Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsascala Football Club — art mgħoddija mingħand il-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li għamel il-Kunsill Malti għall-Isport biex id-dipartiment tal-gvern konċernat jgħaddi biċċa art biex tkun tista' tintuża bħala training ground għall-Marsascala Football Club?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #31204 Sitting 436 2012-01-18 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

payslips tal-impjegati tal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kif tiġi trasmessa l-payslip tal-impjegati tal-gvern lill-istess impjegati? Huwa minnu li l-payslips jaslu ġieli ġimgħat wara l-paydate? Waqt li hi ħaġa lodevoli li l-payslips jintbagħtu b'email b'mod mill-iktar puntwali u eżatt, jaħseb il-Prim Ministru li għall-benefiċċju ta' dak l-impjegat tal-gvern li m'għandux aċċess għall-internet il-payslip għandha tasallu imqar mal-paydate?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-payslips tal-impjegati li huma mħallsa mill-payroll tal-Gvern jitqassmu permezz tal-e-mail fir-rigward ta’ dawk l-impjegati li għandhom aċċess għal din il-faċilità kemm fuq il-post tax-xogħol jew fuq indirizz tal-email personali ipprovdut mill-impjegat innifsu. Is-sistema elettronika tissalvagwardja l-protezzjoni tal-informazzjoni personal tal-impjegat kif ukoll tekonomizza l-użu tal-karti. Fil-każ ta’ dawk l-impjegati li m’għandhomx il-faċilità tal-email, il-payslip tiġi stampata. Il- payslips ta’ dawk l-impjegati li m’għandhomx aċċess għall- e-mail jiġu stampati f’Għawdex. Id-dipartimenti rispettivi jiġbru dawn il- payslips mid-Direttorat tal- HR Systems and Data Management fl-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika sa mhux aktar tard minn ġurnata qabel id-data tal-ħlas tas-salarju, sabiex dawn imbagħad jitqassmu lill-impjegati kkonċernati. Il- payslips li jaslu tard ikunu ta’ dawk l-impjegati li għandhom il-faċilità tal- e-mail iżda li jkollhom il- mailbox mimlija jew inkella jkunu biddlu l-indirizz tal- e-mail tagħhom. Fil-każi kollha meta dawn l-impjegati jitolbu lil dan l-uffiċċju biex jerġa’ jibgħatilhom il- payslip bl- e-mail , din tintbgħat lilhom mill-aktar fis possibli.

kwestjoni dwar il-leave tad-drivers tal-ġudikanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar x'qed isir biex tissolva l-problema tad-drivers tal-ġudikanti, fis-sens li dawn id-drivers mhux dejjem isibu relievers u ġieli l-ġudikanti stess (uħud minnhom) ma jaċċettawx relievers u allura jispiċċaw jakkumolaw ħafna ġranet leave li ma jkunux jistgħu jieħu u jispiċċaw jitilfuhom? Huwa sewwa li dawn jistgħu jitrasferixxu biss 40 siegħa leave għas-sena ta' wara meta dawn jakkumolaw mal-700 siegħa leave f'ċertu każijiet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Rigward Vacation Leave L-Amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja dejjem timxi skont kif stabbilit fil-Public Service Management Code paragrafu 4.2.2 Applications for Vacation Leave. Rigward akkumulazzjoni u trasferiment ta leave l-Amminmstrazzjoni ma tistax tapprova akkumulazzjoni ta’ leave aktar minn dak awtorizzat għal sena sħiħa u dan skont kif stabbilit f’paragrafu 4.2.4. Accumulation of leave ta’ l-istess PSMC. Biex jiġu evitati problemi ta’ akkumulazzjoni u trasferiment ta’ leave, ix-xufiera tal-Ġudikanti ġew infurmati permezz ta’ ċirkulari sa minn Lulju 2011 biex jieħdu ħsieb iqassmu l-leave sewwa matul is-sena u li ma jkunx permess li jħallu aktar minn 48 siegħa biex jiġu trasferiti għas-sena ta’ wara. L-Amministrazzjoni ħadet kunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi speċjali bħal mard u raġunijiet oħra u għalhekk f’ċertu każijiet approvat akkumulazzjoni ta’ numru ta’ siegħat aktar minn 48. Fil-każijiet ta akkumulazzjoni ta’ leave ta’ aktar minn 48 siegħa fejn jidher li ma kien hemm l-ebda raġuni għal dan, l-Amminstrazzjoni qiegħda tittratta kull każ max-xufiera konċernati individwalment. L-Amministrazzjoni dejjem ħadet ħsieb li l-ebda Ġudikant ma jkun sprovist minn xufier.
Leg 11 PQ #17000 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Knisja tal-Vitorja tal-Belt — orgni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar mill-orgni li għandu fuq 200 sena tal-Knisja tal-Vitorja tal-Belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fis-16 ta’ Ottubru 1996 is-CPS ta’ DG Works kienet ħarġet Letter of Acceptance lil Maestro Gatt. Ir-Restawratur Maestro Gatt kien ingħata l-inkarigu sabiex jirrestawra dan l-orgni. Dan ħa l-orgni f’maħżen personali tiegħu sabiex iwettaq ir-restawr u żarma l-imsemmi orgni. Billi l-Maestro Gatt dam aktar milli previst sabiex ilesti r-restawr, huwa ntalab numru ta’ drabi sabiex item dan il-kuntratt imma baqa’ ma wasalx. Għalhekk id-Dipartiment tax-Xogħol fetaħ kawża kontrih. Il-kawża kienet intrebħet mid-Dipartiment iżda kien hemm diversi problemi biex tiġi nfurzata. Uffiċjali tal- VRP fil-preżenza tal-Marixxal tal-Qorti, kienu elevaw diversi partijiet minn dan l-orgni mill-maħżen ta’ Maestro Gatt, u dawn illum jinsabu maħżuma f’maħżen tal- VRP. Iżda meta tqabbad espert indipendenti, dan ta’ l-aħħar kien irrivela li l-orgni kien jonqsu diversi partijiet. Jien infurmat li l- VRP dan l-aħħar reġgħu għamlu kuntatt ma’ Maestro Gatt biex tinstab soluzzjoni finali għal din il-problema. Inżid ukoll illi l-ittra uffiċjali saret fid-19 ta’ Lulju 2002. Iċ-ċitazzjoni saret fid-9 ta’ Mejju 2003. Is-sentenza tal-Prim Awla Qorti Ċivili ingħatat fit-27 ta’ Mejju 2005. Inħareġ mandat ta’ sekwestru fit-2 ta’ Ottubru 2005. Ma ġew depożitati l-ebda flus u għalhekk sar mandat ta’ qbid fil-11 ta’ Novembru 2005. Saret subbasta fit-12 ta’ Frar 2007. Permezz ta’ ċedola ta’ kompensazzjoni li saret fi Frar 2007 id-Dipartiment akkwista van. Sar mandat ta’ qbid ieħor fit-27 ta’ Mejju 2010 li permezz tiegħu ġew elevati l-maġġoranza ta’ l-oġġetti li kienu għadhom neqsin. Da parti tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet dan ħa jibqa’ isegwi l-proċeduri meħtieġa sabiex jissalvagwardja l-interessi tad-dipartiment skont is-sentenza tal-Qorti.
Leg 11 PQ #18729 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

żviluppi dwar is-serqa ta' biċċa ġebla mill-qamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Parlament jekk kienx hemm żviluppi dwar is-serqa ta' biċċa ġebla mill-qamar li kienet ġiet regalata mill-President Amerikan Richard Nixon lil Malta, liema serqa kienet saret mill-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali tal-Imdina, li hu mmexxi minn Heritage Malta, fit-18 ta' Mejju, 2004?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi s’issa ma kien hemm ebda żvilupp fl-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #19678 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Link road minn Smart City sa Tal-Barrani

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-Master Plan: Link Road From Smart City Malta to tal-Barrani,Tarxien. (January 2010)? Ladarba l-EIS reports (partikolarment dak ta l-espert li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament) jitkellmu dwar impatt inaċċettabbli għal Smart City f'każ li ma jkunx hemm link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani, x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar din il-ħaġa? Fl-istess ħin saru EIS dwar jekk din il-link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani ikollhiex impatt fuq l-ambjent u l-agrikoltura tal-madwar? X beħsiebu jagħmel il-gvern dwar dawn l-isfidi li għandna quddiemna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kopja tal-Master Plan “Link Road from Smart City Malta to Tal-Barrani, Tarxien” qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif mitlub. B’referenza għall-impatt fuq Smart City Malta hekk kif imsemmi fis-“Socio-Economic Impacts Report”, hija l-intenzjoni tal-Gvern li l- link road bejn il-Kalkara u tal-Barrani tinbena skont dan il- Master Plan u għalhekk l-impatt inaċċettabli li qed jissemma għal Smart City Malta m’għadux jeżisti. Fir-rigward tal-EIS fuq din il- link road , sal-lum, Transport Malta għandha applikazzjonijiet quddiem il-MEPA li jkopru ż-żona ta’ bejn il-Kalkara u Ħaż-Żabbar; għalhekk l-istudji fuq l-ambjent u l-agrikoltura li saru s’issa huma għal din iż-żona biss. Transport Malta qegħda fil-proċess li tissottometti lill-MEPA l-applikazzjoni tagħha għall- Phase 2 tal- link road (iż-żona ta’ bejn Ħaż-Żabbar u Ħal Tarxien), għalhekk ladarba din l-applikazzjoni tiġi sottomessa tkun il-MEPA li tiggwida lil Transport Malta dwar l-istudji neċessarji f’din iż-żona.
Leg 11 PQ #20497 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Barrieri — distanza bejn il-barrieri u l-proprjetajiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn barrieri f'Malta u Għawdex? Kemm hi d-distanza legali li għandha tiġi rispettata minn min irid ikabbar barriera vis-à-vis il-proprjetajiet aġjaċenti? Jiġifieri kemm għandu jħalli distanza sid barriera mill-proprjetajiet l-iktar viċini?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li hawn 103 siti f’Malta u Għawdex. F'Malta hawn 56 sit li qed joperaw u 32 sit li mhux qegħdin joperaw, filwaqt li f'Għawdex hemm 11-il sit li qed joperaw u 4 siti li mhux qegħdin joperaw. Il-liġijiet u regolamenti relevanti ma jispeċifikawx x’distanza għandu jkun hemm bejn barriera u postijiet residenzjali. Ta min iżid iżda li meta l-MEPA, tkun ser qed tikkunsidra talba għall- estensjoni ta’ barriera tieħu kont ta’ numru ta’ kunsiderazzjonijiet fosthom id-distanza bejn is-sit ta l-estenzjoni u l-eqreb residenza. Relatat ma’ dan il-MEPA, f’Ġunju ta’ din is-sena ħarġet dokument għal konsultazzjoni pubblika intitolat “Guidance Document for Vibration Monitoring of Quarry Blasting ”. Qiegħed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra, kopja ta dan id-dokument.
Leg 11 PQ #24159 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wasteserv — family park ħdejn l-impjant ta' Sant Antnin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24075, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Environmental Impact Assessment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-EIA huwa l-proċess sħiħ, filwaqt li l-Environmental Planning Statement (EPS) huwa d-dokument ewlieni, li fih l-istudji kollha. Fil-kuntest tal-Family Park ħdejn l-Impjant ta’ San Antnin, l-EPS u l-EIA huma l-istess ħaġa.
Leg 11 PQ #27916 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kuntratt ta' konsulenza

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv ta' konsulenza li għandu l-gvern mal-Maestro Brian Schembri skont kif spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 27572?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’referenza għar-risposta tiegħi f’mistoqsija parlamentari numru 27916, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt kif talab l-Onorevoli Interpellant.

Art li kienet tal-Marsa Shipbuilding

Question

Jista' l-Ministru jindika x'beħsiebu jagħmel bl-art li sa ftit snin ilu kienet tilqa' fiha l-Marsa Shipbuilding? Mill-privatizzazzjoni tad-Drydocks ta' Bormla sal-lum, kemm-il parti jew biċċa jew biċċiet tal-medda tal-ex Marsa Shipbuilding inkriet jew inkrew lil terzi? Għal kemm żmien u b'liema prezz? Lil min? Fiex qed tintuża l-ex Marsa Shipbuilding illum? X'makkinarju fadal fuq is-sit tal-ex Marsa Shipbuilding u kemm hu stmat illi jiswa? X'se jsir minn dan il-makkinarju? Qed issir manutenzjoni biex dan il-makkinarju jibqa' f'kundizzjoni tajba? Għaliex ftit tal-ġimgħat ilu ngħatat ordni biex il-baċir (l-uniku baċir) li hemm fl-ex Marsa Shipbuilding jerġa' jimtela' bl-ilma? Kemm sewa l-proċess biex il-baċir jerġa' jimtela' bl-ilma? X'użu sar minn dan il-baċir hekk mimli bl-ilma? Għaliex sal-lum il-baċir għadu mimli bl-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li minn mindu waqa’ l-proċess ta’ privatizzazzjoni tas-sit tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa, din l-art waqgħet taħt ir-responsabbiltà tal-Government Property Department fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi. Matul dawn l-aħħar xhur il-Government Property Departmen t laqa’ talbiet għal xi kirjiet ta’ żmien qasir għal skopijiet speċifiċi, uħud minnhom biex anke jaqdu esiġenzi fejn kien involut il-Gvern innifsu. Fosthom inkriet parti mis-sit lill-kumpanija Arriva sabiex jinżammu l-karozzi l-ġodda sakemm dawn ħargu għas-servizz tat-trasport pubbliku. Dan sar fi żmien meta Arriva kienet għadha qiegħda tagħmel arranġamenti sabiex jinstab post adekwat għal-magazzinaġġ ta’ dawn il-karozzi ġodda. Il-kirja għal perjodu ta’ xahrejn kienet ta’ €13,680 maħduma fuq l-art okkupata. Parti oħra mis-sit ġiet mikrija lill-Awtorità Transport Malta sabiex jinżammu l-karozzi tal-linja l-qodma wara li dawn inġabbru mingħand is-sidien tagħhom. Din il-kirja għal tliet xhur laħqet is-somma ta’ €13,500 u kienet ukoll maħduma fuq l-art okkupata matul dan il-perjodu, fejn numru ta’ vetturi reġgħu ħarġu mis-sit għal destinazzjonijiet oħra, oħrajn għaddew biex jigu preservati minn Heritage Malta, kif ukoll oħrajn ser jgħaddu għand il-kumpanija Arriva. Ftit tal-ġimgħat ilu parti ohra mis-sit tal-Marsa giet mikrija lil korporazzjoni Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) biex isir xogħol relatat mal-proġett ta’ bieb il-Belt. Il-kirja għal dan l-iskop laħqet €36,000 u x-xogħol fuq is-sit mistenni li ma jdumx aktar minn tmintax il-xahar. Barra minn hekk, il-Government Property Department iddelegat il-management tal-mollijiet madwar is-sit tal-ex-Malta Shipbuilding lill-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li hija kumpanija tal-Gvern li twaqqfet wara l-privatizzazzjoni tat-Tarzna sabiex topera, f’isem il-gvern, is- slop reception facility li tinsab fir-Ricasoli. Minħabba li parti mill-istaff ta’ din il-kumpanija ukoll jaħdem minn uffiċċju żgħir fuq dan is-sit tal-Marsa, il-kumpanija ingħatat ukoll ir-responsabbiltà li tamministra l-użu ta’ dawn il-mollijiet f’isem il-gvern. L-iskop aħħari huwa li jsir l-aħjar uzu minn dawn il-mollijiet fuq bażi kummerċjali sakemm ikun hemm pjanijiet aktar ċari dwar x’se jsir minn dan is-sit. Il-makkinarju primarju li kien jinsab fil-Malta Shipbuilding tħalla fuq l-istess sit. Huwa diffiċli li wieħed jagħti valur lil dan il-makkinarju fiċ-ċirkostanzi tal-lum u wieħed irid jirrikorri għal pariri professjonali qabel ma jsemmi xi figura. Il-makkinarju tħalla fil-kundizzjoni li kien meta l-aħħar tħaddem mit-Tarzna u fuqu mhix issir manutenzjoni. M’huwiex ċar x’se jsir minn dan il-makkinarju fil-futur, jiġifieri jekk hux se jinbiegħ jew jerġax jintuża f’xoghol ta’ kostruzzjoni tal-azzar. Huwa minnu li ftit tal-gimgħat ilu il-bacir tal-ex Malta Shipbuilding ġie mimli bl-ilma. Dan kien neċessarju bħala soluzzjoni biex ikun jista’ jiġi akkomodat oil rig li bħalissa jinsab irmiġġjat ma’ wiehed mill-mollijiet tal-ex Malta Shipbuilding. Dan għaliex mal-moll fejn seta’ jorbot dan ir-rig, kien hemm żewg vapuri oħra li kien tinħtieg li jinstabilhom post alternattiv biex ir-rig ikun jista’ jorbot mal-istess moll. Minħabba nuqqas ta’ spazju fil-port, ġie deċiż li dawn il-vapuri setgħu jiġi rmiġġjati fil-bacir tal-Marsa. Il-baċir tal-ex Malta Shipbuilding joffri post ta’ rmiġġ addizzjonali ta’ 290 metru fuq kull naha, jiġifieri total ta’ 580 metru. Għalkemm ir-rig ittardja ma wasal Malta u l-vapuri msemmija laħqu telqu minn Malta qabel ma wasal ir-rig, u għalhekk qatt ma daħlu fil-baċir tal-Marsa, issa li saru l-preparamenti kollha biex vapuri jkunu jistgħu jiġu rmiġġjati fil-baċir, dan tħalla mimli bl-ilma sabiex ikun jista’ jaqdi l-esiġenzi tas-suq tal-vapuri li sikwiet jitolbu postijiet għall-irmiġġ fil-port il-kbir. Rigward spejjez biex jimtela l-baċir, dawn kienu minimi u r-riżorsi meħtiega biex isir dan ix-xoghol kienu wkoll mill-inqas. Ix-xogħol kollu relatat ma’ din l-operazzjoni ma qabiżx l-€2,000.

Films li se jinħadmu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament liema huma l-films li se jinħadmu f'Malta fil-futur immedjat u liema huma dawk il-films li qed isiru l-aħħar diskussjonijiet biex jibdew jinħadmu f'Malta b'mod imminenti? Min huma d-djar tal-produzzjonijiet relattivi u x'budget hemm attached ma' dawn il-films?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi hemm diversi produzzjonijiet, uħud minnhom anke għal matul l-2014, li għamlu kuntatt jew li magħhom il-Kummissjoni diġà għamlet xi xogħol. Dawn il-produzzjonijiet ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom Franza, Italja, Ingilterra, Olanda u l-Amerika. Il-produzzjonijiet jinkludu uħud relatati ma’ stejjer storiċi bbażati f’Malta, drammi, kif ukoll series Amerikani għat-televizjoni. Għal raġunijiet kummerċjali, l-kummissjoni ma tistax issemmi ismijiet jew budgets qabel ma dawn jibdew shooting f’Malta.

Eżamijiet — studenti

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra: a) kemm kien hemm studenti fit-tmiem tas-sena skolastika 2008 - 2009 li qagħdu għall-eżamijiet tas-Sec (ekwivalenti għall-O Levels Brittanniċi) maqsumin skont is-sess; b) kemm kien hemm studenti li fis-sena skolastika 2008-2009 temmew il-Form 5 maqsumin skont is-sess; ċ) kemm kien hemm studenti li fis-sena skolastika 2010-2011 irrepetew l-ewwel sena tal-kors tagħhom f'waħda mill-istituzzjonjiet edukattivi post-sekondarji maqsumin skont kull istituzzjoni edukattiva post-sekondarja; d) kemm kien hemm studenti li fit-tmiem tas-sena skolastika 2010-2011 qagħdu għall-eżamijiet tal-Matsec, maqsumin skont is-sess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università/MCAST/ITS — studenti fil-korsijiet

Question

B'referenza għall-Università, l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi, tista' l-Ministru tindika: a) in-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel sena tal-kors tagħhom fis-sena edukattiva 2010/2011 maqsumin skont is-sess u l-istituzzjoni edukattiva; b) in-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel sena tal-kors tagħhom fis-sena edukattiva 2011/2012 maqsumin skont is-sess u l-istituzzjoni edukattiva; ċ) in-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel sena tal-kors tagħhom fis-sena edukattiva 2010/2011 imma li rriżenjaw/telqu/abbandunaw il-kors tagħhom u dawn maqsumin skont is-sess u l-istituzzjoni edukattiva; u d) in-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel sena tal-kors tagħhom fis-sena edukattiva 2011/2012 imma li rriżenjaw/telqu/abbandunaw il-kors tagħhom u dawn maqsumin skont is-sess u l-istituzzjoni edukattiva?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li daħlu għall-korsijiet edukattivi

Question

B'referenza għal kull istituzzjoni post-sekondarja, tista' l-Ministru tindika: a) in-numru ta' studenti li daħlu għall-ewwel sena tal-kors tagħhom fis-sena edukattiva 2011/2012 maqsumin skont is-sess u l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja; u b) in-numru ta' studenti li sal-1 ta' Diċembru, 2011 irriżenjaw/telqu/abbandunaw il-kors tagħhom u dawn maqsumin skont is-sess u l-istituzzjoni edukattiva post-sekondarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li rriżenjaw minn istituzzjoni u rreġistraw għal oħra

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30825, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm kienu l-istudenti li rriżenjaw minn istituzzjoni biex irreġistraw f'istituzzjoni edukattiva oħra jekk wieħed jieħu s-sena edukattiva kurrenti? Minn liema istituzzjoni għal liema istituzzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-istituzzjonijiet m’għandhomx aċċess għal informazzjoni dwar l-għażliet tal-istudenti wara li jkunu rreżenjaw minn xi kors. L-istudenti li jirriżenjaw ma jagħtux informazzjoni dwar l-għażliet tagħhom.

MCAST — Canteen - prezzijiet

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra x'qed isir biex jiġi assigurat li l-prezzijiet li bihom jinbiegħu prodotti bażiċi fil-canteen tal-MCAST ikunu raġjonevoli u ġusti? Jekk wieħed iqis li flixkun Coca jiswa €1.50, flixkun ilma jisma €0.80, doughnut tiswa €1.20, ħobża tiswa €2.00, ċikkulata Bounty tiswa €0.70 fost oħrajn, ma taħsibx li l-prezzijiet għandhom ikunu aktar affordabbli għall-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-prezzijiet tal-ikel offrut mill-canteen tal-MCAST kienu stabbiliti fid-dokument tat-tender għall-għoti ta’ dan is-servizz. Skont l-istess speċifikazzjonijiet ta’ dan it-tender, kull tibdil f’dawn il-prezzijiet irid isir bl-approvazzjoni tal-MCAST. Għaldaqstant l-MCAST sejra tinvestiga l-informazzjoni mogħtija f’din il-mistoqsija biex tara jekk kienx hemm tibdil fil-prezzijiet li ma kienx awtorizzat.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — Affiljazzjoni mal-BICS

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed tiswa lill-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’termini finanzjarji l-affiljazzjoni mal-British Institute of Cleaning Science (BICS)? Kemm hemm lecturers involuti f’din l-affiljazzjoni? Dawn jitħallsu separatament għal dan ix-xogħol? Kemm kien hemm safriet marbuta ma' din l-affiljazzjoni minn staff tal-ITS? Meta saru s-safriet, kemm kien hemm lecturers li siefru u x'kien l-iskop tas-safar? X’benefiċċju qed jieħu l-Istitut u l-istudenti minn din l-affiljazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — Laboratorju tal-Cleaning Sciences

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sewa flus biex isir il-Laboratorju tal-Cleaning Sciences, fil-kumpless Martin Luther King, Pembroke, tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta nfetaħ? Kif qed jiġi utilizzat bħalissa? Hemm xi ħsieb li dan jiġi estiż jew isir xi investiment fih? Jekk iva, x'inhu l-pjan? X’benfiċċji qed jieħdu minnu l-istudenti u l-istaff akkademiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Laboratorju tal-Cleaning Sciences ġie jiswa €5743.74. Infetaħ fl-2009. Bħalissa qed jiġi utilizzat għal taħriġ ta’ studenti fil-qasam tat-tindif. Ma hemm l-ebda ħsieb għal aktar investiment. L-istaff akkademiku għandu faċilitajiet adattati għat-taħriġ tal-istudenti. Il-benefiċċji għall-istudenti huma li jistgħu jiġu mħarrġa b’faċilitajiet u sistemi adattati u f’ambjent li huwa bla periklu u attrezzat.

Kalendarju Akkademiku

Question

Tista’ l-Ministru tippubblika kopja tal-Kalendarju Akkademiku li tqassam lill-istaff akkademiku u lill-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-bidu tas-sena akkademika 2011/2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li daħlu fl-iskejjel post-sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra minn liema skejjel (gentilment tindika l-isem ta' kull skola u n-numru ta' studenti relattivi, bis-sess) kienu ġejjin dawk l-istudenti li fis-sena akkademika attwali daħlu: 1) il-Junior College 2) Higher Secondary 3) Skejjel ta' Edukazzjoni Post-Sekondarja tal-Knisja, skola, skola 4) l-Iskola Post-Sekondarja (Sixth Form) t'Ghawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-Direttorat tal-Kwalità u Standards ma jiġborx informazzjoni dwar skejjel ta' Edukazzjoni Post-sekondarja tal-Knisja.