Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel tal-Gvern - Counsellors impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm warranted counsellors impjegati full-time fl-iskejjel tal-gvern, maqsuma skola skola? Fejn m’hemmx counsellors impjegati full-time fl-istess skola, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa jkun hemm servizz ta’ counselling minn warranted counsellors f’dawn l-iskejjel, maqsuma skola skola, u għal kemm sigħat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dan is-servizz iħaddan disa’ (9) Principal Education Support Practitioners (Counsellor), sitta (6) Senior Education Support Practitioners (Counsellor), ħamsa (5) Senior Education Support Practitioners (Psychoterapists) u tlieta (3) Psikoterapisti (on teaching conditions). Is-servizz offrut mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Isport, jiġi kkumplimentat bis-servizz tal-Blossom, servizz offrut minn the Malta Trust Foundation. Is-servizz tal-Counselling u Psikoterapisti huwa preżenti f’kull kulleġġ u t-tqassim tas-servizz ivarja minn skola għal skola u jiġi bbażat fuq sistema ta’ triaging li jsir mill-Principal Education Support Practitioners.

Ir-Rabat, Għawdex – Transport Malta – Tiġdid tal-permessi tal-vetturi bil-Y-plates

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex l-uffiċċju ta’ Transport Malta fir-Rabat, Għawdex, m’għandux aċċess għas-sistema online meħtieġa għat-tiġdid tal-permessi tal-vetturi bil-Y-plates, bil-konsegwenza li l-operaturi Għawdxin spiss ikollhom jivvjaġġaw lejn Malta sabiex iġeddu dawn il-permessi? Jista’ wkoll jindika x’miżuri se jittieħdu, u sa meta, sabiex dan is-servizz ikun jista’ jingħata wkoll minn Għawdex?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-operaturi Għawdxin jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet u d-dokumentazzjoni meħtieġa fl-uffiċċju tal-Awtorità f’Għawdex, wara li jkunu niżżlu l-applikazzjonijiet u l-formoli meħtieġa mis-sit eletroniku ta’ Transport Malta, fejn hemm indirizz elettroniku dedikat għall-operaturi kollha. Minħabba l-ħtieġa ta’ verifiki u spezzjonijiet fosthom ta’ garaxxjar, l-evalwazzjoni u l-approvazzjoni jsiru mill-uffiċċju ċentrali biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti legali kollha.

Ġnien il-Ħaddiem, Ġnien Ċensu Xiberras u Ġnien il-Maġistrat Salvu Attard – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol fuq proġetti ta’ restawr u tisbiħ ta’ Ġnien il-Ħaddiem fix-Xewkija, Ġnien Ċensu Xiberras f’Ta’ Kerċem u Ġnien il-Maġistrat Salvu Attard fil-Qala?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Ġnien il-Ħaddiem u fi Ġnien Ċensu Xiberras bdew. F’dak li għandu x’jaqsam mal-proġett ta’ restawr u tisbiħ ta’ Ġnien il-Maġistrat Salvu Attard, bħalissa għaddej l-proċess biex tiġi ppreparata s-sejħa għall-offerti.

Il-Qala – Triq ġdida li tgħaqqad Triq il-Wardija ma’ Triq it-Tletin t’Ottubru 1948

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda jingħata t-tarmac fit-triq il-ġdida li tgħaqqad Triq il-Wardija ma’ Triq it-Tletin t’Ottubru 1948 ġewwa l-Qala, peress li r-residenti ta’ din it-triq ilhom sentejn jistennew li jsiru x-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma jingħata t-tarmac, jeħtieġ li jitwettqu xogħlijiet infrastrutturali minn entitajiet oħra. Il-Ministeru għal Għawdex jinsab f’kuntatt kontinwu mal-entitajiet konċernati sabiex ix-xogħlijiet meħtieġa jitwettqu u, sussegwentement, ikun jista’ jingħata t-tarmac.

Childcare Centres - POMA Clearance

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2101 u jgħid kemm huwa ż-żmien ta’ stennija li l-operaturi taċ-Childcare Centres idumu biex jirċievu risposta dwar Protection of Minors Applications (POMA) clearance rigward persuni li jixtiequ jimpjegaw? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qegħdin jittieħdu biex l-imsemmija operaturi jingħataw risposta mill-aktar fis possibbli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-proċedura hija stabbilita fl-artikolu 4 (1) et sequitur tal-Kapitolu 518 tal-Ligijiet ta’ Malta. Illi meta jiġi preżentat ir-rikors fir-Reġistru tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni Volontarja), dan, jgħaddi għand l-Imħallef sabiex jingħata digriet.  Id-digriet flimkien mal-kopja tar-rikors, jintbagħat lill-Avukat Ġenerali li jkollu sebat ijiem sabiex jirrispondi.  Sussegwentement issir ir-riċerka fir-Reġistru tal-Persuni misjuba ħatja u li l-Qorti tkun ordnat li isimhom jitniżżel fl-imsemmi reġistru.  Kif titlesta r-riċerka, il-proċess jiġi kollazzjonat u mgħoddi lil imħallef għad-digriet finali.   B’kollox, din il-proċedura tieħu bejn tlieta u erba’ ġimgħat. Il-proċess huwa regolat bil-liġi u hemm termini li jridu jiġu osservati.  Madankollu l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati tagħmel minn kollox sabiex il-proċess ikun spedit.

Klabb 3-16 u Skolasajf - Carers u tutors - Kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li rriżultaw li kienu qed jagħmlu xogħol ta’ carers u tutors fi Klabb 3-16 u Skolasajf li ma kellhomx iċ-ċertifikati u esperjenzi jew warrant neċessarji biex ikunu impjegati mat-tfal? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu rigward ta' dawn il-persuni u jekk dawn il-persuni ntalbux jippreżentaw id-dokumenti li kienu neqsin u jekk intalbux jagħmlu xi tip ta’ taħriġ? Jekk iva, fiex jikkonsisti tali taħriġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li Klabb 3-16 u Skolasajf jimpjegaw persuni f’diversi rwoli, fosthom homework tutors (fil-każ ta’ Klabb 3-16), playworkers u child support workers. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà huma stabbiliti skont ir-rwol. Homework tutors iridu jkunu għalliema fil-pussess ta’ warrant validu. Playworkers huma meħtieġa jkollhom kwalifika ta’ MQF Livell 3, filwaqt li child support workers iridu jkollhom kwalifika ta’ MQF Livell 4. (Matul il-programm Skolasajf ma jiġix offrut ir-rwol ta’ homework tutor.) Barra minn hekk, kull playworker u child support worker li jibda jaħdem mal-entità u li ma jkollux sfond fil-pedagoġija huwa obbligat jattendi taħriġ preparatorju ta’ disa’ sigħat, organizzat f’kollaborazzjoni mal-Institute for Education (IfE). Dan it-taħriġ jindirizza temi ewlenin bħall-immaniġġjar tal-gruppi, l-inklużjoni, il-ħidma ma’ tfal b’bżonnijiet edukattivi differenti, l-imġiba pożittiva, id-diversità u s-salvagwardja tat-tfal. Kull persuna li tiġi ingaġġata tkun meħtieġa tippreżenta d-dokumentazzjoni relevanti sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tagħha skont il-kriterji stabbiliti għar-rwol rispettiv qabel tibda taqdi d-dmirijiet tagħha.

Childcare Centres - POMA Clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa ż-żmien ta’ stennija li l-operaturi taċ-Childcare Centres idumu biex jirċievu risposta dwar Protection of Minors Applications (POMA) clearance rigward persuni li jixtiequ jimpjegaw? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qegħdin jittieħdu biex l-imsemmija operaturi jingħataw risposta mill-aktar fis possibbli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tinghata f’seduta ohra.

Skart domestiku – Infurzar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed isir infurzar fuq min joħroġ skart domestiku mhux skont l-iskeda kif ukoll lil min mhux qed jissepara l-iskart? Jekk iva, tista' l-Ministru tagħti ċifri ta' kemm inġabru multi mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta' Ġunju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kontinwament twettaq eżerċizzji ta’ monitoraġġ u nfurzar madwar il-gżejjer Maltin kemm rigward min joħroġ skart mhux skont l-Iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart kif ukoll fuq min joħroġ l-iskart mingħajr ma jisseparah. Infurmata li minn Jannar 2026 sa Ġunju 2026, l-Awtorità ħarġet 437 multa fuq skart maħruġ mhux skont l-iskeda ta’ ġbir ta’ skart. Ta’ min ifakkar li l-infurzar rigward taħlit ta’ skart fil-boroż huwa suġġett għall-Ittra ta’ Twissija bħala l-ewwel azzjoni ta’ nfurzar, imbgħad multa li l-ammont tagħha jiddependi minn jekk l-iskart oriġinax minn stabbiliment kummerċjali jew sors domestiku. F’dan ir-rigward sal-aħħar ta’ April 2026 inħarġu 357 ittrra ta’ Twissija, u nħarġu 4 multi fuq persuni li nqabdu iktar minn darba jħalltu l-iskart. Dawn il-figuri jappartjenu għall-ERA biss.

Noise pollution – Regolamenti/liġijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux regolamenti u/jew liġijiet li jirregolaw "noise pollution" kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar? Jekk iva, tista’ tgħid min hu responsabbli li jinforza dawn ir-regolamenti u/jew liġijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istorbju huwa regolat minn diversi liġijiet u regolamenti separati, u l-awtoritajiet responsabbli mill-infurzar jiddependu mis-sors tal-ħoss. Skont in-natura tal-attività, ir-responsabbiltà tista' taqa' taħt entitajiet differenti. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hija responsabbli mill-impatt tal-istorbju fuq l-ambjent, u dan speċifikament għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Valutazzjoni u l-Maniġġar ta' Ħsejjes fl-Ambjent (L.S. 549.37). L-obbligu prinċipali ta' dawn ir-regolamenti huwa li permezz ta’ modelling ta’ sorsi speċifiċi bħal pereżempju t-toroq; l-ERA tħejji mapep strateġiċi tal-ħoss u Pjanijiet ta' Azzjoni. F'ċerti każijiet speċifiċi, bħal f'żoni ambjentalment sensittivi jew fejn tirregola industriji kbar, l-ERA ġieli timponi kundizzjonijiet relatati mal-istorbju ambjentali. Storbju ta' inkonvenjent li jkun ġej minn sorsi bħal storbju mill-ġirien u storbju f'postijiet residenzjali, ħsejjes f'postijiet tax-xogħol, siti ta' kostruzzjoni jew attivitajiet ta' divertiment, u aspetti li jaffettaw is-saħħa pubblika, jaqgħu taħt il-kompetenza ta' Awtoritajiet kompetenti oħrajn.

Persuni taħt it-tmintax-il sena reġistrati stateless

Question

Jista’ l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta’ kemm kien hawn persuni taħt it-tmintax-il sena li kienu reġistrati stateless sal-aħħar tas-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li mis-sena 2013 sallum kien hemm 42 persuna li fl-applikazzjoni taċ-ċittadinanza tagħhom iddikjaraw li huma stateless.  Minn dawn 40 persuna kienu taħt it-18 -il sena u 2 kienu adulti.

Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali – Rapporti annwali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi r-rapport annwali tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-snin 2024 u 2025 u jqiegħed kopja tal-istess rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li l-Kumissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżordni Mentali se jgħaddili r-rapport annwali ta’ ħidma ta’ l-uffiċju tiegħu għas-sena 2024 fi żmien ħmistax oħra. Ix-xogħol fuq ir-rapport ta’ ħidma għas-sena 2025 għadu għaddej minħabba analiżi tad-data tal-pazjenti kollha li rċievew il-kura b’mod involuntarju.