Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #37690 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — Performance bonus

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra, jekk mis-sena 1993 sal-lum sarux il-ħlasijiet tal-performance bonus lill-uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija u dan skont il-ftehim ta' Ġunju 1993? Jekk saru tali ħlasijiet, ta' performance bonus, f'liema perċentwali saru tali ħlasijiet u lil min saru sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-records miżmuma jirriżulta illi l-ħlasijiet ta’ performance bonus bdew isiru, skont kif ipprovdut mid-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija ta’ Ġunju 1993, mill-1995, bl-ewwel pagament ikopri l-perjodu Ġunju 1993 - Diċembru 1994. Il-bonus ingħata lill-fizzjali kollha fil-grad ta’ Supretendent jew ogħla, skont l-imsemmi Dokument. L-aħħar pagament li sar kien ikopri is-sena 2011.
Leg 11 PQ #37003 Sitting 509 2012-10-16 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — pulizija fis-support group

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm pulizija fil-preżent (datata 8 ta' Ottubru 2012) fis-support group tal-Korp tal-Pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li minħabba li din hija materja li timpatta fuq is- sigurtà nazzjonali, ma jkunx għaqli li wieħed jiżvela n-numru tal-membri tal-Korp li qegħdin jitħarrġu fis-support group.
Leg 11 PQ #36921 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Ħabsin — programm għal kura mill-vizzju tad-droga

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm hemm persuni fil-ħabs ta' Kordin li kienu qed jistennew biex immorru l-programm għal kura mill-vizzju tad-droga fl-1 ta' Ottubru 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fuq l-aħħar laqgħa tal-PSAAB, li huwa l-Bord li jikkunsidra l-applikazzjonijiet għal dawn il-programmi, li saret fis-17 ta’ Settembru 2012, kien hemm tmien (8) persuni fuq l-iskeda. Fis-seduta li jmiss, dik ta’ Ottubru, dawn jiġu evalwati u dawk li jkunu meqjusa eliġibbli jmorru l-programm.
Leg 11 PQ #36922 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Prision Substance Abuse Advisory Board

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm ilu wieqaf il-Prision Substance Abuse Advisory Board? X'inhi r-raġuni wara dan in-nuqaas ta' funzjonament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-aħħar laqgħa li saret mill-Prison Substance Abuse Advsory Board kienet fis-17 ta’ Settembru 2012. Il-laqgħa li jmiss hija skedata għal nofs Ottubru 2012. Bħalma dejjem kienet il-prassi, l-bord ma ltaqgħax matul ix-xahar ta’ Awwissu.
Leg 11 PQ #36923 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Substance Abuse Therapeutic Unit magħluq

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm ilha magħluqa l-faċilità tas-Substance Abuse Therapeutic Unit? Jista' jgħid meta hu mistenni li din il-faċilità terġa tibda topera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-aħħar persuni li kienu qed jattendu programm fis-SATU kien Marzu 2012. Minn dak iz-zmien l’hawn qed isir refurbishment strutturali ta’ din il-Faċilità. Infurmat li din il-binja kellha bżonn ammont ta’ manutenzjoni. Dan kien meħtieġ partikolarment peress li, fid-dawl tal-provvedimenti tal-Liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi, l-programmi ta’ riabilatazzjoni mistennija jiżdiedu għax ma jkunux biss limitati għal priġunieri li jkunu servew il-parti l-kbira tas-sentenza tagħhom. Ix-xogħol qiegħed fi stadju avvanzat u huwa mistenni li din terġa tibda topera fi żmien qasir.
Leg 11 PQ #36924 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Kordin — faċilità Yors

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra meta hu mistenni li l-YORS toħroġ fl-aħħar mill-Ħabs? Fejn se tiġi allokata din il-faċilità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġett ta’ rilokazzjoni tal-YOURS ġie propost għall-ko-finanzjament taħt il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż 2009-2014. Huwa maħsub li l-proġett jiġi approvat għal ko-finanzjament fl-ewwel kwart tal-2013. It-terminu tal-proġett huwa ta’ tlett snin għalkemm hija l-intenzjoni li sakemm huwa possibbli jitlesta qabel dan id-deadline. Il-proċess twal xi ftit għax ġew kkunsidrati żewġ siti differenti u, wara li saru xogħolijiet preparatorji fejn jidħlu disinji u permessi tal-MEPA għar-rigward tal-ewwel sit li ġie kkunsidrat, u li kien jippreżenta ċertu diffikultajiet strutturali u ambjentali, issa qiegħed jiġi studjat post ieħor li, jekk jingħata l-permessi meħtieġa, għandu jkun iktar adattat u jinvolvi spiża kapitali aktar kontenuta u żmien iqsar biex jitlesta.
Leg 11 PQ #37001 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Immigranti — rapporti ta' telf ta' dokumenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-awtoritajiet kkonċernati fir-rigward ta' immigranti li konsistement qed jirrappurtaw li jkunu tilfu d-dokumenti uffiċjali tagħhom bħal ma huma passaporti, karti tal-identià Maltin u l-Police Immigration Certificate?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li kull dokument irrapportat mitluf jittieħed notament tiegħu sabiex ma jkunx jista' jintuża ladarba jinstab. Barra minn hekk, bħal ma jsir fil każijiet kollha ta’ dokumenti irrapportati nieqsa, l-persuna li tirrapporta hija mitluba tieħu ġurament rigward it telf. Kull każ ta’ rapport li jkun suspettuż jiġi investigat. Infurmat ukoll li matul din is-sena sa l-aħħar ta’ Settembru f’Malta ġew irrapportati bħala mitlufa dokumenti uffiċjali kif ġej:- Document Type Total DRIVING LICENCE 1406 ID CARD OR SIMILAR 8598 PASSPORT 836 RESIDENCE PERMIT 14 Grand Total 10854
Leg 11 PQ #37002 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

immigranti — talb għax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati, anke fid-dawl tad-diversi rapporti li saru, rigward l-ammont ta' immigranti li ta' kuljum qegħdin jinġabru speċjalment fil-Marsa sabiex jittalbu x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul din is-sena l-Pulizija ma rċiviet ebda ilmenti/rapporti li xi nies ġew iffastidjati minn immigranti irregolari sabiex jingħatalhom xogħol.
Leg 11 PQ #36695 Sitting 506 2012-10-09 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ittra lill-Malta Police Association rigward overtime tal-pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja uffiċjali tal-ittra mibgħuta mill-Uffiċċju tiegħu mill-assistent personali tiegħu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament lill-Malta Police Association, rigward il-ħlas mitlub mill-pulizija għall-overtime skont il-ftehim tal-1993?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidhirli li l-korrispondenza mitluba għandha tiġi ppubblikata mill-assoċjazzjoni, jekk hi jidrilha li għandha tagħmel hekk.
Leg 11 PQ #36696 Sitting 506 2012-10-09 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Ġbir ta' derelict vehicles

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra: a) meta kienet l-aħħar data li fiha l-pulizija ġabret derelict vehicles ; b) meta hu mistenni li jerġa' jibda dan is-servizz; u ċ) kemm-il vettura qegħdin jinżammu fil-preżent ġewwa Ta' Kandja u ġewwa l-compound ta' Saint Andrews?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-aħħar darba li l-pulizija ġabret vettura abbandunata kien nhar is-26 ta’ Settembru 2012. Għandu jingħad illi dan is-servizz qatt ma waqaf u qed isir bil-kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, li skont ir-regolamenti dwar l-Ikklampjar u t-Tneħħija ta’ Vetturi bil-Mutur u Oġġetti ta’ Ingombru, huma wkoll awtorizzati li jneħħu dawn il-vetturi. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 350 vettura miżmuma ġewwa Ta’ Kandja u 421 fil-compound ta’ St Andrews.
Leg 11 PQ #36697 Sitting 506 2012-10-09 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — uffiċini u sezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema huma l-uffiċni/sezzjonijiet li hemm fil-Korp tal-Pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, organogramma tal-Korp tal-Pulizija li tispjega fid-dettal ta' kif hu mqassam il-Korp tal-Pulizija fid-diversi taqsimiet tiegħu.
Leg 11 PQ #36668 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Għasses tal-Pulizija mingħajr sistema ta' PIRS II

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk għadx fadal għasses tal-pulizija mingħajr sistema ta' PIRS II fit-30 ta' Settembru 2012? Jekk iva, liema huma dawn l-għasses tal-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fil-preżent l-Għasses f’dawn il-lokalitajiet għadhom mingħajr is- sistema kompjuterizzata PIRS II: Tarxien Mqabba Għargħur Għarb Għasri Birgu Qrendi Mġarr M’Forn San Lawrenz Isla Safi Għadira Żebbuġ Fontana Kalkara Kirkop Ċirkewwa Sannat Munxar Xgħajra Sta. Venera Xagħra Qala Għaxaq Dingli Nadur Għajnsielem Gudja Mdina Xewkija Xlendi M’Xlokk Attard Kemmuna Kerċem Minn żmien għall żmien dawn il-lokalitajiet jiġu evalwati a bażi tad-demografija, it-topografija kif ukoll punti oħra. Fil-fatt f’dawn l-aħħar 4 snin din is-sistema ġiet introdotta għall lewwel darba fil-lokalitajiet tal-Floriana, Siġġiewi, Sta Luċia, Marsa, Mtarfa, Balzan u San Pawl il-Baħar. Barra minn hekk qed isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex is-sistema tal-PIRS tkun introdotta wkoll għall-ewwel darba f’dawn il-lokalitajiet – Ċirkewwa (ferry terminal), Kalkara (Smart City) u Mġarr (ferry terminal).
Leg 11 PQ #36669 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — fixed points

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm attwalment qed isiru fixed points fuq bażi ta' kuljum mill-membri tal-Korp tal-Pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi bħalissa hemm 19 il-point fejn issir għassa statika mill-Pulizija. Uħud minn dawn huma fuq bażi ta’ 24x7, oħrajn matul il-lejl u xi wħud matul il-ġurnata.
Leg 11 PQ #36670 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Laqgħat uffiċjali bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa uffiċjali saret bejn il-Ministeru tal-Intern u l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija bejn id-dati l-1 ta' Jannar 2008 u 30 ta' Settembru 2012? X'kienu d-dati ta' dawn il-laqgħat uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #36671 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Pulizija re-instated

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew re-instated pulizija f'dawn l-aħħar erba' xhur sat-30 ta' Settembru 2012, xahar b'xahar? F'liema grad huma dawn il-pulizija? Kemm minn dawn il-pulizija re-instated kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-ewwel ta’ Ġunju u l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena kien hemm 4 membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew reinstated, kollha f’Ġunju. Dawn kienu Surġent mara u 3 kuntisabbli rġiel.
Leg 11 PQ #36672 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Rekwiżiti biex tidħol fil-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'kienu r-rekwiżiti sabiex persuna, kemm raġel u kemm mara, setgħet tidħol fil-Korp tal-Pulizija, fl-aħħar ħames intakes?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi r-rekwiżiti sabiex persuni, kemm irġiel kif ukoll nisa, setgħu japplikaw għall ingaġġ bħala kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija kienu dawk kif pubblikati fil-Gażżetti tal-Gvern kif ġej: 7 ta’ Settembru 2007, paġna 8281; 10 ta’ Marzu 2009, paġna 2179; 18 ta’ Mejju 2010, paġna 4282; 8 ta’ April 2011, paġna 2807; 8 ta’ Mejju 2012, paġna 7191. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji rispettivi ta’ dawn is-sejħiet.
Leg 11 PQ #36673 Sitting 505 2012-10-08 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Inmates eskortati l-Qorti

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kien hemm inmates li riedu jiġu eskortati l-Qorti nhar it-28 ta' Ġunju 2012? Kemm kien hemm pulizija xogħol bħala skorta ma' dawn l-inmates fl-istess ġurnata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li nhar it-28 ta’ Ġunju 2012 kien hemm 39 inmate li ġew skortati l-Qorti. Għal raġuni ta’ sigurtà ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dwar skorta li tintuża f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Leg 11 PQ #35852 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

reati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34600 u jinforma lil din il-Kamra kemm saru reati fis-snin 2012 u 2011, lokalità b'lokalità u x'tip ta' reati kienu dawn? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-reati kienu solvuti mill-Korp tal-Pulizija kategorija b'kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi r-rejati li ġew irrapurtati lill-Pulizija mill-1 ta’ Jannar tas-sena l-oħra sa l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena, klassifikati bil-lokalità u t-tip ta’ rejat irrapurtat. Ninsab infurmat illi t-tagħrif kif mitlub fl-aħħar parti tal-mistoqsija mhux disponibbli taħt forma kompjuterizzata.
Leg 11 PQ #35853 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — membri li weġgħu jew mietu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34691 u jinforma lil din il-Kamra kemm pulizija weġġgħu u/jew tilfu ħajjithom matul il-qadi ta' dmirijiethom sena b'sena mis-sena 2002 sas-sena 2011? F'liema rank kienu dawn il-pulizija? Isir rapport jew le fuq kull tali inċident li jseħħ mir-rappreżentant tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-Korp tal-Pulizija? Jekk isir tali rapport, xi jsir minn tali rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li weġġgħu waqt li kienu xogħol bejn is-sena 2002 u s-sena 2011 huwa skont it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Għalkemm ma jsirx rapport mir-rappreżentant tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-xogħol tal-Korp tal-Pulizija, għandu jingħad illi kull inċident li jkun irrappurtat minn membri tal-Korp li jweġġgħu waqt li jkunu xogħol, ikun investigat mill- injuries board li huwa mmexxi mit-tabib tal-Korp.
Leg 11 PQ #35856 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Assoċjazzjoni tal-Pulizija — ħlas dovut għas-sigħat żejda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara li sa ftit taż-żmien ilu l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija kienet ġiet offruta l-pakkett ta' €7 miljuni bħala kumpens għas-sigħat żejda li nħadmu minn membri tal-Korp tal-Pulizija, issa f'daqqa waħda l-Assoċjazzjoni rċeviet korrispondenza fis-sens li l-ebda kumpens ma huwa dovut? Jista' jgħid b'mod ċar u inekwivoku x'se jiġri fuq din il-kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li wara li saret analiżi mill-ġdid tal-provvedimenti tal-Ftehim li kien daħal fis-seħħ f’Ġunju tal-1993, kif ukoll taċ-Ċirkulari tal-Pulizija Numru 63/93 ta’ Settembru tal-istess sena, ġie ikkonfermat li t-talba għal kumpens magħmula mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija għar-rigward ta’ overtime kienet bla bażi. Madankollu, l-Gvern u l-Assoċjazzjoni qegħdin jaħdmu flimkien biex, fl-iqsar żmien possibli, jidħlu fis-seħħ miżuri li permezz tagħhom tiġi konsolidata l-ħdima tal-Korp tal-Pulizija u jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijet tax-xogħol tal-membri tiegħu.