Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #4523 Sitting 110 2009-05-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — nefqa f'safar

Question

Jista' l-Prim Minstru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4012, 3687, 3139 u 2524 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali/ċifra ta' flus tas-safar governattiv barra mill-Unjoni Ewropea rispettivament minn Jannar sa Settembru 2008? Mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm kienet fil-fatt iċ-ċifra globali tas-safar fl-Unjoni Ewropea għall-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 4761.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kummissjonijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kummissjonijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħi li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu huma kif ġej: Il-Kummissjoni Ċinematografika ta’ Malta; Il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust. Il-Kummissjonijiet li ma ltaqgħux kienu: Il-Kummissjoni Speċjali dwar it-Taxxa tal-Mewt u tad-Donazzjoni; Il-Kummissjoni Speċjali dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti; It-Tieni Kummissjoni Speċjali dwar it-Taxxa tad-Dħul.

Mtafa Bypass — Tarmac Cracks

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li saru fuq l-Imtarfa bypass, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7500, 6924, 6619, 6206, 6120, 5616 u 5219 u jispjega kif f'diversi partijiet fuq iż-żewġ naħat tal-bypass hemm tarmac cracks fil-wiċċ tat-triq? Jista' jara li ssir inkjesta serja sabiex tiġi stabbilita eżatt in-natura li qed tikkawża dawn it-tarmac cracks? Jekk fl-affermattiv meta ser isir dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

laħam tal-majjal — produzzjoni attwala

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hija l-produzzjoni attwali tal-laħam tal-majjal f'Malta u Għawdex fil-mument separatament? Jista' jipprovdi l-istess dettal sena b'sena mill-2003 'il quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jindika għal liema perjodu qed jagħmel il-mistoqsija tiegħu.

laħam tat-tjur tas-simna — produzzjoni attwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hija l-produzzjoni attwali tal-laħam tat-tjur tas-simna f'Malta u Għawdex fil-mument separatament? Jista' jipprovdi l-istess dettal sena b'sena mill-2003 'il quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jindika għal liema perjodu qed jagħmel il-mistoqsija tiegħu.

ħalib frisk — produzzjoni attwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hija l-produzzjoni attwali tal-ħalib frisk f'Malta u Għawdex fil-mument separatament? Jista' jipprovdi l-istess dettal sena b'sena mill-2003 'il quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta li ngħatat għal-mistoqsija nru 2546.

bajd frisk — produzzjoni attwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hija l-produzzjoni attwali tal-bajd frisk f'Malta u Għawdex fil-mument separatament? Jista' jipprovdi l-istess dettal sena b'sena mill-2003 'il quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jindika għal liema perjodu qed jagħmel il-mistoqsija tiegħu.

ċanga friska — produzzjoni attwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li hija l-produzzjoni attwali tal-ċanga friska f'Malta u Għawdex fil-mument separatament? Jista' jipprovdi l-istess dettal sena b'sena mill-2003 'il quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob l-Onor Membru biex jindika għal liema perjodu qed jagħmel il-mistoqsija tiegħu.
Leg 11 PQ #7724 Sitting 109 2009-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Mtaħleb — Ċentru tal-korezzjoni SATU - nies li qed jissoktaw sentenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' Maltin li qed jissoktaw sentenza fiċ-Ċentru ta' Korrezzjoni, is-SATU, fl-Imtaħleb fil-mument? Jista' ukoll jaġġornana dwar in-numru ta' ċittadini esteri rispettivament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sat-3 ta' April 2009, in-numru ta' Maltin li qed jiskontaw sentenza fiċ-Ċentru ta' Korrezzjoni SATU huwa 17. Infurmat ukoll li preżentement ma hemm l-ebda priġunier ta' nazzjonalita` oħra f'dan iċ-ċentru.
Leg 11 PQ #7729 Sitting 109 2009-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Awtorità tad-Djar — bejgħ t'appartamenti, djar, maisonets u garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru t'applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorità tad-Djar abbażi tal-iskemi tagħha għall-bejgħ t'appartamenti/djar/maisonets/garaxxijiet eċċ. matul l-2008 rispettivament? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew: a) aċċettati? b) rifjutati? ċ) akkomodati? d) mhux akkomodati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lilll-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2008, l-Awtorita’ tad-Djar kellha Ħarga Numru 74 tal-postijiet għall-bejgħ. Għal dawn il-postijiet kien hemm 129 applikazzjoni. Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar tinsab fil-proċess li talloka dawn il-postijiet.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Nefqa globali fuq Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-hospitality tal-Ministeru, dipartimenti u dekasteri li jaqgħu taħtu matul l-2008 rispettivament?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #7701 Sitting 108 2009-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proċedura biex kumpannija tnaqqas il-ġimgħa tax-xogħol

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7383, jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta’ meta saru l-applikazzjonijiet in kwestjoni u meta saru l-investigazzjonijiet kif ukoll meta nħarġu l-approvazzjonijiet in kwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Kif diġa ġie spjegat fir-risposta għall-Mistoqsija parlamentari 7383, kull talba lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg tista’ tkun approvata għal perjodu ta’ mhux aktar minn erba’ ġimgħat u jekk, fi tmiem dak il-perjodu, il-kumpanija titlob mill-ġdid dan il-permess terġa’ ssir verifika tas-sitwazzjoni mill-uffiċjali tad-Dipartiment. It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7488u cioe : B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 3996 jista' jipprovdi l-informazzjoni għas-sena 2008?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7489, 3992 u 3681 u jgħarrafni mill-2004 sal-lum kemm-il direct order ingħatat mill-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura u dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru? Lil min ħarġu dawn id-direct orders u kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7721 Sitting 108 2009-05-11 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Minisitru — Direct orders

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7490 u 3993 u jgħarrafni mill-2004 sal-lum kemm-il direct order ingħatat mill-Ministeru responsabbli għalih u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Lil min ħarġu dawn id-direct orders u kemm kien l-ammont f'ċifra ta' flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #7722 Sitting 108 2009-05-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ħaddiema li rrapportaw li kellhom inċident fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2008, kemm kien in-numru ta' ħaddiema li rrapportaw li kellhom inċidenti fuq il-post tax-xogħol f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li din l-istatistika ma tinġabarx u ma tinżammx mill-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, għalhekk nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.