Dan jinkludi is-surveying, applikazzjonijiet il-MEPA, Cost Benefit Analysis u xoghol iehor assocjat. Fl-2010, Heritage Malta, irrestawrat ukoll il-Qanpiena ta’ l-Assedju u xi strutuuri ohra li kienu perikolanti fuq il-Kavallier kif ukoll f’partijiet ohra tal-Forti, inkluz opramorta ma’ rampa. Sar hafna tindif ta’ imbarazz u materjal. Dan sar kollu minn haddiema ta’ din l-istess agenzija. Sar ukoll xoghol ta’ arkeologija fid-dahla principali tal-fortizza sabiex seta jinhareg it-tender tar-restawr ta’ l-istess dahla. Flimkien mar-Restoration Unit tal-MRRA, sar ukoll xoghol ta’ restwar fuq il-Polverista, liema xoghol inkluda id-deffun fuq is-saqaf. Inhargu u nghataw ukoll l-ewwel kuntratti mill-fond ta’ emergenza, li jinkludu t-twaqqiegh tas-‘swimming pool’ u sturtturi assocjati. Dan ix-xoghol inbeda f’Mejju ta’ din is-sena u mistenni jiswa €91,700 (inkluz VAT). Dan it-tender kien inhareg l-ewwel darba u l-offerti ghalqu fl-10 ta’ Settembru 2010, izda kellu jigi ikkancellat. Imbaghad dan it-tender kien ippublikat ghat-tieni darba f’ Jannar 2011. Wara li hareg il-permess tal-MEPA, inhareg t-tender (darbtejn) ghar-restawr tal-bieb principali tal-Forti (€100,000), liema xoghol ghad irid jinbeda minhabba li bhalissa hemm appell fuq it-tender. Dan it-tender kien ippublikat l-ewwel darba f’Awwissu 2010, izda kellu jigi ikkancellat, u kien ippublikata ghat-tieni darba f’Jannar 2011. Fi zmien qasir ghandhom jinhargu tenders ohra ghal xoghlijiet ta’ tiswija tar-rampa (stima preliminari ta’ €60,000) kif ukoll il-bini mill-gdid tal-volta wara l-entratura principali (stima preliminari ta’ €190,000), liema struttura kienet iggarrfet fil-gwerra. Barra minn hekk, xoghlijiet ohra, wara li jitlestew ix-xogholijiet hawn fuq imsemmija, ser jinkludu t-tiswija tal-access ghal De Guiral Battery (stima preliminari ta’ €150,000), li sfrundat waqt xoghlijiet f’partijiet ohra tal-forti minn terzi. Ser jinbeda ukoll xoghol ta’ konservazzjoni fuq is-‘Salt Water Tower’ (fuq il-Kavallier). Malli jinhargu l-permessi tal-MEPA, ix-xoghol jista’ jitkompla fuq ir-restawr tal-Polverista u ‘Sick-Bay’. Inhadmet u giet mitfugha applikazzjoni ghall-fondi mill-ERDF (Mejju 2011), liema applikazzjoni tammonta ghal €16.8 miljuni. L-iskop ta’ l-applikazzjoni hu li jigi introdott u mhaddem il-‘Fort St Angelo Heritage Experience’. Bi preprarazzjoni ghal progett ta’ l-ERDF, liema applikazzjoni giet mitfugha f’Mejju 2011, inhareg tender u ntaghzel perit sabiex saret l-applikazzjoni lill-MEPA ghar-restawr tal-fortizza kollha. Ghal dan ix-xoghol preparatorju intefqu ntefqu €167,787. Dan ma jinkludix l-ingagg ta’ zewg Periti (wiehed gie ingaggat fi Frar 2011 u mhallas mill-istess fond) sabiex jaraw li dan ix-xoghol kollu qed isir, jipprepraw it-tenders mehtiega u jsewgu x-xoghlijiet infushom mill-fond ta’ emergenza. Minhabba li meta gie ppreparat ir-rapport ta’ Dicembru 2008, ma kienx hemm il-hsieb ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ERDF, certu xoghlijiet li kienu jiffurmaw il-bazi ta’ l-istima ghandhom jigu ezegwiti bhala parti mix-xoghlijiet iktar estensivi ta’ restawr li issa hemm propost mill-fond ERDF.

Skola tal-Mużika

Question

B'referenza għall-Iskola tal-Mużika, tista' l-Ministru tgħid: a) għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li l-post f'Old Bakery Street, Valletta, li qabel kien jilqa' l-Iskola tal-Mużika, ma jibqax jintuża għal dan l-iskop; b) meta l-Gvern informa lill-għalliema tal-iskola b'din id-deċiżjoni; u ċ) fejn se jkun il-post ġdid li se jilqa' l-Iskola tal-Mużika fil-futur immedjat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

a) Id-deċiżjoni li l-post f'Old Bakery Street, Valletta, li qabel kien jilqa' l-Iskola tal-Mużika, ma jibqax jintuża għal dan l-iskop ittieħdet għax id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, l-Amministrazzjoni tal-Iskola u l-għalliema ħassew li dan il-post ma kienx għadu adekwat biex fih isir it-tagħlim tal-mużika, apparti mill-fatt li hemm problemi ta’ natura strutturali fil-bini. b) Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja informa lill-għalliema tal-iskola b'din id-deċiżjoni f’Awwissu, 2010. ċ) Matul l-2011-2012, l-Iskola tal-Mużika sejra tkompli tilqa’ l-istudenti fil-bini tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja tal-Belt u fil-Lifelong Learning Centre, Msida. Il-programm tal-Outreach Programme fit-tagħlim tal-Mużika, li ukoll jifforma parti mit-tagħlim provdut mill-Iskola tal-Mużika, ser ikompli jiġi pprovdut f’dawn il-Kulleġġi: (i) Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja tas-Subien, Ħal-Kirkop; (ii) Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja tal-Bniet, Santa Luċija; (iii) Kulleġġ Sant’ Injazju, Skola Sekondarja tas-Subien, Qormi; (iv) Kulleġġ Maria Reġina, Skola Sekondarja tal-Bniet, Mosta. (v) Kulleġġ Santa Klara, Skola Primarja, Pembroke; (vi) Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja, Attard.
Leg 11 PQ #27570 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Akkademja ta' Riccardo Muti — flus għall-proġett

Question

B'referenza għall-Akkademja ta' Riccardo Muti li kienet se tinfetaħ f'Malta, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu intnefqu flus għal dan il-proġett? Fiex intnefqu item item?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Il-proġett ta’ Akkademja tal-Mużika kien intiż sabiex pajjiżna jkollu akkademja mużikali ta’ l-aqwa livell bil-ħsieb li nsiru ċentru ta’ eċċellenza f’dan il-qasam. Il-Gvern kien laħaq ftehim ma’ Maestro Riccardo Muti sabiex dan igħin fit-twaqqif ta’ din l-Akkademja. Il-Maestro Muti organizza f’Malta l-ewwel attivita’ ta’ din l-Akkademja li kienet tikkonsisti f’ workshops mużikali u żewġ kunċerti. Kienet saret applikazzjoni sabiex dan il-proġett jiġi ko-finanzjat mill-fondi Ewropej iżda dan il-għan ma ntlaħaqx għalhekk il-proġett ma setax jitkompla.

Persuni li bbenefikaw mill-Arts Fund

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-persuni li bbenefikaw mill-Arts Fund sena b'sena? Kemm hemm persuni li bbenefikaw mill-Arts Fund darbtejn jew aktar, minn kemm ilu li twaqqaf dan il-fond? B'referenza għall-każijiet fejn persuni bbenefikaw mill-Arts Fund darbtejn jew aktar, kemm kienu l-ammonti f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #27572 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti tal-mużika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-konsulenti li għandu l-Gvern dwar il-mużika? Kemm jitħallsu fis-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li hemm tlett konsulenti li jagħtu pariri lill-Gvern jew entitajiet tiegħu fil-qasam mużikali. Dawn huma: Mro Michael Laus – Direttur Mużikali – Orkestra Filarmonika Nazzjonali - €27,000 fis-sena; Mro Joseph Vella – Kompożitur Residenti – Orkestra Filarmonika Nazzjonali - €5,000 fis-sena; Mro Brian Schembri – Teatru Manoel - €29,823 fis-sena.
Leg 11 PQ #27573 Sitting 385 2011-07-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Teatru Manoel — Kkurdar ta' pianofortes

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min jikkorda ż-żewġ pianofortes fit-Teatru Manoel? Kemm jintnefqu kull sena fl-ikkurdar tal-pianofortes sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-ikkurdjar tal-pjanofortes isir minn D’Amato Fine Tunes u dan sewa kif ġej: 2009 EUR 2,301.00 2010 EUR 978.50 2011 sa issa EUR 1,622.50 Dawn iċ-ċifri jinkludu kkurdjar għall-terzi li jikru t-Teatru. Dawn it-terzi jirrifondu lit-Teatru għal dan is-servizz.