Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1121 u jgħid jekk matul l-aħħar sena, kienx hemm xi każ fejn il-PBS inforza jew ipprova jinforza l-artikolu 18 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14, “Ħtiġiet dwar standards u prattika li japplikaw għal bulettini tal-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti”? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu f’kull każ?
Fid-dawl tal-ħsara fis-servizz tal-e-ID li seħħet fl-14 ta’ Lulju 2026 u li affettwat l-aċċess għal diversi servizzi elettroniċi tal-Gvern, fosthom is-sit tal-MATSEC, myHealth u s-servizzi elettroniċi tal-Awtorità tal-Ippjanar, jista’ l-Prim Ministru jgħid:
i. x’kienet il-kawża teknika preċiża ta’ din il-ħsara;
ii. f’liema ħin bdiet il-ħsara u f’liema ħin is-servizzi kollha ġew kompletament għan-normal;
iii. liema siti, sistemi u servizzi pubbliċi ġew affettwati u kemm kien hemm individwi li ma setgħux jaċċessawhom;
iv. jekk id-data jew is-sigurtà tal-kontijiet ta' individwi ġewx affettwati jew esposti b’xi mod;
v. jekk kienx hemm sistemi ta’ riżerva, kontinwità operattiva jew disaster recovery fis-seħħ, u jekk iva, għaliex dawn ma ppermettewx li s-servizz jibqa’ disponibbli;
vi. jekk il-Gvern jew il-MITA kinux konxji minn xi problemi jew riskji fis-sistema qabel ma seħħet il-ħsara;
vii. x’miżuri ttieħdu jew se jittieħdu sabiex ħsara simili ma terġax isseħħ;
viii. jekk hux se ssir investigazzjoni interna jew indipendenti dwar dan l-inċident u jekk ir-riżultat tagħha hux se jiġi ppubblikat; u
ix. kemm huwa stmat li kienet l-ispiża ekonomika u amministrattiva ta’ din il-ħsara?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat kif ġej:
i- L-inċident kien ikkawżat minn żieda eċċezzjonali u simultanja fid-domanda għas-servizz e-ID, li wasslet għal degradazzjoni temporanja tal-prestazzjoni tas-servizz u affettwat l-aċċess għal servizzi li jiddependu minn dan il-mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni.
ii- L-impatt beda jiġi osservat matul il-ġurnata tal-14 ta' Lulju 2026. Il-MITA intervjeniet immedjatament u s-servizzi ġew stabbilizzati progressivament u rritornaw għal operat stabbli matul il-ġurnata. Il-monitoraġġ u l-verifiki komplew ukoll wara sabiex tiġi assigurata l-istabbiltà tas-servizzi.
iii- L-impatt kien limitat għal servizzi li jużaw l-e-ID bħala mekkaniżmu ta' awtentikazzjoni. Fost dawn kien hemm diversi servizzi elettroniċi tal-Gvern u entitajiet pubbliċi li jiddependu fuq l-e-ID għall-aċċess tal-utenti.
iv- Le. Dan ma kienx inċident ta' sigurtà ċibernetika iżda inċident relatat mad-disponibbiltà tas-servizz. Ma hemm l-ebda evidenza li tindika li d-data personali taċ-ċittadini, il-kontijiet tal-utenti jew kwalunkwe informazzjoni oħra ġiet aċċessata, kompromessa, esposta jew alterata bħala riżultat ta' dan l-inċident. L-integrità, il-kunfidenzjalità u s-sigurtà tad-data ma ġewx affettwati.
v- Iva. Il-MITA tħaddem miżuri ta' reżiljenza, kontinwità operattiva u pjanijiet ta' rkupru għas-servizzi kritiċi tagħha. Madankollu, dawn il-miżuri huma maħsuba primarjament biex jindirizzaw xenarji bħal ħsara f'sistemi, infrastruttura jew komponenti tekniċi. F'dan il-każ, l-inċident kien relatat ma' żieda eċċezzjonali u simultanja fid-domanda għas-servizz e-ID u mhux ma' falliment tal-infrastruttura jew telf tas-servizz. Il-proċeduri operattivi meħtieġa ġew attivati immedjatament sabiex jiġi limitat l-impatt u s-servizzi jiġu stabbilizzati mill-aktar fis possibbli.
vi- Bħal kull infrastruttura diġitali nazzjonali, il-MITA twettaq monitoraġġ kontinwu, valutazzjonijiet regolari tar-riskju u eżerċizzji ta' ppjanar tal-kapaċità sabiex tindirizza xenarji differenti ta' użu. Madankollu, il-mudell ta' domanda osservat matul dan l-inċident kien sostanzjalment differenti minn xejriet storiċi ta' użu osservati fis-snin preċedenti u għalhekk ma kienx rifless fid-data storika li normalment tintuża għall-finijiet ta' ppjanar u monitoraġġ. Għalhekk, filwaqt li l-ġestjoni tar-riskju u l-monitoraġġ kienu fis-seħħ, ma kien hemm l-ebda evidenza li kienet tindika minn qabel li kien ser iseħħ dan ix-xenarju partikolari.
vii- Wara l-inċident, il-MITA wettqet reviżjoni teknika sabiex tidentifika l-miżuri meħtieġa biex tkompli ssaħħaħ il-kapaċità, il-monitoraġġ, il-ġestjoni tat-traffiku u r-reżiljenza tas-servizz. L-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri qed tiġi ppjanata u mwettqa bħala parti mill-proċess ta' titjib kontinwu.
viii- Il-MITA wettqet l-analiżi teknika meħtieġa sabiex tidentifika l-kawża tal-inċident. Qed jitkompla l-proċess intern ta' dokumentazzjoni tal-inċident, inklużi l-lezzjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet għal aktar titjib. Kwalunkwe informazzjoni li tkun tista' tiġi żvelata mingħajr ma tikkomprometti s-sigurtà tal-infrastruttura tkun ikkunsidrata skont il-proċeduri u l-obbligi applikabbli.
ix- Fil-preżent ma ġewx identifikati l-ebda spejjeż diretti relatati mal-inċident. l-inċident ġie indirizzat permezz tal-intervent operattiv u tekniku tal-MITA. Kwalunkwe investiment addizzjonali li jista' jirriżulta mill-miżuri ta' titjib li qed jiġu kkunsidrati bħala parti mill-proċess ta' titjib kontinwu jkun jista' jiġi stmat biss wara li jiġu finalizzati l-analiżijiet tekniċi u l-għażliet ta' implimentazzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 949 u jgħid kemm kien hemm ilmenti kontra x-xandara li nstemgħu mill-Awtorità tax-Xandir fis-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti kienu minħabba allegat nuqqas ta’ bilanċ jew parzjalità?
Response (ABELA, ROBERT)
In-numri totali ta’ilmenti li daħħlu fil-konfront tal-istazzjonijiet lokali ta’radju u t-televizjoni huwa kif ninsab nfurmat kif ġej:
Sena Ilmenti
2023 45
2024 33
2025 12
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 948 u jgħid kemm-il darba l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir ħarġet akkużi skont il-liġi kontra x-xandara fejn l-akkuża kienet dwar xi ħaġa oħra għajr nuqqas ta’ bilanċ jew parzjalità fis-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’kien is-suġġett ta’ dawn l-akkużi?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’akkużi li daħħlu fil-konfront tal-istazzjonijiet lokali tar-radju u t-televizjoni u li għalihom nstabu ħatja huwa kif ninsab nfurmat kif ġej :
Sena Akkużi
2023 14
2024 15
2025 8
Awtorità tax-Xandir – Akkużi – Nuqqas ta’ bilanċ/parzjalità
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 947 u jgħid kemm-il darba l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir ħarġet akkużi skont il-liġi kontra x-xandara fejn l-akkuża kienet dwar nuqqas ta’ bilanċ jew parzjalità fis-snin 2023, 2024 u 2025, maqsuma sena b’sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li n-numru totali ta’akkużi maħruġa dwar nuqqas ta’ bilanċ jew parzjalità huwa kif ġej:
SENA Deċiżjoni
2023 Akkuża waħda imma l-istazzjon involut ma nstabx ħati
2024 5 akkużi
2025 Ma nħarġux akkużi
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan konkret biex issir ħidma estensiva u jkun assigurat li l-bankini kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu jistgħu verament jintużaw minn kulħadd, inkluż dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà? Jekk iva, tista’ tagħti d-dettalji ta’ dan il-pjan, inkluż il-perjodu ta’ żmien previst għall-implimentazzjoni tiegħu?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Il-Ministeru jemmen fl-awtonomija tal-Kunsilli Lokali u ser ikompli jagħtihom is-sostenn u l-għodod neċessarji biex iwettqu l-ħidma fil-lokalitajiet rispettivi skont il-prijoritajiet li jagħżlu huma. Mezz li permezz tiegħu jagħti dan is-sostenn huwa l-programm imħaddem mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed terġa tpoġġi għad-disponibbiltà tal-Kunsilli Lokali miljuni ta’ ewro biex ikunu investiti direttament fl-infrastruttura tal-lokalitajiet. Inżid li permezz ta’ din l-inizjattiva, fejn kunsill jindika l-ħtieġa ta’ bankina ġdida, (diment li ma toffrix sfidi ta’ materji storiċi jew arkejoloġiċi) din tinbena b’tali mod li tassigura li kull bankina jew spazju għal pubbliku jkun aċċessibli għal kulħadd inkluż għal persuni bi sfidi ta’ mobiltà.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan konkret biex issir ħidma estensiva u jkun assigurat li l-bankini kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu jistgħu verament jintużaw minn kulħadd, inkluż dawk li għandhom diffikultajiet ta’ mobbiltà? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ dan il-pjan, inkluż il-perjodu ta’ żmien previst għall-implimentazzjoni tiegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ntużaw generators fit-toroq ta’ Malta u Għawdex sabiex jipprovdu provvista temporanja tal-elettriku mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tindika l-lokalità u t-triq fejn intuża kull generator, id-data jew id-dati li fihom intuża, u għal kemm żmien dam jintuża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta investiet f’numru ta’ generators li jintużaw primarjament biex, waqt li jkunu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni ppjanati fuq is-sistema tad-distribuzzjoni, b’mod partikolari meta jkun meħtieġ li tintefa’ substation, il-klijenti ma jibqgħux mingħajr provvista tal-elettriku sakemm ix-xogħol ikun lest.
Barra minn hekk, f’każijiet ta’ ħsarat mhux ippjanati fuq in-network, dawn il-generators jistgħu jintużaw ukoll bħala miżura temporanja biex jitnaqqas il-perjodu li fih il-klijenti jkunu mingħajr provvista, sakemm jitlestew ix-xogħlijiet ta’ tiswija meħtieġa u tiġi restawrata l-provvista b'mod normali mal-grid ta' l-elettriku.
Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Miżuri kontra sħana eċċessiva
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri konkreti ttieħdu biex titnaqqas is-sħana eċċessiva fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn Lulju 2024 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ jgħid ukoll:
i. liema xogħlijiet saru jew liema sistemi ta’ ventilazzjoni, tkessiħ jew kontroll tat-temperatura ġew installati;
ii. f’liema diviżjonijiet jew partijiet tal-Faċilità saru dawn l-interventi; u
iii. jekk hemmx aktar xogħlijiet ippjanati u jekk iva, x’inhuma u x’inhi d-data prevista għat-tlestija tagħhom?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat, li fil-preżent, uħud mid-diviżjonijiet (CORRS u oħrajn meqjusin żgħar) huma mgħammra ventilazzjoni adeguata u bħalissa għaddej xogħol sabiex ikunu nstallati sistemi simili fil-kumplament tal-ħabs. L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qiegħda tinvesti f’sistema li tgħin fil-kontroll tat-temperatura fiċ-ċellel sabiex timmitiga kemm għas-sħana tas-Sajf kif ukoll il-kesħa tax-xitwa. Tajjeb illi wieħed jieħu konsiderazzjoni tal-fatt li l-binja hija waħda antika, għandha ‘l fuq minn 100 sena u dan jimponi diffikultajiet fl-installazzjoni.
Fost ix-xogħol li sar s’issa, nsibu tibdil ta’ katusi li ser iwasslu l-arja kkontrollata ġewwa ċ-ċellel fejn inbidlu għal PVC. Biex din is-sistema tkun tista titħaddem, għaddew cables ġodda tad-dawl fejn anke saret modifikazzjoni fid-distribuzzjoni tal-elettriku. Beda wkoll ix-xogħol fuq l-installazzjoni tas-sistema fejn bħalissa x-xogħol fuq Diviżjonijiet 2 u 3 wasal fl-aħħar fażi tiegħu u hemm il-pjan li għal-aħħar ta’ Lulju, dawn iż-żewġ diviżjonijiet ikollom is-sistema taħdem.
Ix-xogħol fuq Diviżjonijiet 1 u 4 diġa beda u huwa pprogrammat li jitlesta sal-aħħar t’Awwissu. Sussegwentament, jitkompla x-xogħol fid-diviżjonijiet l-oħra kollha fejn huwa stmatt li għandu jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Inżid illi sa ma titlesta s-sistema kollha, l-Aġenzija ħadet prekawzjonijiet fejn fosthom iċ-ċellel qed jibqgħu miftuħin matul il-ġurnata kollha, disponibbilita ta’ fannijiet, ġew installati sistemi ta’ reverse osmosis sabiex persuna tkun tista tixrob ilma kemm trid u disponibbilita ta’ fridges u freezers ġewwa kull diviżjoni. Barra minn hekk, qed isir monitoraġġ kontinwu ta’ persuni vulnerabbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu jew naqqsu karozzi fit-toroq Maltin u Għawdxin mill-bidu tal-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema għases tal-Pulizija f’Malta u Għawdex huma miftuħa matul Lulju 2026, u jagħti l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ kull għassa?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li dawn huma l-għasses miftuħa 24 siegħa kuljum, ħlief għal dawk ġewwa l-Għadira u Kemmuna
1 PD – Valletta
2 PD – Ħamrun, Marsa
3 PD – Paola, Fgura, Luqa
4 PD – Cospicua, Żabbar, M‘Scala
5 PD – Żejtun, B’Buġia, Żurrieq
6 PD – Qormi, Siġġiewi
7 PD – Sliema, Gżira
8 PD – St. Julians
9 PD – Birkirkara, Naxxar
10 PD – Mosta, Rabat
11 PD – Qawra (SPB), Ċirkewwa
12 PD – Victoria, Marsalforn, Mġarr, Xlendi
MIA – 24/7
Sta Lucija DV Hub – 24/7
Mtarfa DV Hub – 24/7
Għadira – 0900 hrs – 2100 hrs
12 PD – Kemmuna (Mon-Thu 06:00hrs-00:00hrs / Fri-Sun 06:00hrs-01:00hrs)
Jista’ l-Ministru jgħid kemm il-Gvern qed jipproġetta li se tikber (jew tiċkien) il-popolazzjoni ta’ Malta sal-aħħar ta’ kull sena bejn l-2026 u l-2030, meta mqabbla mal-aħħar ċifra uffiċjali disponibbli tal-popolazzjoni, maqsuma sena b’sena, kemm f’termini ta’ numru ta’ persuni kif ukoll f’termini perċentwali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-popolazzjoni ta' pajjiżna llum qegħda fl-istatistika uffiċjali li tinsab fid-dominju pubbliku. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax proġezzjonijiet nazzjonali tal-popolazzjoni għal Malta.
Ta’ Qali - Park Nazzjonali - Żona tal-Kunċerti - Xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru xogħlijiet fiż-Żona tal-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali minn meta ġiet inawgurata f’Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, kemm kienet l-ispiża tagħhom u għaliex kien meħtieġ li jsiru?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta ma wettqitx xogħlijiet fiż-Żona tal-Kunċerti.
Ta’ Qali - Park Nazzjonali - Żona tal-Kunċerti - Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet fiż-Żona tal-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali minn meta ġiet inawgurata f’Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, kemm kienet l-ispiża tagħhom u għaliex kien meħtieġ li jsiru?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba se tkun qed tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid min fil-PBS hu responsabbli li jinforza u/jew li jiġu infurzati sezzjonijiet 18 u 19 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14, “Ħtiġiet dwar standards u prattika li japplikaw għal bulettini tal-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti”?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-aħħar sena, kienx hemm xi każ fejn il-PBS inforza jew ipprova jinforza l-artikolu 18 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 350.14, “Ħtiġiet dwar standards u prattika li japplikaw għal bulettini tal-aħbarijiet u l-programmi ta’ ġrajjiet kurrenti”? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu f’kull każ?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mil-LESA f’kull lokalità f’Malta u Għawdex, mill-1 ta’ Mejju 2025 sal-aħħar ta’ Ġunju 2026 maqsuma xahar b’xahar?
Response (BEDINGFIELD, GLENN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 103 u 794 u jgħid kemm kienet l-istima oriġinali tax-xogħlijiet li qed isiru fi Ġnien Pawlu Boffa, f’Raħal Ġdid u jekk sarx xi xogħol b’mod temporanju, jew b’xi mod ieħor, li sussegwentement inqala’ jew se jkollu jinqala’? Jekk iva, x’inhi r-raġuni għal dan? Jista’ jgħid ukoll kemm hija l-ispiża addizzjonali tax-xogħol li kellu jew se jkollu jsir minħabba f’hekk?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ġejt infurmat li x-xogħlijiet li saru ammontaw għal Eur 5,272.50ċ, VAT eskluż, bil-materjali li ntużaw għax-xogħlijiet ġew riċiklati għall-użu f’postijiet publiċi oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li wieħed mill-akbar xelters f’Raħal Ġdid, li jinsab fi Triq Nazzarenu u li kien diġà ġie skopert sentejn ilu, jiġi riabilitat u magħmul aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem stabbiliti? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll jekk hemmx żmien stabbilit sabiex dan isir?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lil Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru.998.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li wieħed mill-akbar xelters f’Raħal Ġdid, li jinsab fi Triq Nazzarenu u li kien diġà ġie skopert sentejn ilu, jiġi riabilitat u magħmul aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem stabbiliti? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll jekk hemmx żmien stabbilit sabiex dan isir?
Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)
Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xelter fi Triq Nazzarenu għadu jrid jitbattal mill-ilma u jitnaddaf. L-aċċess għalih isir minn bokka li tinsab fit-triq, iżda dan ix-xelter ma jinfetaħx b’mod regolari. Waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ġie deċiż li dan ix-xelter mhux se jinfetaħ għall-pubbliku. Din id-deċiżjoni ġiet approvata waqt il-laqgħa li saret fl-24 ta’ Mejju 2026.