B'referenza għall-parent rate ta' taxxa li ġiet imħabbra fl-aħħar Budget, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri li jistgħu jibbenefikaw minn tali rata jkoprux:
a)
single parents
; u
b) ġenituri li jgħixu flimkien, imma mhux miżżewġin?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-parent rate imħabbra fl-aħħar budget tapplika għal kull ġenitur li jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin, irrispettivament mill-istat ċivili; jiġifieri
1. trid tkun qed tmanti wild taħt il-kustodja tagħha jew tkun qed tħallas manteniment (stabbilit jew awtorizzat mill-qrati) għar-rigward ta’ wild tagħha;
2. dan il-wild ma jkunx għalaq it-18-il sena, jew ma jkunx għalaq 21 sena jekk jirċievi tagħlim full-time fi stabbiliment edukattiv ta’ livell terzjarju; u
3. il-wild ma kellux dħul minn attivita bi qligħ.
Lotteries and Gaming Authority — salarji, kundizzjonijiet u benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju u l-kundizzjonijiet, benefiċċji eċċ. taċ-Chief Executive Officer, tad-Direttur tal-Human Resources, tad-Direttur tal-iStrategy and Planning u tad-Direttur tal-Corporate tal-Lotteries and Gaming Authority?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
ITS — lecture dwar metodi ta' riċerka lill-istudenti
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif intgħażlet il-persuna minn barra l-Istitut għall-Istudji Turistiċi biex tagħti lecture dwar metodi ta' riċerka lill-istudenti nhar il-15 ta' Diċembru 2011? Xi kwalifiċi fil-qasam tar-riċerka akkademika għandha din il-persuna? Liema kriterji intużaw fl-għażla tal-persuna? Tħallset din il-persuna? Jekk iva, kemm kienet ir-rata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna minn barra l-Istitut għall-Istudji Turistiċi li ġiet magħżula biex tagħti lecture dwar metodi ta' riċerka lill-istudenti nhar il-15 ta' Diċembru 2011 intgħażlet a bażi tal-esperjenza vasta fir-riċerka li għandha. Din il-persuna għandha PHD, Masters u Baċellerat. Tħallset bir-rata ta’ €23.30 is-siegħa.
ITS — laqgħat tal-European Association of Hotel and Tourism School
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi attendew għal laqgħat uffiċjali tal-European Association of Hotel and Tourism School, li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi huwa membru tiegħu, matul l-2009, l-2010 u l-2011? Kemm kien hemm stediniet uffiċjali u kemm fil-fatt kien hemm rappreżentanza mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X'kien l-iskop ta' kull parteċipazzjoni barra minn Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ uffiċjali tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li attendew għal laqgħat uffiċjali tal-European Association of Hotel and Tourism School, li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi huwa membru tiegħu, matul l-2009, l-2010 u l-2011 kienu ta’ wieħed għal kull sena. Kien hemm stedina uffiċjali. L-iskop ewlieni kien biex ikun hemm representanza fuq il-bord eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi li talbu transfer matul l-2010 u l-2011? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa? Fejn ġew trasferiti dawn l-impjegati? Il-post vakanti tagħhom ġie mimli minn persuni oħra? Jekk iva, b'liema proċess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ impjegati mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi li talbu transfer matul l-2010 u l-2011 huwa sebgħa. Kollha ġew milqugħa. Tlieta minnhom ġew trasferiti mad-DCS MEDE, wieħed mal-MTA, tnejn fi skejjel sekondarji u wieħed mal-Library Services, San Ġiljan. Il-post vakanti tagħhom sa issa ma ġiex mimli minn persuni oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudju Turistiċi ngħataw transfer lejn dipartimenti/entitjiet oħra pubbliċi matul l-2010 u l-2011 minħabba esiġenzi tas-servizz? Fejn ġew trasferiti dawn l-impjegati? Il-post vakanti tagħhom ġie mimli minn persuna oħra? Jekk iva, b'liema proċess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ebda mpjegat mhux akkademiku ma ġie trasferit minġhajr ma kien hemm talba min naħa tiegħu/tagħha.
Istitut għall-Istudji Turistiċi — ħlas ta' overtime lil-lecturers
Question
Tista’ l-Ministru tagħti l-figuri ta’ kemm tħallas overtime lil-lecturers tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi bejn Settembru u Diċembru tas-snin 2009, 2010 u 2011? Tista’ tifred is-somma bejn l-overtime imħallas lil-lecturers tas-sezzjoni tal-food & beverage u d-dipartiment tal-management għal kull perjodu mitlub? Tista’ tgħid kemm hi r-rata tal-ħlas tal-overtime u x’inhi l-proċedura biex dan jiġi approvat u mħallas lill-impjegati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Istitut għall-Istudji Turistiċi — ħas ta' overtime lill-istaff
Question
Tista’ l-Ministru tagħti l-figuri ta' kemm sar overtime minn staff mhux akkademiku fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi xahar b'xahar bejn Jannar u Diċembru 2011? Tista’ tgħid kemm hi r-rata tal-ħlas tal-overtime u x’inhi l-proċedura biex dan jiġi approvat u mħallas lill-impjegati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm cameras tas-sigurtà tas-CCTV stallati fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? B’liema proċedura ġew akkwistati? Meta? Kemm swew flus? X’inhuma l-ispejjeż biex jinżammu? Fejn jinsabu l-monitors li juru dak li jkunu qed jaraw il-cameras?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ġewwa l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi hemm 41 camera ġo żewġ campuses li nxtraw ftit ftit matul is-snin (2008-2011), skont il-ħtieġa tal-Istitut. Dawn il-cameras inxtraw wara li kienu inġabu stimi skont il-proċeduri governattivi.
Tul dawn is-snin, dawn il-cameras swew is-somma ta’ €14,568.79 biex inxtraw u ispejjez ta’ manutenzjoni.
F’Settembru 2011, il-
monitors
li juru dak li jkunu qed jaraw il-
cameras
tneħħew mill-uffiċċju tal-Kap tal-Amministrazzjoni u tpoġġew fil-
main
guard
room
u fis-sezzjoni tas-
security
ġewwa l-istess istitut.
Istitut għall-Istudji Turistiċi — studenti li rriżenjaw
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm irriżenjaw studenti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi sal-aħħar ta’ Diċembru 2011? F’liema kors kienu? Kemm minn dawn kienu student ġodda li daħlu l-ITS fis-sena akkademika 2011/2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jippreżenta quddiem il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih il-klabb tal-boċċi ta' Wied il-Għajn ingħata art/kamra u pitch tal-boċċi fil-ġnien ta' taħt il-Knisja ta' Wied il-Għajn?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pitch tal-Boċċi u l-Clubhouse li hemm fil-ġnien ta’ taħt il-Knisja ta’ Wied il-Għajn huwa wieħed mill-proprjetajiet assenjati skont l-Artikolu 16 tal-Ewwel Skeda annessa mall-Att dwar l-Isport (Kapitlu 455) tal-Liġijiet ta’ Malta. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li permezz tiegħu l-art fejn hemm il-Pitch tal-Boċċi u il-Clubhouse, ġew mogħtija b’enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ disgħa u erbgħin (49) sena lill-Marsascala Boċċi Cub skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-istess kuntratt.
Attachments:PQ 528 Papers Laid (2).pdf528 papers laid.pdf
Marsascala Football Club — art mgħoddija mingħand il-gvern
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba li għamel il-Kunsill Malti għall-Isport biex id-dipartiment tal-gvern konċernat jgħaddi biċċa art biex tkun tista' tintuża bħala training ground għall-Marsascala Football Club?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, għandu biss talba għall-informazzjoni mill-Kunsill Malti Sport dwar l-art in kwistjoni iżda m’għandu l-ebda talba uffiċjali mill-istess Kunsill sabiex tingħata din l-art biex tkun tista' tintuża bħala training ground għall-Marsascala Football Club.
Intant fit-2 ta’ Jannar, 2011, id-Dipartiment tah l-informazzjoni mitluba lill-Kunsill Malti għall-Isport.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra kemm-il referral sar lill-counsellors (mhux guidance teachers) fl-iskejjel sekondarji u l-bqija tal-iskejjel li jifformaw il-Kulleġġi skola, skola u kemm sessions saru mill-counsellors fuq kull referral? In oltre, kemm hemm studenti fil-waiting list tas-servizz tal-psikologi fl-iskejjel sekondarji u l-bqija tal-iskejjel li jifformaw il-Kulleġġi skola, skola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għad-deċiżjoni li ħa l-Gvern ftit tax-xhur ilu li jieħu lura l-pussess tal-market stalls ossija garaxxijiet li kienu jinsabu f'Cospicua Wharf, Bormla għall-interess pubbliku, jista' l-Ministru jgħid x'kumpens se jagħti lill-kerrejja li kienu jgawdu minn titolu ta' kera fuq dawn il-market stalls ossija garaxxijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-kirjiet tal-market stalls li kienu jintużaw bħala garaxxijiet ġewwa Cospicua Wharf, ġew milquta mill-proġett li qiegħed isir fl-inħawi. Il-kirjiet ta’ dawn il-postijiet kienu għall-perjodu ta’ kera minn sitt xhur għal sitt xhur u għaldaqstant, m’hemm l-ebda kumpens dovut.
Wied il-Għajn — il-Magħluq - investigazzjoni dwar żbroff ta' drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk minn investigazzjonijiet li setgħu saru mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jirriżultax li hemm outflows ta' drenaġġ minn ċerti entitajiet li qegħdin qrib il-Magħluq f'Wied il-Għajn għal ġol-ilma salmastru tal-Magħluq stess? Saret determinazzjoni tagħhom mill-awtorità?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA m'għandha l-ebda lment dwar xi żbroff ta' drenaġġ fil-magħluq ta' Marsascala, u għalhekk ma saret l-ebda investigazzjoni. Iż-żamm ta' nformazzjoni fuq is-sistema ta' drenaġġ jinżamm mill-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk jafx li l-Forti Sant' Anġlu, jew għallinqas parti minnu, skont ma ġie rapportat fil-ġurnali lokali, qed jiġi reklamat li jinbiegħ bil-prezz ta' €9.5 miljun? Jekk jaf b'dan il-fatt, jista' jinforma lill-Kamra b'dak li jaf fuq din il-kwestjoni? Jista' wieħed jaċċetta li ġojjel jew parti minn ġojjel nazzjonali bħal dan jiġi mqiegħed għall-bejgħ lill-privat, meta qed isiru dawn l-isforzi kollha biex il-wirt nazzjonali jiġi protett u mtejjeb?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti t’isfel tal-Forti Sant’Anġlu huwa mogħti b’konċessjoni emfitewtika għall-perjodu ta’ 99 sena. Skont it-termini tal-kuntratt, iċ-ċenswalist jista’ jittrasferixxi il-konċessjoni emfitewtika tal-perjodu rimanenti, kollha jew in parti, lil terzi persuni.
Wara l-pronunzjament tal-Qorti tal-Appell fil-kawża li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fejn ġie deċiż fost affarijiet oħra li l-Prim Ministru għandu d-dmir li jimplimenta r-rakkmandazzjoni tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jagħmel fuq is-sentenzi l-oħra tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji li għadhom ma ġewx implimentati minħabba li kien jingħad lil min fetaħ il-kawża li l-Prim Ministru ma kellux id-dmir li jimplimenta r-rakkmandazzjoni tat-Tribunal għax kien ħaddieħor li kellu dan id-dmir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-każ li semma l-Onor. Interpellant għadu ma ġiex konkluż mill-istadji kollha u għaldaqstant deċiżjoni f’dan il-waqt tkun prematura.
Persuni li jbatu mill-Polymyalgia Rheumatica — pilloli Lyrica
Question
Peress li persuni li jbatu minn Polymyalgia Rheumatica jkollhom jieħdu pilloli bħal Lyrica li waħedha tiswa €117 fix-xahar, apparti mediċini oħrajn li jkunu jeħtieġu jieħdu, peress li dawn il-mediċini jistgħu jiswew mal-€150 fix-xahar u partikolarment għall-pensjonanti dan l-ammont ħafna drabi jirrappreżenta parti sostanzjali mill-pensjoni tagħhom minħabba li dawn il-mediċini mhumiex fuq il-karta r-roza, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna s-sofferenti tal-Polymyalgia Rheumatica għandhom drtitt għaliha biex jittaffilhom dan il-piż finanzjarju akut?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mediċini li huma fil-Formularju tal-Gvern u li ma jittieħdux bil-kartuna r-roża, jistgħu jittieħdu fuq il-kartuna s-safra jekk il-kundizzjoni li jkollhom taqa’ taħt l-Att tas-Sigurta’ Soċjali. Polymyalgia Rheumatica mhux waħda mill-kundizzjoniet kroniċi mniżżla fl-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Artiklu 23.
Wied il-Għajn — kumpens lir-residenti talli joqogħdu qrib l-impjant tar-riċiklaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta r-residenti ta' Wied il-Għajn li jgħixu qrib l-impjant tar-riċiklaġġ se jibdew igawdu minn roħs/ażżerament fil-kont tad-dawl tagħhom kif imwiegħed minnu u mill-Prim Ministru, in vista tal-possibbilità ta' forniment ta' dawl mis-sistema ta' Waste to Energy li suppost jipprovdi l-impjant ta' riċiklaġġ? Kemm se jkun ir-roħs u kemm djar se jgawdu? Liema huma d-djar li se jgawdu? Meta se tidħol fis-seħħ din il-wegħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif ħabbarna fix-xhur li għaddew, il-Gvern diġa qal li r-residenti li joqgħdu qrib l-impjant ta’ Sant’ Antnin se jgawdu minn roħs fil-kontijiet tal-elettriku. Aktar dettalji jingħataw fi żmien qasir.
B'referenza għall-bini ta' family park f'Wied il-Għajn, jista' l-Ministru jghid:
a) kemm tlesta minn dan il-proġett;
b) x'jonqos biex jintemm il-bini tal-proġett kollu u meta hu mistenni li jiġi inawgurat il-family park;
c) Kemm intnefqu flus s'issa u fiex; u
d) x'inhi l-istruttura fiżika li tixbaħ lill-pont li nbniet biswit l-impjant tar-riċiklaġġ, x'inhi l-funzjoni tagħha u kemm swiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.