Legislature:
Category:
Reset
Active:

persuni li tressqu l-qorti akkużati bit-traffikar ta' persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li tressqu l-qorti akkużati bi traffikar ta' persuni matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Skont informazzjoni li tinżamm għand il-Pulizija jirriżulta illi fl-2007 tressqu żewġ każi ġodda l-Qorti fuq allegat traffikar ta’ persuni. Tressqu tlett (3) persuni f’kull każ akkużati b’dan ir-rejat, dawn huma kollha ta’ nazzjonalità Maltija. Fl-2008 kien hemm każ wieħed ta’ allegat traffikar tal-persuni u tressqu il-Qorti tlett (3) persuni, dawn ukoll ta’ Nazzjonalità Maltija. Fl-2009 u l-2010 ma kienx hemm każijiet ta’ din in-natura mressqa il-Qorti pero’ kien hemm każ ġdid irreġistrat fis-sena 2011. Kienu tressqu erba’ (4) persuni, tnejn ta’ nazzjonalita’ Maltija u tnejn ta’ nazzjonalita’ Rumena fuq dan il-każ.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżett iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkonstanzi ekonomiċi internazzjonal li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f'pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali jerġa jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa' jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta' ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f'investiment kapitali u ta' servizzi Konsulari u oħrajn li jingħataw mill-Ambaxxati, Konsulati u Uffiċċji Rappreżentativi ta' Malta lill-Maltin u Għawdxin li jiġu bżonnhom sew f'pajjiżna jew meta jkunu imsiefra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (GATT, AUSTIN)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f'pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu riżorsi neċessarji biex jerġa jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tiegħi wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tiegħu kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta' ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f'investimet kapitali, ta' servizzi essenzjali bħas-sigurta' fit-toroq, ir-regolamentazzjoni tat-trasport u l-komunikazzjoni, iż-żamma tal-infrastruttura teknoloġika tal-Gvern u s-servizzi essenzjali l-oħra li nipprovdu. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b'ebda mod m'hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta' amministratturi f'oqsma tekniċi bħat-toroq, teknoloġija, trasport, telekomunikazzjonijiet, avjazzjoni u l-qasam marittimu fost oħrajn.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tieghu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’ wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi tas-saħħa jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw fuq il-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżatt iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried iqiegħed lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal dawk li jipprovdu l-membri fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod mhuma se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom dawk marbuta maż-żewġ entitajiet partikolari li għadni kif irreferejt għalihom.

Rabat — Djar ta' Għeriexen - lift li mhux qed jintuża

Question

Jikkonferma l-Ministru li lift fi blokk 4 u 5 fil-qasam tad Djar ta' Għeriexem ir-Rabat ilu lest aktar minn sena iżda r-residenti ma tħallewhx jużawh? Ma jħossx il-Ministru li huma x'inhuma ċ-ċirkustanzi dan mhux trattament sewwa lir-residenti li għandhom bżonn jużaw dan il-lift? Jekk fl-affermattiv jista' jara li jawtorizza immedjatament li dan il-lift jitħalla jintuża mir-residenti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-lift ilu numru ta’ xhur lest izda sa llum ir-rezidenti ta’ dawn iż-żewġ blokki qeghdin jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom illi jipparteċipaw fl-ispejjeż tal-lift kif għamlu reżidenti ta’ blokki oħra. Għaldaqstant ma jistax jitwettaq il-handover. Sakemm isir dan il-handover, l-awtorità hija obbligata bil-liġi illi iżżommu mitfi.
Leg 11 PQ #32596 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

trasferiment ta' persuna minn skola għal oħra

Question

Billi l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ġie trasferit minn Mtarfa Primary fejn kien ilu 20 sena għan-Naxxar Secondray, tista' l-Ministru tirrimedja bi traferiment lura għar-raġuni li dan l-individwu għandu problemi fiżiċi? Tista' tgħid meta dan se jirritorna lura għall-qagħdi ta' dmirijietu fl-Imtarfa Primary?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna kkonċernata, ġie trasferit temporanjament mill-Iskola Primarja tal-Imtarfa għall-Iskola Sekondarja tan-Naxxar proprju minħabba li fl-Iskola Primarja tal-Imtarfa hemm ħaddiema iżjed milli suppost għall-popolazzjoni tal-iskola, filwaqt li fl-Iskola Sekondarja tan-Naxxar, li bdiet tiffunzjona mis-sena skolastika kurrenti (2011-2012), hemm ħtieġa ta’ ħaddiema. Dan qed isir biex il-kulleġġ juża’ r-riżorsi umani bl-aħjar mezz. Skont ir-rekords tal-Kulleġġ, l-individwu kkonċernat qatt ma talab jew ippreżenta xi ċertifikat mediku biex ikun eżentat milli jagħmel ċertu xogħol.

Rabat — Triq il-Ħobbejża - pressa tal-ilma

Question

Billi r-residenti fi Triq il-Ħobbejża Rabat ilhom żmien twil jirrapportaw l-ilment tagħhom għar-raġuni ta' nuqqas ta' pressa tal-ilma fir-residenzi tagħhom, jista' l-Ministru jara li jivestiga x'qed jikkawża dewmien kif ukoll jirrimedja b'soluzzjoni immedjatament? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma taf li teżisti problema ta’ pressa baxxa tal-ilma f’parti minn Triq il-Ħobbejza fir-Rabat. Din hija kawżata minn mejn qadim tal-ħadid galvanizzat u din il-problema tissolva wara li jinbidel dan il-mejn. Fil-fatt, il-Korporazzjoni fasslet programm biex jinbidel dan il-mejn xi snin ilu u saħansitra ntgħażel kuntrattur biex iwettaq il-proġett. Madanakollu ma setax jinbeda x-xogħol meħtieġ qabel jinħareġ permess mill-MEPA, peress li din hija area sensitiva. Il-permess inħareġ madwar xahar ilu u issa qed isiru l-preparamenti biex jinbeda x-xogħol.
Leg 11 PQ #32603 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Sport tal-karozzi/muturi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4070 tad-IX Leġislatura, tista' l-Ministru taġġornana x'ġara minn dak inhar sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Gvern huwa kommess li jassisti bl-aħjar mod possibbli kull dixxiplina sportiva rapprezentati f’Malta minn organizzazzjonijiet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS), inkluż dawk l-għaqdiet li jirrapprezentaw il-motorsport. Minn dakinhar li l-Onorevoli Interpellant għamel il-Mistoqsija Parlamentari fl-1999, il-Gvern alloka art għall-Island Karting Club, trakka lill-Malta Drag Racing Association, trakka għall-Island Radio Model Car Club u Barriera fil-Mellieħa lill-Malta Motorsport Federation għall-użu ta’ off road motor sport. Il-valur kummerċjali ta’ dawn l-artijiet jammonta għal €1,164,200. Barra minhekk, fl-aħħar budget ġiet ivvotata s-somma ta’ €350,000 għall-bini ta’ korsa għall-karting biex fiha jkunu jistgħu jiġu prattikati wkoll id-dixxiplini tal-Mini Moto, Motards, Quad Bikes, Drifting u wkoll isir it-tuning tal-karozzi li jikkompetu fil-Hill Climbs. Dan minbarra wkoll assistenza diretta mingħand il-Gvern biex ikunu jistgħu isiru avvenimenti tal-Motor Sport bħal ma’ huma l-Valletta Grand Prix u l-Gozo Grand Sprint. Il-KMS alloka u ikkometta l-fondi neċessarji biex jiġu nstallati crash barriers fl-Imtaħleb fl-istess triq li tintuża għall-Hill Climbs biex din id-dixxiplina tkun tista’ tiħi prattikata f’aktar sigurta’. Il-KMS għadu qed jistenna konferma mingħand il-Kunsill Lokali Rabat biex tkun tista’ issir l-installazzjoni ta’ dawn il-crash barriers. Mit-twaqqif tal-KMS fl-2003 sal-lum, l-għaqdiet rapprezentanti tad-diversi dixxiplini tal-motorsport irċevew xejn anqas minn €210,124 f’assistenza diretta mingħand l-istess KMS kif ukoll xejn anqas minn €454,846 f’sussidju fuq kirjiet ta’ faċilitajiet. Total ta’ €664,969 f’assistenza. L-ASM sal-lum tagħmel użu minn art f’Ta’ Qali u skont it-Ta’ Qali Action Plan suppost li din il-faċilita’ għandha tiġi rilokata għal post ieħor. Għaldaqstant din l-art ma tistax tingħata b’titlu lill-istess għaqda. Il-KMS jinsab għaddej b’diskussjonijiet mal-MEPA kif ukoll mal-istess assoċċazzjoni biex il-faċilita’ tal-ASM tkun rilokata f' art biswit il-faċilita eżistenti u biex l-istess art tkun mgħoddija b’titlu lill-istess għaqda. Dan il-proċess jista’ jseħħ ladarba l-emendi fit-Ta’ Qali Action Plan ikunu approvatu u jidħlu fis-seħħ.
Leg 11 PQ #32624 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Każijiet ta' bullying rappurtati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' bullying rappurtati fl-iskejjel matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Tista' tagħti dan il-breakdown abbażi ta' kategoriji differenti ta' skejjel primarja u sekondarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32625 Sitting 457 2012-03-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżett iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanziarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ser nagħti f’mistoqsija parlamenti numru 32971.

taxxa tal-VAT — ħlasijiet ta' arretrati dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2011 kemm kien in-numru ta' kumpaniji jew persuni li ffirmaw ftehim dwar il-ħlasijiet ta' arretrati dovuti fil-każ ta' taxxa tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kien hemm 100 persuna reġistrata li għamlu proposti ta’ ħlasijiet ta’ arretrati ta’ VAT li ġew aċċettati mid-Dipartiment tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

taxxa tal-Income — ħlasijiet ta' arretrati dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2011 kemm kien in-numru ta' kumpaniji jew persuni li ffirmaw ftehim dwar il-ħlasijiet ta' arretrati dovuti fil-każ ta' taxxa tal-Income?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32479.

Tiswijiet ta' sistemi tad-drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31857, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar għal tiswijiet ta' esiġenzi simili matul l-2010 u 2011 separatament? Jista' jgħid f'kemm minnhom saret il-manutenzjoni meħtieġa fl-istess jum li sar ir-rapport? Jista' jinfurmani bis-sitwazzjoni għall-ħsarat rapportati dwar l-ilma ukoll?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet 2,381 rapport ta’ blockage fis-sistema tad-drenaġġ fl-2010 u 2,094 fl-2011. Ħafna minn dawn ir-rapporti jiġu ndirizzati dakinhar stess li l-korporazzjoni tirċievi r-rapport. Dwar problemi tal-ilma, għalkemm il-korporazzjoni tagħmel l-almu tagħha biex tagħmel it-tiswijiet neċessarji fi żmien 24 siegħa minn meta tirċievi r-rapport, mhux dejjem hu l-każ li jirnexxielha.

Sub contractor li jagħmlu tiswijiet tad-drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31857, jista' l-Ministru jinforma jekk kienx hemm xi sub contractor biex jagħmlu x-xogħlijiet imsemmija? Jista' jinforma ukoll bl-istess informazzjoni għall-ħsarat rapportati dwar id-distribuzzjoni tal-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-każ ta’ blockage fis-sistema tad-drenaġġ fi Triq Ferdinand Inglott Attard il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma solviet il-problema bin-nies tagħha stess u ma wżat l-ebda sub-contractor. Fil-każ ta’ ħsarat fis-sistema tal-ilma in generali l-korporazzjoni għandha numru ta’ sub-contractors li jitħallsu biex jagħmlu tiswijiet taħt is-superviżjoni tat-team leaders tal-Korporazzjoni.

mediċini għal pazjenti bid-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'huma l-proċeduri li issa baqa' biex il-mediċini għall-pazjenti li jbatu bid-dimentia jkunu aċċessibli għall-użu tagħhom? Tħejja xi protokol għal dan ir-rigward u jekk huwa l-każ, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2012, hemm fondi ta’ €200,000 biex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn. Mediċina li bħalissa qiegħda fil-Formularju tal-Gvern ser tibda tingħata għall-kura tad-dimenzja kif tiġi ntrodotta uffiċjalment r-riforma ta’ Skeda V, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Applikazzjonijiet ta’ mediċini ġodda li mhux fil-Formularju għall-kura tad-dimenzja jibdew jiġu evalwati u kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Formularju tal-Gvern.

strateġija nazzjonali tad-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani fiex wasal il-pjan għall-istrateġija nazzjonali tad-dimentia? Kemm-il laqgħa saret dwar dan il-pjan matul l-2011 u bejn min u għal liema aspett tad-dimentia saru dawn il-laqgħat ? Kemm rapporti ġew konklużi sabiex jiġu attwati f'din l-istrategija u meta ġew konklużi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pjan għall-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimentia qiegħed fi stat avvanzat. Saret konsultazzjoni wiesgħa u se jitressaq quddiem il-kabinett.

Pagamenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni, familji u negozji li matul s-sena l-oħra waqgħu lura fil-pagamenti dovuti għall-konsum tad-dawl u l-ilma? Kemm jammontaw f'ċifra totali ta' flus dawn il-pendenzi fil-kontijiet rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.