Jista' l-Ministru jgħid kemm pulizija ġew trasferiti lejn Għawdex mill-1 ta' Jannar 2008 sat-8 ta' Marzu 2008? Kemm pulizija ġew trasferiti lejn Għawdex mit-8 ta' Marzu 2008 sat-30 ta' Settembru 2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn 1 ta’ Jannar 2008 sat-8 ta’ Marzu 2008, ġew trasferiti 11-il membru tal-Korp sabiex jagħmlu xogħol Għawdex. Infurmat ukoll illi dan kien sar wara li, kif ġeneralment isir wara kull reklutaġġ, 54 rekluta kienu temmew il-kors ta’ taħriġ u ħadu l-ġurament nhar it-12 ta’ Frar 2008.
Infurmat ukoll illi mit-8 ta’ Marzu 2008 sat-30 ta’ Settembru 2009 kien ġie trasferit membru wieħed tal-Korp għal Għawdex . Ta’ min iżid illi dawn kollha saru fuq talba tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru l-ħlasijiet dovuti lill-Pulizija skond il-ftehim milħuq magħhom fl-1993? Jidhirlu li din il-kwestjoni kellha titwal tant li spiċċajna biex kważi 1,500 pulizija kellhom jispiċċaw iressqu protest ġudizzjarji fil-Qorti sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif semma tajjeb l-Onorevoli Interpellant dwar dan il-każ, issa hemm pendenti protest ġudizzjarju, u għaldaqstant naħseb li l-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li ma jkunx opportun li wieħed jikkummenta dwar dan is-suġġett. Jista' jiżdied li, fi kwalunkwe każ, kien ikun prematur li wieħed jieħu pożizzjoni qabel ma jiġi eżaminat akkuratament il-pretenzjonijiet individwali li jistgħu jsiru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm pulizija jinsabu stazzjonati fiċ-Central Delivery Unit tal-pulizija, biex jitqassmu r-riferiti tal-Qorti u xogħol ieħor konness? Kemm-il motorino hemm assenjat għal dan ix-xogħol u kemm minn dawn fil-fatt għaddew mit-testijiet tal-VRT? Kemm mill-membri stazzjonati f'din il-unit jagħmlu x-xogħol klerikali fiha?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fit-taqsima tas-Central Delivery Office tal-Korp tal-Pulizija, hemm stazzjonati 16-il membru tal-Korp, li minnhom 2 jagħmlu xogħol klerikali konness mal-istess taqsima. Din it-Taqsima għandha għad-dispozizzjoni tagħha 15-il motorino, li 10 minnhom huma ġodda fjamanti u li bdew jintużaw minn din it-Tasima fid-29 ta’ Settembru 2009, filwaqt li l-oħrajn huma f’kondizzjoni tajba. Infurmat ukoll illi l-muturi kollha m’humiex meħtieġa li jsirilhom il-VRT.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — test tal-VRT fuq il-vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx jew le test tal-VRT fuq il-vetturi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jekk fil-fatt isir dan it-test tal-VRT, jista' jgħid kull kemm żmien isir dan it-test?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tiġdid tal-liċenzji ma jsirx jekk ma jkunx hemm ċertifikat tal-VRT, għaldaqstant it-testijiet tal-VRT isiru skont kif tidderġi l-Awtorità dwar it-Trasport.
esperti barranin — studju fuq passa tal-gamiem u summien
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-esperti barranin li qed imexxu l-istudju xjentifiku dwar il-passa tal-gamiem u s-summien f'pajjiżna?
Jista' jgħid ukoll kemm dawn tħallsu s'issa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-espert barrani li qed imexxi l-istudju dwar il-passa tas-summien u gamiem f’pajjiżna hu l-Professur Christos Thomaidis (BSc – University of Texas) (MA Wildlife Management – New Mexico State University) (MA Biological Science – Univeristy of Texas) (Phd Wildlife Management – Aristotle University of Thessaloniki). L-istudju beda fir-Rebbiegħa tal-2007 u dan jintemm fil-Ħarifa tal-2009.
Is-somma miftehma bħala ħlas għal dan ix-xogħol hi ta’ 25,500 Ewro li tinkludi l-ispejjeż taż-żjarat li hu marbut li jagħmel l-espert fi gżiritna matul il-perjodu ta’ l-istudju.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — klieb tat-tfittxija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandux klieb tat-tfittxija? Jekk għandu klieb tat-tfittxija, kemm għandu klieb imħarrġa għal dan ix-xogħol?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħallissa t-taqsima tal-Klieb tal-Protezzjoni Ċivili għandha sitt iklieb. Infurmat ukoll li qed isir ristrutturar u immodernizzar ta’ din l-iskwadra anke permezz ta’ voluntiera u li qed isir tibdil fil-breed tal-klieb eżistenti kif ukoll ser jingħata bidu għal taħriġ ta' ħaddiema u voluntiera f’din is-sezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-akkademja l-ġdida ġewwa Ta' Kandja, imwiegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonlista għall-elezzjoni tas-sena 2008?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għal bidu ta’ din is-sena kienu ġew ippreżentati l-pjanti u dokumenti meħtieġa u fil-preżent l-applikazzjoni għal bini ta’ l-Akkademja tal-Pulizija ġewwa Ta’ Kandja qedha tkun proċessata mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri impjegati mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? F'liema grad huma maqsuma dawn il-membri u kemm hemm membri f'kull grad?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — informazzjoni fuq inmates
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inmates fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fit-30 ta' Settembru 2009? X'nazzjonalità kienu dawn l-inmates? Kemm minnhom kienu nisa? Kemm minnhom kienu rġiel? Kemm minnhom kienu taħt it-18-il sena? Kemm minnhom kienu ta' 'l fuq minn 60 sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sat-30 ta' Settembru 2009 kien hemm 499 priġunier fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Aċċessibilità fl-għases għal persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir f'dawk l-għases li ma joffrux aċċessibilità għal persuni bi bżonnijiet speċjali, sabiex dawn isiru aċċessibbli? Jaf illi fil-fatt jeżistu diversi għases minn dawn fosthom dawk ta' San Ġiljan, Msida, Rabat, Qawra, Rabat (Għawdex) u oħrajn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fix-xogħol li qiegħed isir fl-Għasses tal-Pulizija, hemm maħsub ukoll illi jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex dawn ikun aċċessibli minn kulħadd.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-pulizija li sat-30 ta' Settembru 2009 kienet inħarġitilhom liċenzja li jistgħu jżommu fuqhom arma tas-servizz?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sat-30 ta’ Settembru 2009 kien hemm 1,631 membru tal-Korp tal-Pulizija kwalifikat li jġorr arma tan-nar tas-servizz.
Pulizija — eżerċizzju ta' sparar mingħajr protezzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid min ordna li l-pulizija jiġu ordnati jagħmlu eżerċizzju ta' sparar bla ebda protezzjoni tal-widna fir-range tal-Furjana? X'background mediku għandu min ordna dan l-eżerċizzju? Sar xi forma ta' studju biex jiġi stabbilit x'inhuma l-effetti fuq is-smiegħ tal-pulizija minn tali eżerċizzju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-taħrig li jingħataw il-membri tal-Korp tal-Pulizija dwar l-użu ta’ armi tan-nar huwa maqsum fi tnejn – parti tiffoka l-aktar fuq l-użu tal-arma minn pozizzjoni statika u parti li tikkreja sitwazzjonijiet rejali li fihom membru tal-Korp jista jsib ruħu fihom waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Infurmat ukoll illi waqt il-parti tat-taħriġ minn pozizzjoni statika li jsir fir-range tal–Furjana, il-membri tal-Korp dejjem jiġu provduti b’apparat protettiv kemm għall-widnejn, kif ukoll għall-għajnejn.
Waqt il-parti l-oħra ta’ dan it-tip it-taħriġ, li jkun jixbaħ sitwazzjonijiet rejali meta l-pulizija jkollu jiġri jew b’xi mod ieħor jitħabat qabel ma jsib ruħu f’sitwazzjoni fejn ikun hemm possibilta' li jkollu juża arma tan-nar, l-ilbies ta’ dan l-apparat jista' jkun ta’ periklu jew tfixkil kemm għalih kif ukoll għal ħaddieħor.
Barra minn hekk, huwa wkoll parti mportanti fit-taħriġ, li l-membru tal-Korp jesperjenza hu personalment il-ħoss proprju li jiġi kkawżat kull darba li jiġi sparat tir minn arma tan-nar.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — vakanza fil-grad ta' direttur
Question
Ladarba se tinħoloq vakanza fil-grad ta' direttur fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minħabba li l-persuna llum inkarigata waslet biex tispiċċa bl-età, jista' l-Prim Ministru jgħid:
a) kemm kien hemm applikazzjonijiet għal tali post wara s-sejħa riċenti li saret?
b) meta hu mistenni li jsiru l-interviews biex jimtela dan il-post, anke fid-dawl li tilħaq issir hand over adegwata?
Korp tal-Pulizija — xogħol extra f'Evans Building - ħlas
Question
Jista' l-Ministru jgġid meta se jibdew jitħallsu dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija li jagħmlu xogħol extra mal-uffiċċju elettorali f'Evans Building, il-Belt Valletta? Jaf illi dawn ilhom ma jitħallsu għal dawn l-aħħar disa' xhur, sa minn Jannar 2009? Ma jidhirlux illi dan id-dewmien ta' aktar minn disa' xhur issa qabeż kull limitu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-ħlas dovut lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għal xogħol extra mal-uffiċċju elettorali f'Evans Building bejn Jannar u Awwissu ta' din is-sena qed jinħadem u ser jitħallas mal-paga tal-bidu ta' Diċembru 2009.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il għassa tal-pulizija, jew fond użat mill-pulizija hu b'kirja mill-privat? Liema huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi, hemm 29 Għassa tal-Pulizija mikrija mingħand il-privat. Dawn huma Attard, B'Kara, Ħad Dingli, Fgura, Għajnsielem, Għarb, Għargħur, Għasri, Gudja, Gżira, Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Marsa, Marsaxlokk, Mellieħa, Imqabba, Nadur, Qrendi, Ħal Safi, San Ġwann, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Xewkija, Xgħajra, Ħaż-Żebbuġ, iż-Żebbuġ (Għawdex), Żurrieq u Ħal Qormi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm waslu immigranti illegali f'pajjiżna matul din is-sena sat-30 ta' Settembru 2009?
Kif kien imqassam dan in-numru a) xahar xahar u b) bil-pajjiż ta' oriġini?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bomb scares/theddid ta' bombi fil-bini tal-Qorti mill-1 ta' Jannar 2009 sat-30 ta' Settembru 2009? Kif kienu mqassma dawn xahar b'xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru ta' din is-sena kien hemm 11-il bomb scare fil-bini tal-Qorti. Dawn kienu maqsuma kif ġej:- :
Jannar 3
Marzu 1
April 2
Mejju 2
Ġunju 1
Lulju 1
Settembru 1
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8634, ladarba l-inkjesta maġisterjali dwar is-sejba tal-mediċina folza bl-isem Plavix skont il-Ministru ġiet magħluqa fl-24 ta' Ottubru 2008, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Pulizija? Jekk ma ttieħdu l-ebda passi, jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm milli dan isir?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi f'dan il-każ qwd ikun segwita l-proċedura skont l-artiklu 100 tal-Att dwar il-Mediċina (Kap 458).
esperti barranin — studju fuq passa tal-gamiem u summien
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-esperti barranin li qed imexxu l-istudju xjentifiku dwar il-passa tal-gamiem u s-summien f'pajjiżna?
Jista' jgħid ukoll kemm dawn tħallsu s'issa?
studju xjentifiku dwar passa tal-gamiem u summien — ħlas lil osservaturi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies ossia osservaturi li qed jieħdu sehem fl-istudju xjentifiku dwar il-passa tal-gamiem u summien f'pajjiżna u b'liema rata qed jitħallsu? Jista' jgħid ukoll meta se jsiru l-ħlasijiet dovuti lil dawn l-osservaturi u li għandhom jieħdu tal-osservazzjonijiet li saru fir-rebbiegħa 2008, fil-ħarifa 2008 u fir-rebbiegħa 2009?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm wieħed u sebgħin (71) osservatur li qed jieħdu sehem fl-istudju imsemmi, u dawn jitħallsu b’rata ta’ Ewro 2.91 fis-siegħa.
Il-ħlasijiet dovuti qed jiġu proċessati.