Rabat u Mosta — Wied il-Qlejjgħa - tħammil ta' wied
Question
Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied il-Qlejjgħa fil-limiti tar-Rabat u Mosta matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37415.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36723 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru, dekasteri, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36726 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Direct Order
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36724, jista' jagħti l-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti mogħtija dwar l-istess suġġett fil-Mistoqsijiet Parlamentari numru 23470 - Direct Orders 2010; 30122 - Direct Orders 2011; 36724 - Direct Orders 2012.
B'referenza għat-task force u għad ta' ilmenti/inċidenti kawżati mill-bendy buses fit-toroq lokali kif ukoll għal fatt li numru ta' kunsilli f'Malta huma tal-opinjoni li aħjar jitneħħew, jista' l-Prim Ministru jinforma jekk sarx xi rapport f'dan ir-rigward tal-istudju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jibqa’ dejjem impenjat li jara li s-servizz li tipprovdi l-kumpanija Arriva jibqa’ dejjem jitjieb. Għalhekk isiru diskussjonijiet minn żmien għal żmien bejn iż-żewġ partijiet sabiex naraw fejn jistgħu jsiru miljoramenti.
Madankollu mill-informazzjoni li għandi ma jirriżultax li sar xi rapport partikulari dwar il-Bendy Buses.
Jista' l-Ministru jinforma x'passi ħa biex il-persuni għomja ma jkomplux isibu diffikultajiet meta jużaw is-sistema tat-touch screen tal-ATM?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-ONorevoli Interpellant li bil-għan li l-persuni b’nuqqas ta’ dawl ikunu aġġornati bl-aħħar żviluppi li jikkonċernaw lilhom, inkluż żviluppi teknoloġiċi, fl-2001 l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) u l-MITA waqqfu l-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tal-Informatika (FITA). Flimkien mal-FITA, il-KNPD tagħmel pressjoni kontinwa sabiex setturi li jipprovdu s-servizzi jkunu aċċessibbli għal kulħadd, speċjalment għall-persuni b'diżabilità. U dawn jinkludu l-użu ta' apparat elettroniku bħalma huma l-ATMs.
Barra minn dan il-FITA tagħti servizz kontinwu ta’ taħriġ lill-persuni neqsin mid-dawl fl-użu tat-teknoloġija tal-informatika u elettronika. Fir-rigward tat-teknoloġija
touch screen
, il-FITA qed tieħu sehem fi proġett tar-riċerka kofinanzjat minn fondi tal-UE li jismu TACMON2 (fi ħdan l-FP7). L-għan tal-proġett huwa li jinkiseb u jixtered aktar għarfien innovattiv dwar teknoloġija aċċessibbli
touch screen
għal persuni neqsin mid-dawl.
Il-FITA tassisti wkoll entitajiet kummerċjali permezz ta’ servizz ta’ konsulenza b’xejn dwar l-aċċessibilità fl-informatika.
Tagħmel ukoll laqgħat kull xahar biex tgħarraf entitajiet u gruppi differenti dwar x’teknoloġija teżisti u kif din tista’ tintuża bl-aktar mod aċċessibbli.
Meta tiġi mitluba minn entitajiet kummerċjali jew privati, il-FITA tagħti wkoll servizz ta’ stħarriġ u ċertifikazjoni dwar l-aċċessibilità ta’ teknoloġija inkluż
touch screens
.
Fl-aħħar nett ta’ min jgħid li t-teknoloġija tat-
touch screens
fuq
ATMs
hi waħda relattivament ġdida u għalhekk nistennew li din tibda dieħla b'pass meqjus f'pajjiżna. Dan kollu jikkonforma mal-prinċipju ta'
progressive realisation
, prinċipju rikonoxxut anki fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Dizabilità.
Il-KNPD ghamlet diversi laqghat mal-banek fejn fost l-ohrajn gew diskussi l-istallazzjonijiet ta ATM's aktar moderni u kif dawn ikunu accessibbli ghal kulhadd.
Rabat — Xogħlijiet fi Vjal il-Ħaddiem u Triq Dingli
Question
Jista' l-Ministru jinforma għala ma bdewx ix-xogħlijiet fi Vjal il-Ħaddiem u Triq Dingli fir-Rabat Malta? Jista' jara li x-xogħlijiet jibdew qabel ix-xitwa?
Response (GATT, AUSTIN)
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq Vjal il-Ħaddiem kellu jsir mill-Kunsill Lokali tar-Rabat imma billi dan naqas milli jagħmel ix-xogħol, minkejja li ngħata l-flus biex isewwi t-toroq, kellha tidħol Transport Malta biex tagħmel ix-xogħol.
Sadanittant, ninsab infurmat li bħalissa l-periti ta' Transport Malta għaddejjin bil-proċess ta' koordinazzjoni mal-entitajiet kollha. Sadanittant saru laqgħat mal-kuntrattur biex jiġi finalizzat it-traffic management tax-xogħol. Il-mira tal-bidu tax-xogħol fuq dawn it-toroq hija għal bidu ta' Diċembru.
Fid-dawl tal-inċidenti fuq rotta X4 fejn ix-xufiera qed jiġu mheddha u saħansitra msawta, jista' l-Prim Ministru jara li jkun hemm pulizija fuq din ir-rotta sabiex tinżamm aktar l-ordni u jieqfu l-attaki inġusti fuq ix-xufiera tal-Arriva? Jista' jikkunsidra ukoll miżuri oħra sabiex ix-xufiera jkunu mħarsa aħjar mill-vjolenza? Jekk fl-affermattiv meta ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-pulizija kellha rapport dwar inċident li seħħ nhar id-9 ta’ Ottubru 2012 għall xi 6.45pm, fejn waqt li xarabank ta’ l-Arriva fuq rotta X4 kienet wieqfa f’Misrah is-Summit, Birżebbuġia, raġel ta’ nazzjonalita barranija kien mar quddiem ix-xarabank, għawweġ il-wipers u kkaġuna ħsara anke fuq il-windscreen. Wara dan ir-raġel kisser ukoll xi ħġieġ ta’ bar fil-viċin. Ix-xufier niżel mix-xarabank sabiex iżomm lil dan ir-raġel, li imbgħad ħebb għax-xufier. Dan ir-raġel kien ġie arrestat mil-Pulizija u tressaq ukoll quddiem il-Qorti, fejn huwa ammetta l-akkużi u ġie s-sentenzjat sentejn priġunerja sospiżi għal erba’ snin kif ukoll kien ordnat li jagħmel tajjeb għall ħsara li kkaġuna. Barra minn dan għandu jingħad ukoll illi l-pulizija tagħmel diversi rondi fit-toroq prinċipali kemm permezz tat-Taqsima tat-Traffiku kif ukoll ta’ l-Iskwadra Mobbli, li jagħtu kull assistenza kif ikun meħtieġ.
Ħaddiema mħarrġa fil-ħiliet u sengħa ta' riabilitazzjoni tal-widien
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' ħaddiema li tħarrġu fil-ħiliet/sengħa ta' kif iwettqu x-xogħol ta' riabilitazzjoni tal-widien fil-gżejjer tagħna? Min kienu l-persuni responsabbli minn dan l-ippjannar mill-2004 'il quddiem? X'kwalifiki għandhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-livelli tal-ħaddiema involuti fit-twettieq ta’ xogħol ta' riabilitazzjoni tal-widien jinfirex minn dak professjonali għal dak manwali/arteġjanali, it-taħriġ ta’ fil-ħiliet/sengħa bl-istess mod jinvolvi min livelli terzjarji għal dak fuq il-post tax-xogħol.
Hemm diversi organizazzjonijiet u entitajiet li fuq inizjattivi indipendenti mill-gvern offrew taħriġ relevanti u għaldaqstant dan il-Ministeru m’għandux l-informazzjoni sħiħa mitluba fuq livell nazzjonali.
Minħaba l-oħra ninformah li s-sezzjoni fi ħdan dan il-Ministeru li twettaq xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-widien tinkludi żewġ periti, ħames uffiċjali tekniċi u tmintax-il ħaddiem industrijali , u li dawn il-ħaddiema ilhom għal numru ta’ snin jaħdmu fuq xogħlijiet relatati mal-widien u li matul is-snin kisbu t-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa (on the job trainig) biex ikunu jistgħu jwettqu dan ix-xogħol.
Niġbidlu l-attenzjoni li x-xogħol kollu jsir minn din is-sezzjoni jsir kollu skont
method statement
li jkun maqbul mal-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36720 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkluż id-dekasteru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 36720 fit-23 ta’ Ottubru 2012. Ovvjament ma stajtx nagħti tal (10) għaxar xahar għaliex għadu ma għalaqx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-inċineratur tal-biċċerija fil-Marsa kien sospiż kawża ta' ħsarat matul l-2011 u din is-sena? Kemm kienet tiswa f'ċifra ta' flus globali l-manutenzjoni li saret matul l-2011 u s'issa din is-sena separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2011 kien hemm biss total ta’ sitt waqfiet kawża ta’ ħsarat minuri u li b’kollox ikkagunaw għaxart ijiem li l-inċineratur ma setax ikun operat ħtija tal-istess ħsarat.
Fid-dawl tal-limiti tal-parametri stretti ta’ operat li huma permessi mir-regolatur, biex ikun żgurat li l-inċineratur jibqa jopera f’dawn il-parametri, huwa meħtieġ li l-inċineratur jitwaqqaf regolarment sabiex issirlu bir-reqqa l-manutenzjoni bir-reqqa meħtiega. L-ispiza ta’ manutenzjoni globali għas-sena 2011 kienet ta’ €311,153.97 filwaqt li għas-sena 2012 (minn Jannar sa Awwissu) kienet ta’ €220,690.72.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36702 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien id-dħul f'ċifra ta' flus globali miċ-ċitazzjonijiet tal-wardens matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36722 u jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' xorb aċċessiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' xorb aċċessiv matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis (HAA) u l-Electronic Case Summary (ECS) jirriżulta li fl-ewwel tmin xhur ta’din is-sena ddaħħlu 208 każ minħabba f’xorb eċċessiv fl-Isptar Mater Dei. Dawn il-każijiet jitqassmu fi tliet kategoriji:
Kategorija A
: Sindromu ta’ dipendenza fuq l-alkoħol, jew stat ta’ ‘withdrawal state’ minħabba li min jkun dipendenti fuq l-alkoħol jkun waqqaf jew naqqas l-ammonti li s-soltu jixrob, jew dawk li jabbużaw mill-alkoħol (ICD-10 codes F10.2, F10.3, F10.1 u F10.9)
Kategorija B
: Intossikazzjoni ikkawżata mill-alkoħol iżda il-persuna ma kenitx dipendenti fuq l-alkoħol (ICD-10 code F10.0)
Kategorija C
: Mard tal-fwied attribbwit għall-alkoħol (ICD-10 code K70)
Importanti li wiehed jgħid li dawn il-figuri li ġejjin ma jinkludux dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment tal-Emerġenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali tal-isptar.
NOTA IMPORTANTI: IL-FIGURI HUMA PROVVIŻORJI
In-numru ta’ każijiet f’kull kategorija jidhru hawn taħt:
Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' korriment fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' korriment fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma tistax tingħata informazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li ddaħħlu fl-emerġenza kawża ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta’ din is-sena.
Wieħed għandu jkun imgħarraf li fl-Electronic Case Summary/Hospital Activity Analysis System jiġi mniżżel biss dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tal-inċident bla ma jkun hemm referenza għall-fatt li dan l-inċident ikun seħħ fuq il-post tax-xogħol.
Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' inċidenti tat-traffiku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' inċidenti tat-traffiku matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu 2012, fejn korriment ta’incident tat-traffiku (Land Transport Accidents ICD-10 Code V01-V89) kienu irreġistrati bħala discharge diagnosis, ammontaw għal mitejn u sitta (206).
Importanti li wieħed jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-pazjenti li jiġu inviżtati fid-Dipartiment ta’ l-Emergenza u għal xi raġuni jew oħra ma jidħlux bhala pazjenti fis-swali ta’ l-isptar. Importanti wkoll li wiehed jiċċara li mhux dejjem jitniżżel it-tip ta’ incident li jkun kkawza l-korriment għax jista’ jagħti l-kaz li jkun hemm drabi fejn il-korriment li jkun soffra il-pazjent biss jitnizzel bħala
discharge diagnosis.
Din l-informazzjoni hija proviżorja.
Persuni li ddaħħlu l-isptar minħabba ta' inċidenti fuq il-baħar teritorjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptar għal kura kawża ta' inċidenti fuq il-baħar teritorjali matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? X'kienet ir-raġuni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Iinfurmat li minn tagħrif miġbur permezz tas-sistema tal-Hospital Activity Analysis in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu fl-isptar Mater Dei bħala pazjenti bejn Jannar u Awissu 2012, fejn inċidenti fuq il-baħar (Water Transport Accidents ICD-10 Code V90-V94) kienu irreġistrati bħala discharge diagnosis, ammontaw għal sebgħa (7).
Importanti li wieħed jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-pazjenti li jiġu inviztati fid-Dipartiment ta’ l-Emergenza u għal xi raguni jew oħra ma jidħlux bħala pazjenti fis-swali ta’ l-isptar. Importanti wkoll li wieħed jiċċara li mhux dejjem jitnizzel it-tip ta’ inċident li jkun kkawza l-korriment għax jista’ jagħti l-kaz li jkun hemm drabi fejn il-korriment li jkun soffra il-pazjent biss jitnizzel bħala
discharge diagnosis.
Din l-informazzjoni hija proviżorja.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — serqiet rapportati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36101 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat hekk:
Entità
Numru ta' Serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija
Sptar Mater Dei
16
Dipartiment tal-Anzjani
17
Sptar Monte Carmeli
3
Sptar Sir Paul Boffa
1
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — serqiet rapportati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36100 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru fil-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu imsemmi, kien hemm sitt każijiet rapportati lill-Pulizija mid-Dipartimenti, dikasteri u entitajiet taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru inkluż id-dekasteru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant sal-aħħar ta’ Settembru 2012.