Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reġistrazzjoni ta’ Art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il reġistrazzjoni ta’ art saret mill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena 2024 saru 5545 reġistrazzjoni mill-Aġenzija tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Persuni li twaqqfu milli jidħlu Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twaqqfu persuni milli jidħlu f'Malta fuq il-border, matul is-sena 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom intbagħtu lura fil-pajjiż li kienu ġejjin minnu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u l-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, kien hemm sebgħa u ħamsin (57) persuna minn pajjiżi terzi, li twaqqfu milli jidħlu f'Malta fil-fruntiera. Dawn kollha ġew irritornati fil-pajjiż tal-oriġini. Ukoll kien hemm 57 persuna ċittadini ta' pajjiżi terzi li nstabu fiż-żona tal-ajruport waqt verifiki tal-Pulizija, wara li jkunu waslu minn pajjiżi oħra taż-żona Schengen.

Ħaddiema barranin — EU/EEA/EFTA u pajjiżi terzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn ħaddiema barranin, minn pajjiżi tal-EU/EEA/EFTA u pajjiżi terzi, f'Lulju 2019, Lulju 2020, Lulju 2021, Lulju 2022 u Lulju 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn ħaddiema barranin f'Lulju 2019, Lulju 2020, Lulju 2021, Lulju 2022 u Lulju 2023, u jagħti din l-informazzjoni skont is-settur tax-xogħol tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li hawn taħt issib tabella li turi is-settur tax-xogħol fejn kienu jaħdmu l-ħaddiema barranin f'Lulju 2019, Lulju 2020, Lulju 2021, Lulju 2022 u Lulju 2023. Ħaddiema Barranin Lulju 2019 Lulju 2020 Lulju 2021 Lulju 2022 Lulju 2023 [A] Agriculture, Forestry & Fishing 296 355 368 406 478 [B] Mining & Quarrying 80 92 98 98 113 [C] Manufacturing 4,672 5,310 5,708 6,385 8,003 [D] Electricity, Gas, Steam & Air Conditioning Supply 19 22 28 27 37 [E] Water Supply; Sewerage, Waste Management & Remediation Activities 129 286 300 354 503 [F] Construction 5,414 6,813 7,633 9,156 10,409 [G] Wholesale & Retail Trade; Repair of Motor Vehicles & Motorcycles 5,076 5,908 6,599 7,688 10,177 [H] Transportation & Storage 2,502 3,020 3,303 4,629 6,530 [I] Accommodation & Food Service Activities 8,984 9,009 8,935 11,557 14,923 [J] Information & Communication 2,481 2,685 2,981 3,479 3,984 [K] Financial & Insurance Activities 2,367 3,189 3,348 3,700 4,181 [L] Real Estate Activities 476 601 638 763 996 [M] Professional, Scientific & Technical Activities 6,464 6,888 7,119 8,023 9,542 [N] Administrative & Support Service Activities 9,246 10,599 9,578 12,850 16,362 [O] Public Administration & Defence; Compulsory Social Security 624 744 920 892 935 [P] Education 1,582 1,473 1,577 1,847 2,212 [Q] Human Health & Social Work Activities 3,594 4,212 5,036 3,880 4,839 [R] Arts, Entertainment & Recreation 7,117 6,938 7,656 8,469 8,855 [S] Other Service Activities 1,427 1,598 1,687 1,916 2,313 [T] Activities Of Households as Employers, Undifferentiated Goods & Services - producing Activities of Households for own use 337 345 371 427 501 [U] Activities of Extraterritorial Organisations & Bodies 60 58 72 80 86 Grand Total 62,947 70,145 73,955 86,626 105,979

Stipendji — Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10081 u 10470 u jindika kemm kienu l-istudenti li gawdew mill-għoti tal-istipendju, skont l-istituzzjoni edukattiva, matul is-sena skolastika li għaddiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li fis-sena skolastiska 2021/2022 it-total ta’ studenti li gawdew mill-għoti ta’ stipendju kien ta’ 15,226.

Stipendji – ħlas lil studenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10080 u 10469 u jgħid, matul is-sena skolastika li għaddiet (2021/2022), kemm kien l-ammont totali li tħallas fi stipendji lill-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika 2021/2022 tħallas l-ammont totali ta’ 'l fuq minn €16.5 milljuni fi stipendji.

Rabat – Kulleġġ San Nikola — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet li saru b’rabta mar-riġenerazzjoni tal-Iskola Primarja tar-Rabat, li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Nikola? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-investiment globali f’dan il-proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskola msemmija ġew investiti madwar €3.5 miljun sabiex inbena sular ġdid, bini mill-ġdid tas-soqfa l-antiki, tisbiħ estensiv sabiex jinħolqu spazji edukattivi moderni u kif ukoll installar ta’ servizzi ġodda.

Youth.inc offrut mill-Aġenzija Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ żgħażagħ li se jkunu qed jattendu l-programm Youth.inc offrut mill-Aġenzija Żgħażagħ f’din is-sena skolastika?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ser ikun hemm 61 żgħażugħ/a jattendu għall-dan il-programm.

Aġenzija Identità – Taqsima tar-riċerki — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm hemm ħaddiema jaħdmu fit-taqsima tar-riċerki tal-aġenzija Identità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fit-Taqsima tar-Riċerki hemm 41 ħaddiem li huma maqsuma hekk: 18-il impjegat li jaħdmu fil-front office fil-Belt Valletta u 23 impjegat li jaħdmu fil-back office fl-Imsida.

Koppji tal-istess sess

Question

Għal dawn l-aħħar 10 snin, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: · kemm il-koppja tal-istess sess daħlet f’unjoni ċivili f’Malta; · kemm il-koppja tal-istess sess daħlet f’unjoni ċivili barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta; · kemm il-koppja tal-istess sess iżżewġet barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha f’Malta; · kemm il-koppja tal-istess sess applikat sabiex tkun ikkunsidrata għall-adozzjoni; · kemm il-individwu bidel il-ġeneru uffiċjali tiegħu fuq iċ-ċertifikat tat-twelid?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li f’dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm 189 koppja tal-istess sess li daħlet f’unjoni ċivili u li ġew rreġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u t’ Għawdex. Matul l-istess perjodu kien hemm 33 koppja tal-istess sess li daħlet f’unjoni ċivili barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. Kien hemm 97 koppja tal-istess sess li żżewġet barra minn Malta u rreġistrat l-istatus tagħha fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. Matul dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm ukoll 222 persuna li bidlu uffiċjalment il-ġeneru fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom, fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u t’ Għawdex. Infurmat ukoll li minn Settembru tal-2017, meta daħlet fis-seħħ il-liġi taż-Żwieg bejn koppji tal-istess sess ġew reġistrati 435 żwieġ fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta u t’ Għawdex.

Ir-Rabat – Triq il-Kbira – aġġornament fuq ix-xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti aġġornament fuq ix-xogħlijiet li għad fadal fi Triq il-Kbira, ir-Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru xogħlijiet fuq il-bankini fit-tielet fażi tal-proġett tat-triq, jiġifieri bejn Triq l-Isptar u s-Saqqajja. Kif jistlesta dan ix-xogħol, jingħata bidu għax-xogħol fuq l-aħħar saff ta’ asfalt, u t-triq tkun aċċessibbli għax-xufiera.

Żgħażagħ li qed jirreġistaw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni żgħażagħ (bejn is-16 u d-29 sena) jirreġistraw għax-xogħol, xahar b'xahar, minn Jannar 2012 sa Settembru 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartimenti tal-Gvern u entitajiet fis-settur pubbliku — ċertifikat tal-Equality Mark

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, jindika kemm huma dawk l-entitajiet fis-settur pubbliku u Dipartimenti tal-Gvern li għandhom iċ-ċertifikat tal-Equality Mark sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

In-numru ta’ entitajiet fis-settur pubbliku u Dipartimenti tal-Gvern li għandhom iċ-ċertifikat tal-Equality Mark sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari hu ta’ 36.

Entitajiet privati — ċertifikat tal-Equality Mark

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, jindika kemm huma dawk l-entitajiet privati li għandhom iċ-ċertifikat tal-Equality Mark sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

In-numru ta’ entitajiet privati li għandhom iċ-ċertifikat tal-Equality Mark sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari hu ta’ 100. It-taħriġ lill-impjegati f’kumpaniji ċertifikati bil-Marka tal-Ugwaljanza huwa kontinwu u jsir bħala parti mill-proċess ta’ riċertifikazzjoni li kull kumpanija trid tgħaddi minnu sabiex iżżomm il-Marka tal-Ugwaljanza. Mill-bidu tal-2022 u sa issa, 361 impjegat f’kumpaniji privati irċevew dan it-taħriġ.

Rendikont tal-attivitajiet li kienu parti mill-programm Europride Valletta 2023

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, jagħti rendikont ta' kemm ittellgħu attivitajiet bħala parti mill-programm uffiċjali tal-Europride Valletta 2023? Jista' jindika min kien l-organizzatur ta' kull waħda?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-programm uffiċjali tal-EuroPride Valletta 2023 kien jinkludi total ta’ 80 attività. Ma' din it-tweġiba qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' kull waħda minn dawn l-attivitajiet, b’indikazzjoni ta’ min kien l-organizzatur rispettiv.

Aġenzija Identità — taqsima tar-riċerki

Question

Jista' l-Ministru jispjega l-ħtieġa biex it-taqsima tar-riċerki li taqa' taħt Aġenzija Identità tiġi rrilokata?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-binja li minnha kienet qed topera t-Taqsima tar-Riċerki sofriet danni estensivi matul is-snin u ma kinitx f’kundizzjoni adegwata biex tkompli taqdi l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet mistennija minnha. Kemm il-ħaddiema kif ukoll il-klijenti tat-Taqsima tar-Riċerki jixirqilhom post strutturalment b'saħħtu, modern u attrezzat aħjar minn fejn jaħdmu u jinqdew.

Qorti tal-Familja — Medjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kien hemm biex tinfetaħ medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja li wasslet għal ftehim bonarju, sena b'sena mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi in-numru ta’ talbiet li saru biex tinfetaħ medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja li twassal għal ftehim bonarju mis-2017 sas-27 ta’ Settembru 2023. Din l-istatistika mhix disponibbli għal Qrati t’Għawdex.