Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qtugħ fil-provvista tal-Elettriku - Impatt finanzjarju - Valutazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2126, 2966 u W523, tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx valutazzjoni tal-impatt finanzjarju fuq l-ekonomija Maltija tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li seħħ f’pajjiżna mill-1 ta’ Lulju sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, tista’ tippubblika din il-valutazzjoni u tagħti rendikont tal-impatt finanzjarju stmat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Fir-rigward tal-provvista tad-dawl u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija tal-pajjiż, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akbar telf u saħansitra staġnar fit-tul, l-ekonomija tal-pajjiż iġġarrabhom meta l-prezzijiet tad-dawl, u anke tal-ilma, tal-gass, tad-diesel u l-petrol, jogħlew minn xahar għal xahar mingħajr l-ebda ħjiel ta’ stabbiltà. Il-Gvern preżenti dan għarfu sa mill-bidu nett u ħa deċiżjonijiet kuraġġużi biex fost l-oħrajn wettaq b’suċċess il-qalba mill-Heavy Fuel Oil għall-gass. Din il-qalba ma għenitx biss biex jitnaqqsu l-emissjonijiet iżda wkoll biex il-Gvern, kif kien wiegħed minn qabel, raħħas il-kontijiet tal-dawl, u anke tal-ilma, għall-familji u n-negozji kollha. Dan is-serħan il-moħħ li ġabet magħha l-politika tal-Gvern preżenti kkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-irkupru ekonomiku li pajjiżna tant kien jeħtieġ u grazzi għal dawn id-deċiżjonijiet għaqlin, ilkoll kemm aħna, qed ingawdu minn stabbiltà ekonomika. Anke fi żmien ta’ kriżijiet globali bħall-pandemija tal-COVID-19 u kunflitti internazzjonali li ġabu u għadhom qed iġibu magħhhom sfidi ekonomiċi kbar, meta l-prezz internazzjonali tal-enerġija għola drastikament, żammejna l-prezzijiet stabbli. L-għoti tas-sussidju fuq l-elettriku u l-fjuwil qabeż il-€1 biljun u għen lill-familji u lin-negozji jibqgħu reżiljenti u kompetittivi. Minkejja li hemm min għadu sal-lum jgħid li dan is-sussidju jrid jitwaqqaf, il-Gvern huwa kommess li jżomm politika ta’ stabbiltà. Fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista, meta l-prezz tal-fjuwil kien jogħla kull xaħar u l-prezz tal-elettriku dejjem jiżdied, kulħadd kien ibati iżda l-aktar li kienu jħossu d-daqqa kienu l-familji u dawk l-aktar vulnerabbli. Aħna mhux se mmorru f’dik it-triq, għax dik mhix il-politika tagħna. Kif diġà intrabatna mal-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-programm elettorali, se nkomplu nħaddmu l-politika tagħna favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u nissussidjaw il-prezz tal-fjuwil, il-gass u l-kontijiet tad-dawl. Minkejja l-pressjoni li saritilna fl-aħħar snin u għadha qed issir, dan il-Gvern se jibqa’ jiddefendi l-politika tal-istabbiltà tal-prezzijiet. Għal dan il-għan, il-Gvern se jkompli jintervjeni biex itaffi l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija u ma jħallihomx jgħaddu direttament fuq il-konsumatur. Dan huwa l-mekkaniżmu konkret li permezz tiegħu l-Gvern qed jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-volatilità fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, filwaqt li jkompli jinċentiva investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika. Dan il-Gvern huwa garanzija ta’ stabbiltà u hekk se jibqa’ jkun fiż-żmien li ġej. Li l-Gvern jibqa’ jagħti s-sussidju hija deċiżjoni strateġika li għandha żewġ għanijiet. L-ewwel għan hu li ma nitfgħux piżijiet fuq in-nies, fuq il-familji. F’mument fejn nafu li madwar id-dinja hawn sfida tal-inflazzjoni u ta’ instabbiltà, il-Gvern qed jagħmel il-parti tiegħu biex jgħin lill-familji u n-negozji. It-tieni għan hu li ċ-ċertezza li qegħdin nagħtu bi prezzijiet stabbli titrasmetti ruħha f’fiduċja fl-ekonomija. Dik il-fiduċja tħalli lill-pajjiż u l-ekonomija mixjin ‘il quddiem. B’hekk nibqgħu noħolqu l-ġid u dak il-ġid nistgħu nqassmuh. Konna, għadna u se nibqgħu innovattivi, proattivi u deċiżivi. L-isfidi li qed iġġib magħha t-tibdil fil-klima u d-domanda, dejjem togħla, għall-elettriku se nkomplu nindirizzawhom ukoll – kemm f’dik li hija ġenerazzjoni, kemm fid-distribuzzjoni u anke fejn tidħol l-affordabilità għall-konsumatur. Din hija ċ-ċertezza li f’dawn l-aħħar snin żammitna ‘l bogħod minn telf ekonomiku jew saħansitra riċessjoni. Din hija ċ-ċertezza li kontinwament baqgħet tagħti lil pajjiżna stabbiltà ekonomika. Din hija ċ-ċertezza li tagħti s-serħan il-moħħ lill-poplu u n-negozji tagħna.

Raħal Ġdid – Triq Għajn Dwieli – WSC – Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta beda x-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) u/jew entitajiet oħra taħt ir-responsabbiltà tagħha fi Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, meta hu skedat li jitlesta x-xogħol u kemm hu stmat li se jiġi jiswa x-xogħol li qed isir f'din it-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-investiment biex isir titjib fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma u fis-sistema tad-drenaġġ fit-triq indikata huwa stmat li se jammonta għal madwar €2.9 miljun u huwa mmirat li jitlesta lejn it-tieni kwart tas-sena 2027.

Raħal Ġdid – Triq Għajn Dwieli – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol li Infrastructure Malta wettqet aktar kmieni din is-sena fi Triq Għajn Dwieli f'Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll f’liema data tlesta x-xogħol ta’ Infrastructure Malta f’din it-triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta wettqet interventi ta’ manutenzjoni temporanja, li kienu jinkludu l-kisi ta’ ħofor kbar u ‘depressions’ li kienu qed joħolqu riskji għall-utenti tat-triq u li ma setgħux jistennew aktar.

Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija – Laqgħa pubblika mal-ERA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex sal-lum għadha ma ngħatat ebda tweġiba għat-talba magħmula f’isem residenti ta’ Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u Santa Luċija sabiex issir laqgħa pubblika mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar il-problema persistenti ta’ rwejjaħ insapportabbli u l-kwalità tal-arja fl-inħawi? Tista’ tgħid ukoll jekk hux ser tintlaqa’ t-talba sabiex issir din il-laqgħa pubblika u, jekk iva, meta ser issir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fil-ġimgħat li għaddew, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kellha laqgħa mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid dwar is-suġġett imsemmi, li matulha ġew diskussi diversi aspetti relatati mal-ilmenti li tqajmu. Għandhom isiru wkoll laqgħat simili ma’ Kunsilli Lokali oħrajn. L-ERA għandha fiduċja sħiħa fir-rwol tal-Kunsill Lokali li jirrappreżenta l-interessi u t-tħassib tar-residenti, kif ukoll li jgħaddi lill-Awtorità l-mistoqsijiet u l-punti ta’ tħassib li jkunu qegħdin jiġu mqajma mill-komunità. F’dan il-kuntest, l-Awtorità tqis li d-djalogu dirett u kontinwu mal-Kunsilli Lokali jipprovdi mezz effettiv biex jiġu diskussi u indirizzati l-materji ta’ tħassib li jaffettwaw lir-residenti.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule – Street furniture

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża totali tal-istreet furniture li ġiet installata jew se tiġi installata fi Pjazza Antoine De Paule, Raħal Ġdid, bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u jagħti rendikont tal-ispiża skont it-tip ta’ street furniture? Jista’ jgħid ukoll jekk din l-istreet furniture hix se tiġi mċaqalqa temporanjament meta jiġu organizzati festi, attivitajiet jew avvenimenti oħra fil-pjazza? Jekk iva, kemm hu stmat li se tkun l-ispiża biex isir dan iċ-ċaqliq u terġa’ titqiegħed f’postha kull darba? Min se jkun responsabbli sabiex jagħmel dan ix-xogħol u minn min se titħallas din l-ispiża?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan l-istreet furniture tpoġġa fil-pjazza minn Infrastructure Malta bħala parti mill-kollaborazzjoni li l-Aġenzija għandha mal-Kunsill Lokali ta’ Paola. Huwa maqbul bejn il-partijiet li l-immaniġġjar tal-għamara, inkluż iċ-ċaqliq temporanju, il-manutenzjoni u t-tisqija, ser ikun f’idejn il-Kunsill Lokali ta’ Paola. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li x-xogħol sar wara proċess skont ir-regolamenti tal-akkwist pubbliku.

Raħal Ġdid – Blokka tal-housing soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ser tittieħed sabiex jinqatgħu l-abbużi, fosthom dawk relatati ma’ sustanzi tad-droga, li qed iseħħu taħt il-blokka tal-housing soċjali ta’ ħdejn is-suq f’Raħal Ġdid? Jista’ jgħid ukoll għaliex minkejja li għal snin twal ilhom isiru appelli mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u minn diversi residenti sabiex f’dan il-post isir rixtellu li jingħalaq matul il-lejl, din it-talba baqgħet ma ntlaqgħetx?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar,  għandha l-poter legali li tinvestiga u tindirizza lmenti relatati mal-oqsma li jaqgħu taħt il-liġijiet kontemplati  fil Il-Kapitolu 261 (L-Att dwar l-Awtorità tad-Djar)  kif ukoll Il-Kapitolu 604 (L-Att dwar il-Kirjiet Residenzjali Privati). Il-ġurisdizzjoni tagħha hija limitata strettament għal kwistjonijiet ta' akkomodazzjoni u kirjiet, u kull meta jkun hemm suspett jew allegazzjoni ta' reati kriminali oħra — bħall-abbuż jew it-traffikar tad-droga — il-każ jiġi mgħoddi immedjatament f'idejn il-Korp tal-Pulizija ta' Malta jew awtoritajiet oħra kompetenti għal aktar investigazzjoni. Bil-għan illi l-informazzjoni tkun waħda preċiża u korretta l-Onorevoli Interpellant qiegħed jiġi mitlub jipprovdi site plan li tindika il-post preċiż imsemmi.

Għases tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema huma l-lokalitajiet li: i.    għandhom għassa tal-Pulizija li qed tkun miftuħa għall-pubbliku; ii.   għandhom għassa tal-Pulizija, iżda din mhix qed tinfetaħ għall-pubbliku; iii.   m’għandhomx għassa tal-Pulizija; u iv.   fil-każ tal-għases imsemmija f’punt (i), x’inhuma l-ġranet u l-ħinijiet li fihom kull għassa tkun miftuħa għall-pubbliku?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ta’ fejn huma l-lokalitajiet bl-għassa miftuħa qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-lokalitajiet l-oħra l-għassa hija magħluqa.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jikkonsisti f’persuni l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Ministeru tiegħu għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Kontinġent għall-laqgħat f’New York

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent li akkumpanjah jew li ntbagħat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga u r-rwol ta’ kull persuna? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali relatata ma’ dan il-kontinġent, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kontinġent Malti f’New York – Settembru 2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent Malti li attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga, ir-rwol u l-ministeru jew l-entità li kull persuna kienet qed tirrappreżenta jew li ġew ingaġġati minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

Kontinġent Malti f’New York – Settembru 2026

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid f'kemm persuni kien jikkonsisti l-kontinġent Malti li attenda għall-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u/jew laqgħat oħra fi New York f’Settembru 2026? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni kollha li ffurmaw parti minn dan il-kontinġent, filwaqt li jindika l-kariga, ir-rwol u l-ministeru jew l-entità li kull persuna kienet qed tirrappreżenta jew li ġew ingaġġati minnha? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża totali ta’ din iż-żjara, kemm dik imħallsa kif ukoll dik li għadha dovuta, b’rendikont separat tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-akkomodazzjoni, it-trasport u spejjeż oħra?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Projections uffiċjali tal-popolazzjoni ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet li jibda jippubblika projections uffiċjali, sena b'sena, dwar kemm hi mistennija tikber jew tonqos il-popolazzjoni ta' Malta fis-snin li ġejjin? Jekk iva, jista' jgħid meta huwa mistenni li jibdew jiġu ppubblikati dawn il-projections?

Response (CARUANA, CLYDE)

B’żieda mat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 1761, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika bħalissa qed jiżviluppa l-metodoloġija meħtieġa biex jipproduċi b’mod regolari projezzjonijiet uffiċjali tal-popolazzjoni għal Malta.

Ċentru Ċensu Moran – Apparat tal-MRI

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa ppjanat li jibda jopera l-apparat tal-MRI li se jkun fil-parti l-ġdida taċ-Ċentru Ċensu Moran?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 1865.

Ċentru Ċensu Moran – Estensjoni – Konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk, meta u b’liema mod il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid ġiex ikkonsultat u/jew infurmat dwar il-pjanijiet għall-estensjoni taċ-Ċentru Ċensu Moran?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. W529.

Ċentru Ċensu Moran – Pjanijiet għall-estensjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-pjanijiet għall-estensjoni taċ-Ċentru Ċensu Moran humiex ser jaffettwaw il-proġett ta’ Infrastructure Malta fil-grawnd ta’ Pace Grasso, li fir-rigward tiegħu diġà ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp bin-numru PA/05565/25? Jekk fl-affermattiv, jista’ jispjega b’liema mod?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. W529.

Ċentru Ċensu Moran – Estensjoni – Permess tal-iżvilupp

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f’liema stadju waslu l-pjanijiet għall-estensjoni taċ-Ċentru Ċensu Moran u jekk ġietx sottomessa applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp lill-Awtorità tal-Ippjanar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti n-numru tal-applikazzjoni?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. W529.

Ċentru Ċensu Moran – Estensjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex tikkonsisti l-estensjoni ppjanata taċ-Ċentru Ċensu Moran?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoni dwar l-estensjoni taċ-ċentru reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran għaddejja ma' diversi speċjalitajiet fil-qasam tas-saħħa, u malli tkun konkluża jsir 'design brief'. Eventwalment jitlesta d-disinn aħħari tal-estensjoni u wara tiddaħħal l-applikazzjoni mal-Awtorita' tal-Ippjanar.