Jista’ l-Ministru jindika kemm kienu l-istudenti li gawdew mill-għoti tal-istipendju, skont l-istituzzjoni edukattiva, matul is-sena skolastika li għaddiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm twieldu trabi lil ommijiet taħt is-16-il sena, bl-informazzjoni maqsuma skont l-età tal-omm, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena,?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni tingħata f’xi seduta oħra.
Issa li ntemmu b’suċċess il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ bed nigħts b’rabta ma’ dan l-avveniment sportiv?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Mtarfa – Skola Primarja – trasferiment tal-istudenti għall-Imsida Hub
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasferiment tal-istudenti tal-Iskola Primarja tal-Imtarfa għall-Imsida Hub minħabba l-problemi strutturali tal-binja hijiex miżura temporanja u jekk il-ġenituri ta' dawn l-istudenti jistgħux iserrħu rashom li t-tfal tagħhom ser jibdew is-sena skolastika li jmiss mill-iskola tar-Rabat?
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, ir-Rabat, peress li fi ftit ġimgħat se tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat fit-toroq tal-madwar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-ewwel fażi hu previst li jkun lest fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu. Intlaħqet deċiżjoni, wara li ġiet diskussa mal-entitajiet kollha kkonċernati, li x-xogħol ser jieqaf għal ħmistax-il ġurnata sabiex ikun jista’ jsir l-armar u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Ġużepp. Ix-xogħol mistenni jitkompla wara t-22 ta’ Marzu.
ITS – taħriġ lil min jaħdem fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar x’qiegħed jagħmel l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) biex iħarreġ ir-riżors uman li jaħdem fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-għan tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa li jipproduċi persuni b'ħiliet għolja għall-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Dan isir permezz ta’ programmi full-time, programmi ta’ studju part-time, kif ukoll taħriġ imfassal apposta għall-kumpaniji varji fl-industrija.
Għalkemm magħruf l-aktar għall-produzzjoni ta’ kokijiet b’ħiliet għolja u membri tal-persuni tas-servizz, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa wkoll responsabbli li jipproduċi numru ta’ persuni tas-sengħa fid-diversi aspetti tal-karriera fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Dawn jinkludu gwidi turistiċi, li jaġixxu bħala ambaxxaturi għall-Gżejjer Maltin. B'korsijiet annwali, disponibbli kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, l-Higher National Diploma in Tourist Guiding hija waħda mill-aktar korsijiet imfittxija fl-ITS. Barra minn hekk, l-ITS joffri programmi ta’ studju eżempju fil-Ġestjoni tal-Ospitalità Internazzjonali, u l-Ġestjoni tal-Avvenimenti, l-Ivvjaġġar u t-Turiżmu, l-Ivvjaġġar favur il-Klima, l-Interpretazzjoni tal-Wirt u l-Ġestjoni tas-Sigurtà tal-Għadis biex insemmu biss ftit.
Din is-sena, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi nieda wkoll programm ġdid ta’ Livell 5, l-Higher National Diploma fis-Sommellerie, immirat għal dawk li jaħdmu fi ħdan din l-industrija. Dan il-programm ta’ studju se jgħolli aktar is-servizz tal-ikel u x-xorb.
Tajjeb li wieħed jinnota li fl-2017, l-ITS nediet l-ewwel programmi ta’ Bachelor Degree, li rċevew numru kbir ta’ applikazzjonijiet u fil-fatt din is-sena hija sena rekord għal dan il-livell.
Aktar tard, l-ITS nediet żewġ programmi ta' Master's Degree, li rriżultaw f'popolarità għolja, l-aktar ma' dawk li jaħdmu fl-industrija.
Meta l-MTA nediet il-programmi ta’ boroż ta’ studju għal dawk li jaħdmu fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità matul il-bidu tal-pandemija, l-Istitut irċieva numru kbir ta’ applikanti għal numru ta’ korsijiet, l-aktar l-MBA fl-International Hospitality Management, offrut f’affiljazzjoni akkademika ma’ L-Akkademja tal-Emirates tal-Ġestjoni tal-Ospitalità. Dawn il-persuni se jkunu qed jiggradwaw fl-aħħar ta' din is-sena, u b'hekk dawn jagħmlu l-ogħla gradwati fil-livell ta' Masters s'issa.
Bħala parti mill-pjan strateġiku tagħha 2021-2025, l-ITS qed tibni wkoll Skola ta’ Taħriġ bil-għan li tindirizza ir-rekwiżiti fl-industrija tat-turiżmu lokali u internazzjonali permezz tal-provvista ta’ programmi ta’ taħriġ prattiku innovattiv u ta’ kwalità għolja apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tal-industrija.
Jista’ l-Ministru jispjega x’se tkun qed tagħmel l-iskola ta’ taħriġ tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ITS qed tibni Skola ta’ Taħriġ bil-għan li tindirizza ir-rekwiżiti fl-industrija tat-turiżmu lokali u internazzjonali permezz tal-provvista ta’ programmi ta’ taħriġ prattiku innovattiv u ta’ kwalità għolja apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tal-industrija. Din l-iskola se tkun immirata kemm lejn swieq lokali kif ukoll lejn dawk internazzjonali f’konformità mal-istrateġija ta’ internalizzazzjoni tagħha.
Wieħed mill-ewwel għanijiet tal-iskola ta’ taħriġ huwa li toffri korsijiet għal individwi li jaħdmu fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità f’oqsma li jinkludu customer care, prodott turistiku, lingwa Maltija għat-turiżmu u lingwa Ingliża għat-turiżmu. Dawn il-korsijiet huma mmirati, iżda mhux limitati, għal ħaddiema internazzjonali li ġew Malta waqt il-pandemija.
L-iskola ta' taħriġ se tkun qed toffri korsijiet kemm akkreditati kif ukoll mhux akkreditati u se tiffoka fuq korsijiet qosra, ibbażati fuq il-ħiliet prattici.
Bħalissa, diġà qegħdin f'komunikazzjoni ma' stakeholders ewlenin fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità biex ikun jista’ jiġi mħarreġ personnel għas-sajf tal-2023.
Tajjeb ukoll li wieħed jinnota li matul is-snin, l-ITS ħarreġ eluf ta' persuni kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time. Dawn jinkludu wkoll persuni li jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. L-għan tal-iskola tat-taħriġ huwa li żżid dawn in-numri u toffri aktar korsijiet diretti u mitluba mill-industrija. Għalhekk dawn in-numri se jkunu qed jiżdiedu drastikament matul is-snin li ġejjin.
Sena Akkademika
Numru ta’ studenti Part-Time
2011/12
208
2012/13
218
2013/14
245
2014/15
166
2015/16
194
2016/17
180
2017/18
305
2018/19
909
2019/20
658
2020/21
1726
2021/22
889
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-kampus tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) fi SmartCity?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorita’ tal-Ippjanar approvat il-permess għall-bini tal-kampus il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi ġewwa Smart City.
L-ewwel tender, dak tax-xogħlijiet ta’ tħaffir, diġà ħareġ u beda ix-xogħol ta’ tħaffir. Bħalissa qegħdin ukoll jiġu evalwati offerti relatati mal-proġett u offerti oħrajn mistennija joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Kampus il-ġdid tal-ITS se jkun jista’ jilqa’ sa 2500 student, li huwa aktar mid-doppju tal-ammont li jilqa’ l-kampus attwali. Barra minn hekk, il-faċilitajiet li se jkunu disponibbli fil-kampus ta’ Smart City se joffru opportunitajiet ta’ taħriġ li bħalissa mhuwiex possibbli li jingħataw.
Ma jistax ikollna turiżmu ta’ kwalita’ mingħajr ħaddiema ta’ kwalita’, u ma jistax ikollna ħaddiema ta’ kwalita’ mingħajr opportunitajiet ta’ taħriġ ta’ kwalita’ għolja.
Ftehim bejn l-ITS u l-Bella Vista Institute of Higher Education tal-Isvizzera
Question
Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall x’ser ikun qiegħed ifisser il-ftehim bejn l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) u l-Bella Vista Institute of Higher Education tal-Isvizzera?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li għadu kemm ġie ffirmat ftehim bejn l-ITS u l-Bella Vista Institute of Higher Education tal-Isvizzera biex b’hekk kompliet tiżżewwaq il-kullana ta’ ftehim u affiljazzjonijiet li għandna fis-settur tal-edukazzjoni fl-ospitalita’ u t-turiżmu.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-BVIS se tkun qed toffri korsijiet tal-ITS - prinċiparjament il-BA (Hons) International Hospitality Management u l-Masters in Business Administration ġewwa l-Isvizzera. Dan huwa l-ewwel pass li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet se jkunu qed jagħmlu bl-għan aħħari jkun li sa meta l-ITS timxi għal kampus il-ġdid ġewwa Smart City, jkunu wkoll bdew korsijiet fil-livell ta’ Baċellerat u Masters fiż-żewġ kampusis, ċioe’ parti mill-kors issir ġewwa l-Isvizzera u parti oħra issir ġewwa l-kampus ta’ Smart City. Dan huwa it-tieni ftehim li l-ITS iffirmat u li permezz tiegħu l-istituzzjoni edukattiva Maltija stabbilixxiet kampus satellita barra minn Malta.
Diskussjonijiet oħra, li jsegwu l-istess mudell, jinsabu fl-aħħar stadji biex b’hekk l-ITS tkun tista’ toffri programmi ta’ studju f’partijiet oħra fid-dinja.
Jista’ l-Ministru jgħid kif tqassam il-fond ta’ €500,000 f’għajnuniet lill-gazzetti minħabba l-piżijiet li ġabu fuqhom il-gwerra fl-Ukrajna u l-pandemija tal-COVID-19? Kif kien deċiż kif jitqassam dan il-fond importanti biex tiġi sostnuta din il-ħidma ġurnalistika?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba tinsab fil-lista t’hawn taħt:
Allied Newspapers: €69,842
Standard Publications: €45,735
Media Link: €44,805
Union Print: €44,145
Media Today: €37,140
SVP: €9,210
Dan it-tqassim sar b’kollaborazzjoni u ftehim bejn is-sidien kollha tal-gazzetti.
Infurmat illi t-tqassim tal-flus sar fuq:
Numru ta’ impjeġati Full-time u Part-time;
Numru ta’ Pubblikazzjonijet;
Frekwenza tal-pubblikazzjonijiet u numru ta’ pagni.
Jista’ l-Ministru jispjega kif se tkun qed taħdem l-għotja ta’ €1,000 fis-sena lill-first time buyers u meta dawk eliġibbli se jibdew jibbenefikaw?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kien dan il-Gvern stess li fil-bidu tal-ewwel leġiżlatura introduċa miżuri li minnhom ibbenefikaw first-time buyers. Infatti fil-Baġit tal-2014 daħħalna l-miżura fejn first-time buyers ma jħallsux taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000. Matul is-snin dan l-ammont kompla jiżdied għal €200,000.
Minn din il-miżura ibbenefikaw iktar minn 28,000 persuna fejn frankaw madwar €90 miljun f’taxxa tal-boll fuq l-ewwel proprjetà tagħhom.
Il-miżura indikata hawn fuq hija wegħda elettorali tal-manifest 2022 u għaldaqstant għad trid tiġi inkluza fil-baġits li ġejjin u leġiżlata kif suppost.
Tista’ l-Ministru tispjega jekk f’Malta jeżistux Autism Friendly spaces u kif il-Gvern qiegħed jaħdem, anke mas-settur privat, biex joħloq dawn l-ispazji?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fl-aħħar snin ħadmet mal-għaqda volontarja Prisims fuq proġett ta’ “friendly autism spaces” fejn flimkien ma’ numru ta’ entitajiet pubbliċi u azjendi qed isir sforz biex f’postijiet pubbliċi jkun hemm dawn l-ispazji. Fl-aħħar ġimgħat kellna azjenda kbira tal-ikel li ħolqot spazju fir-restaurant tagħha u ħadet il-marka maħluqa bħala parti minn dan il-proġett. Dan il-proġett għandu s-sapport tal-Ministeru kkonċernat.
L-istabbilimenti li huma akkreditati f’dan il-proġett huma ;
1. Esplora
2. Gallarija Darmanin
3. The Malta International Airport
4. The Malta National Aquarium
5. The National Museum of Archeology
6. The National Museum of Natural History
7. ŻiguŻajg Festival
8. Eden Cinemas
9. MZ Hairdressing and Education
10. McDonalds – Malta International Airport & Ronald Mcdonald House of Charities
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-investiment fl-atleti għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2021 beda investiment dirett lejn l-għaxar għaqdiet sportivi li se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil- Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023. Is-somma totali ta’ investiment bejn is-sena 2021 u s-sena 2023 hija stmata li se tammonta għal madwar €7 miljuni.
Din l-għajnuna qiegħda tingħata’ permezz ta’
1) Fondi – € 1.7M - direttament minn SportMalta lejn il-Kumitat Olimpiku Malti biex il-Kumitat Olimpiku Malti jassisti lill-għaxar għaqdiet sportivi.
2) Grants – €5M - diretti lejn l-għaxar għaqdiet sportivi mill-fondi provduta mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali;
3) Skema ta Assistenza diretta – €0.3M - ta’ SportMalta lejn 18-il atleta mis-settur Privat li se jieħdu sehem fil-logħob li għandhom impieg full-time.
Jista’ l-Ministru jispjega x’għajnuna qed jagħti l-Ministeru lill-Malta Football Association (MFA) biex ittejjeb il-faċilitajiet tagħha?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-preżent għandu ftehim mal-MFA li permezz tiegħu qed jgħin fil-bdil tal-uċuħ tal-pitches.
Apparti dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu wkoll Ftehim ieħor mal-istess MFA li permezz ta’ inizjattivi varji qed jindirizza l-isfida tal-obesità fost it-tfal f’pajjiżna.
Sport Malta — assoċjazzjonijiet li gawdew minn skemi
Question
Jista’ l-Ministru jispjega kemm assoċjazzjonijiet gawdew minn skemi ta’ Sport Malta fl-aħħar ħames snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interepellanta li n-numru ta Assoċjazzjonijiet u Għaqdiet Sportivi li gawdew minn skemi ta' SportMalta fl-aħħar ħames snin huma kif ġej:
Sena 2017:
79
Sena 2018:
74
Sena 2019:
91
Sena 2020:
126
Sena 2021:
98
F'kull sena, ingħatat għajnuna lill-Kumitat Olimpiku Malti, li l-istess Kumitat Olimpiku Malti qassam il-fondi ma’ diversi għaqdiet sportivi oħrajn.
Fis-sena 2020, in-numru ta għaqdiet kien sostanzjalment iktar għaliex SportMalta ħarġet assistenzi ġodda ta' użu ta facilitajiet b'xejn u sussidju totali fuq il-ħlasijiet taċ-ċnus.