Ministeru tal-Affarijiet Barranin — kawżi pendenti fuq awtoritjiet
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma kellux kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu matul dawn l-aħħar ħames snin.
Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — kawżi fuq awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm dawn il-kawżi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Rabat — Għemieri, Binġemma Fort u Tas-Salib - Petizzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33190 u jinforma x'kunsiderazzjonijiet saru dwar il-petizzjoni tar-residenti tal-Għemieri, Binġemma Fort u Tas-Salib limiti tar-Rabat ikollhom is-servizz tat-trasport u dan partikolarment sabiex l-istudenti fl-inħawi msemmija jaslu l-iskola bl-anqas inkonvenjent possibli? Billi residenti jixtiequ li dan is-servizz jiġi estiż b'bidla żgħira attwali, jista' jara li task force kkonċernata tirrimedja b'soluzzjoni? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li ż-żoni imsemmija qatt ma kienu servuti b’servizz ta’ trasport pubbliku.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta qed tikkunsidra kull soluzzjoni sabiex jekk ikun possibbli jingħata servizz fiż-żoni msemmija. Hu diffiċli ħafna li
hamlets
minuskoli bħal dawn ikollhom servizz.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33593 u jagħti breakdown ta' kemm kienet in-nefqa għar-riklamar ta' prodott/prodotti agrikoli lokali matul l-2011, inkluż laħam u ħalib?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Ministeru ilu għal dawn l-aħħar snin jippromwovi l-prodott frisk lokali f'kull opportunità li tinħoloq kemm f'attivitajiet kif ukoll fi programmi televiżivi u r-radju. Dan mhux dejjem ikun jinvolvi ħlas. Permezz ta’ fondi kemm lokali kif ukoll minn fond ital-Unjoni Ewropea biex jikber l-għarfien tal-prodott frisk lokali fosthom billi jkunu organizatti festi ta' dak li hu Naturalment Malti. Filfatt f'4 snin saru mal-20 festa agrikola li jiffokaw fuq oqsma agrikoli partikolari bħal ma huma l-festa tal-qaqoċċ li saret f'Ħaż-Żabbar, Festa tal-Ħalib fil-Għagħur, il-Festa tal-Majjal f'Haz-Zebbuġ u s-Siġġiewi u tant festi oħra.
Intant, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li għaddejja kampanja promozjonali favur il-konsum tal-majjal frisk lokali b'koperazzjoni mal-koperattiva ta' min irabbi l-majjal.
Nixtieq insemmi wkoll li din hija t-tieni sena ta' kampanja nformattiva mifruxa fuq 3 snin favur il-konsum tal-ħalib. Din il-kampanja hija eżempju ħaj tal-ħidma flimkien bejn il-Ministeru u l-Koperattivi fejn il-kampanja ta' nofs miljun ewro qed tkun iffinanzjata nofsha minn fondi Ewropej 30% mill-Koperattiva tal-Produtturi tal-ħalib u 20% mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33592 u jinforma jekk ġewx esperti barranin fl-oqsma tal-biedja u sajd matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jekk fl-affermattiv, f'liema oqsma? Min kienu? X'rapporti kummissjonaw? Jekk fin-negattiv, għaliex ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġu esperti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar erba’, għar-rigward ta’ żviluppi u riċerka fil-qasam agrikolu, il-punt fukali kien it-tkabbir ta’ prodotti addattati għall-ambjent lokali. Għal dan il-Gvern investa biex ikollna esperti lokali u li huma ferm midħa mal-ambjent lokali. Għal aktar dettal, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 34091, 15716 u 5322 għax-xogħol li qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Plant Biotechnical Centre f’ Tal-Kmand, u għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21211 rigward iċ-ċentru sperimentali għat-tnissil u tkattir ta’ siġar.
Għar-rigward tal-Awtorità tat-Tmexxija, bejn l-2009 u l-2011 ġiet ikkummissjonata l-kumpanija Exodea Europe biex tfassal rapport rigward ir-regoli tal-programm Leader u biex tinħoloq l-istruttura u jkunu żviluppati l-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Fl-2011 l-Università ta’ Gloucestershire ġiet ikkommissjonata tagħmel rapport dwar ir-Riforma fil-CAP għal wara 2013.
Fil-qasam tal-akwakultura l-esperti li ġew Malta kienu dawk li ġew minħabba il-progett tal Unjoni Ewropeja fuq ir-ricerka tat-tfaqqis tat-tonn; is-Selfdott Project. Dawn il-proġett żvolġa ruħhu bejn il-2008 u l-2010. L-esperti barranin involuti kienu mill-Grecja (Dr Constantinos Mylonas), l-Italja (Prof DeMetrio), Spanja (Dr Fernando de la Gandara), l-Izrajel (Prof Hillel Gordin) u Franza (Dr Cristian Fauvel). Waqt dan il-proġett, li Malta kellha rwol importanti ħafna, sar ħafna żvilupp u tfaqqas it-tonn għall-ewwel darba fl-Ewropa. Tajjeb ngħidu li Malta qiegħda min ta’ quddiem fl-Ewropa f’dan il-qasam ta’ ricerka u għalhekk ma kienx hemm ħtiega li jiġu ikkummissjonati rapporti.
Min barra dan, is-sena l-oħra ġew żewġ esperti tal-akwakultura mill Universita ta’ Stirling (Mr John Bostok u Mr David Scott) biex jikkonsultaw mal-istakeholders waqt li kienu qegħdin jippreparaw l-abbozz tal-istrategija tal-akwakultura għal Malta.
Fis-settur tat-trobbija tal-majjal il-Ministeru minn żmien għal żmien jingaġġa lis-Sur Brian Edwards biex jassisti lill-Koperattiva ta’ Min Irabbi il-Majjal fir-ristrutturar tal-irzizet u dwar is-settur in-generali sabiex dan isir aktar kompettitiv. Huwa ilu inġib Malta sa mill 2005 u periodikament dan jerġa’ jkun ingaġġat għal żminje qasir biex jiġi Malta biex jgħin lill-koperattiva.
Kumpaniji, self employed u dipartiment governattivi — ħlas ta' National Insurance
Question
Jista' l-Ministru jgħid, illum, kemm hemm kumpaniji/self employed, dipartimenti u entitajiet governattivi eċċ. li waqgħu lura fil-pagamenti tal-National Insurance, inkluż f'każ li jħadmu l-P3? Kemm hija kalkulata ċ-ċifra ta' flus globali?
Response (FENECH, TONIO)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dettalji dwar Kontribuzzjonijiet tas-Siġurtà Soċjali kemm bħala employers (Klassi 1) u kemm bħala ndividwi self-employed (Klassi 2). L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ ta’ dawk li jaqgħu taħt klassi 2, id-Dipartiment fil-preżent ma jistgħax jagħti l-informazzjoni għas-sena 2011 għaliex din tinġabar aktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33960 u jinvestiga x'qed jikkważa l-fatt li t-tappieri f'toroq li saru riċentament qed jisfrundaw regolarmant per eżempju l-bypass tal-Imtarfa u l-parti tat-triq li tagħti għall-pont tal-Mosta? Min kien responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn it-toroq huma arterjali u distributorji u allura minnhom jgħaddi ammont sostanzjali ta’ traffiku ta’ ċertu piż. Jirriżulta, li minħabba f’hekk uħud mit-tappieri, wara ċertu żmien, isofru ħsarat u ċediment f'partijiet minnhom. Transport Malta se tifformola programm ta' tiswija.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32953 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta tinghata f’seduta oħra
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32951 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32949 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Tista' l-Ministru tgħid kemm daħlu studenti fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-Istat sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin separatament f'Malta u Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33020 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Billi kawża tal-fawran tad-drenaġġ mill-fossa tal-Baħrija ġabet magħha l-qerda għal kollox tal-qabru fil-Wied tal-Marġa , jista' l-Ministru jinforma għaliex ma ħa ebda passi konkreti bħala Ministru responsabli biex jipproteġi milli seħħ il-qerda tal-qabru? Ma jħossx li huwa politikament responsabli għal dan il-falliment u cioè li abbanduna miżuri neċessarji biex jiġi salvat dan l-ispeċi ta' granċ tal-ilma ħelu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-MEPA ma rċeviet l-ebda lment reċenti fuq żbroff ta' drenaġġ fil-Baħrija, imma kienet diġà investigat każijiet dwar dan u nnotifikat lil Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma biex tirrimedja is-sitwazzjoni. Dwar il-qabru, l-annimal in kwestjoni ma nqeridx, kif konfermat minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali tal-Ambjent.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33024, jista' l-Ministru jgħid x'jinvolvu x-xogħlijiet? Kemm huwa stmat li jiswew? Kemm hija l-ħażna tal-ilma li jesa' l-ġibjun?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — karozzi mikrija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq mobile phones
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones (kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settembru 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinforma jekk ġewx esperti barranin fl-oqsma tal-biedja u sajd matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jekk fl-affermattiv, f'liema oqsma? Min kienu? X'rapporti kummissjonaw? Jekk fin-negattiv, għaliex ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġu esperti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown kemm ħalsu taxxa tal-VAT f'ċifra ta' flus globali l-kunsilli lokali kollha matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kunsilli lokali m’għandhomx obbligu li jirreġistraw għall-VAT u għaldaqstant mhumiex obbligati li jiċċarġjaw u jiġbru VAT sakemm dan ma jkunx marbut ma’ attività ekonomika kif preskritt fil-liġi tal-VAT.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32954 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.