Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — posts ta' diretturi vakanti
Question
Jista' l-Ministru jgħid lil din il-Kamra liema huma dawk il-posts ta' diretturi fil-Ministeru tiegħu illi huma vakanti? Jista' jgħid kemm dawn il-posts ilhom hekk vakanti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant dwar il-postijiet vakanti ta’ Diretturi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali hija kif tidher hawn taħt:
Postijiet Vakanti
Kemm ilhom Vakanti
Direttur Ġenerali
(Strategy and Support)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mill-5 ta’ Jannar, 2010.
Direttur Ġenerali
(Tindif u Manutenzjoni)
Vakanti mid-9 ta’ Novembru, 2009 minħabba li d-Direttur Ġenerali laħaq l-eta ‘ tal-irtirar, pero ġiet mgħotija lilu estensjoni sat-8 ta’ Novembru, 2010.
Direttur
(Financial Management)
Vakanti mill-14 ta’ Ġunju, 2010.
Direttur (Regolazzjoni Veterinarja)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mit-22 ta’ Marzu 2002
Direttur (Agrikoltura)
Vakanti mill-15 ta’ April, 2008.
Direttur (Ħarsien tal-Annimali, Promozzjoni u Servizzi)
Vakanti mis-6 ta’ April, 2010.
Direttur (Parks, Afforestazzjoni, Restawr tal-Kampanja u Inizjattivi)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mill-24 ta’ Novembru, 2008.
Direttur (Manutenzjoni)
Dan huwa post ġdid u ilu vakanti mill-5 ta’ Jannar, 2010.
Raid tal-pulizija fil-każin nazzjonalista tal-Mosta
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le dak li deher fil-ġurnal tal-Ħadd, 10 ta' Ottubru 2010 fejn ġie rapportat illi uffiċjali tal-Pulizija avżaw minn qabel illi kellu jsir raid tal-Pulizija fil-Każin Nazzjonalista tal-Mosta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant ma jirriżultax.
Permenent Secretary — mara impjegata taħt ir-responsabilità tiegħu
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le illi l-Permanent Secretary fil-Ministeru tiegħu għandu l-mara tiegħu impjegata f'post illi jaqa' taħt ir-responsabilità tal-istess Permanent Secretary?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li l-mara tal-Permanent Secretary taħdem f’ wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Konformi mal-paragrafu 7.1.6.3 tal-Public Service Management Code (PSMC), qatt ma rriżulta li kien hemm sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-aħħar darba li l-gvern ħallas lil dawk iċ-ċittadini li ttieħditilhom l-art sabiex jinfetħu toroq? Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern se jħallas lil dawk li għadhom jistennew li jsir il-ħlas dovuti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoi Interpellant illi l-proċess tal-ħlas liċ-ċittadini li tteħditilhom l-art sabiex jinfetħu toroq huwa wieħed kontinwu. Minn meta kien hemm emendi fl-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet fis-sena 2003, is-sidien ta’ l-art li ttieħdet mill-Gvern wara din id-data, kollha ġew ikkumpensati kemm-il darba ssottomettew it-titlu tagħhom fuq l-art. Il-kumpens dovut rigward artijiet li ttieħdu qabel l-2003, qiegħed jitħallas skont fondi allokati għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra fiex waslu il-preparamenti jekk fil-fatt qed isir xi ħaġa dwar l-eżerċizzju tat-tiġdid tal-karti tal-identità li llum jinsabu effettivament kollha skaduti, u għadhom in vigore biss bħala riżultat ta' diversi avviżi legali maħruġa mill-gvern?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 17405, 19442 u 19777.
Ladarba l-Ministru u l-Gvern presenti esprimew ruħhom favoralment għall-proposta laburista li l-pulizija jkunu jistgħu jissieħbu fi trade union, jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jressaq l-leġislazzjoni relattiva sabiex dan ikun jista' jseħħ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Interpellanza Numru 15127 u ngħarrfu li d-diskussjonijiet mal-Malta Police Association għadhom għaddejin.
Jista' l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni rikjesta hawn taħt:
a) X'kien il-valur globali, inkluż VAT ta' importazzjoni ta' armi minn persuni fil-kapaċità personali tagħhom, maqsuma sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009, jew fl-aħħar sena li din il-figura hi magħrufa?
b) X'kien il-valur gglobali inkluż VAT, ta' importazzjoni ta' aċċessorji relatati ma' target shooting minn persuni fil-kapaċità personali tagħhom, maqsumin sena b'sena bejn is-snin 2000 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija maqsuma f’diversi HS codes u li l-prodotti klassifikati f’dawn l-HS codes jistgħu jinkludu armi u aċċessorji li mhumiex tan-nar.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant ukoll li l-Uffiċċju ma jiġborx statistika dwar persuni li jimpurtaw prodotti (inkluż armi) f’kapacità privata mill-UE mill-1 ta’ Mejju 2004 ’il quddiem. Id-dikjarazzjoni supplimentari (Intrastat) tkopri biss importazzjoni mill-pajjiżi tal-UE li ssir minn persuni u entitajiet li huma rreġistrati mal-VAT.
Informazzjoni dwar l-importazzjoni ta’ armi tan-nar (
firearms
) tista’ ukoll tkun disponibbli mill-Kummissarju tal-Pulizija. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra meta se joħroġ l-applikazzjonijiet fi Transport Malta sabiex enforcement officers ikunu jistgħu jilħqu senior enforcement officers? Jista' jgħid x'se jkunu l-kriterji għal tali promozzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta tagħmel sejħiet għal applikazzjonijiet għal-impjieġ magħha meta u jekk ikun hemm bżonn. Il-kriterji għal tali pożizzjonijiet ikunu ppubblikati meta toħroġ is-sejħa.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra xi strutturi jeżistu sabiex jiġi assigurat illi servizzi offruti fid-djar tal-anzjani jkunu ta' livell mixtieq, inkluż ukoll f'dak li hu kwalità tal-ikel offrut? Meta l-aħħar li saru spezzjonijiet għal dan il-għan fid-dar tal-anzjani ta' Bormla? X'kien l-eżitu ta' tali spezzjonijiet partikolarment fid-dawl tal-fatt tad-diversi lmenti mressqa fir-rigward tal-ikel offrut f'din id-dar tal-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Djar tal-Anzjani — ħtieġa ta' operazzjoni jew kura medika minn residenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-arranġamenti eżistenti għall-anzjani residenti fid-djar tax-xjuħ illi jkollhom bżonn imorru l-isptar għal xi operazzjoni jew kura medika?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li meta anzjan ikun se jidħol bħala resident f’xi dar tal-anzjani, jiġi ffirmat kuntratt li jobbliga lill-istess anzjan u l-qraba tiegħu li xorta jibqgħalhom id-dmir li jgħinu u jakkumpanjaw lir-resident għal xi operazzjonijiet jew kura medika fl-isptar.
Madankollu, meta dan ma jkunx possibli, id-dipartiment joffri trasport u akkumpanjament minn carer.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk hux minnu jew le li l-banda tal-Forzi Armati ta' Malta qed tagħti servizzi ta' daqq meta jidħol xi cruiseliner f'Malta? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid hux qed isir ħlas għal dan? Kemm hu l-ħlas għal kull servizz u min qed jieħu tali flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta qatt ma pprovdiet servizzi mużikali kull meta kien hawn xi mawra ta’ xi cruiseliner f’Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex persuni li kienu fuq light duty fil-Korp tal-Pulizija ġew mitluba illi, jew jilbsu l-uniformi u jagħmlu taħriġ fiżiku jew jirrikunsidraw l-pożizzjoni tagħhom fil-pulizija? X'assessment sar li dawn fil-fatt kienu fi stat ta' saħħa li jagħmlu dan it-taħriġ fiżiku u minn min sar tali assessment?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija ħasset il-ħtieġa li tadotta proċedura fir-rigward ta’ dawk il-membri tal-Korp li minħabba l-istat ta’ saħħithom, ma jkunx jippermetti li dawn jaqdu il-firxa sħiħa tad-doveri rikjesti minn membru tal-Korp. Dan sar sabiex minflok ma jibqgħu barra bis-sick leave, fejn jista’ ukoll ikun hemm konsegwenzi finanzjarji, dawn ikunu jistgħu jidħlu għax-xogħol u jkunu assenjati doveri kompatibbli mal-istat ta’ saħħa tagħhom skont il-parir mediku. Għaldaqstant kemm l-ilbies tal-uniformi kif ukoll it-taħriġ fiżiku isir skont kif ikun jimmerita l-każ u mhux fuq regola ġenerali.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-pulizija jiġu provduti b'pocket uffiċjali sabiex il-pulizija pajżana jkunu jistgħu jpoġġu l-ID uffiċjali tal-pulizija fih u b'hekk tkun ħaġa aktar preżentabbli waqt il-qadi ta' dmirijithom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp huma diġà attrezzati b'pocket book uffiċjali fejn fuq naħa minnhom dan għandu post li jista' jintuża biex tinżamm il-karta tal-identità tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex hemm biss tmien cameras tar-ritratti available fis-sezzjoni tal-forensika tal-pulizija, meta fil-fatt hemm bżonn ta' għaxra? Jidhirlu li mhix professjonalità illi cameras jiġu mislufa minn id għal oħra? Jekk dan hu dovut għall-fatt illi l-fondi tal-Unjoni Ewropea swew biss għal tmien cameras, ma jidhirlux illi setgħu instabu fondi minn pajjiżna biex inxtraw it-tnejn l-oħra? Jista' jgħid jekk dan hux il-mod kif qed jitmexxa l-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima tal-Forensika tal-Korp tal-Pulizija għandha għad-dispozizzjoni tagħha biżżejjed kameras tar-ritratti sabiex taqdi il-ħtiġijiet li jinqalgħu. Infurmat ukoll illi l-mod ta’ kif u meta jinbidel l-apparat li jagħmel użu minnu l-Korp, huwa materja amministrattiva.
Art fejn hu ppjanat li jinbena l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Iklin
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk l-art fejn hu ppjanat li jinbena l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Iklin hijiex art tal-gvern jew tal-privat? Jekk din l-art hi tal-gvern, allura l-art in kwestjoni ġiet devoluta fuq il-Kunsill Lokali tal-Iklin? Saret konsultazzjoni fuq dan il-bini propost mir-residenti tal-Iklin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-art fejn hu ppjanat li jinbena l-Uffiċċju Amministrattiv tal-Kunsill Lokali tal-Iklin hija proprjetà tal-Gvern. Ninsab infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Iklin, wara li għamel talba għad-devoluzzjoni ta’ din l-art, għandu f’idejh abbozz ta’ ftehim mat-Taqsima Proprjetà tal-Gvern u li mistenni jkun iffirmat fil-ġimgħat li ġejjin. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Iklin nieda eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika bejn il-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 ta’ Mejju 2010 u nforma lir-residenti tal-lokalità dwar il-proġett permezz ta’ ċirkolari, kif ukoll permezz ta’ avviżi ppubblikati fil-gazzetti lokali.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-kmamar tan-nar? Ta' fejn/min huma dawn l-applikazzjonijiet pendenti? Kemm ilha pendenti kull waħda minnhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha seba' (7) applikazzjonijiet għal żvilupp li jirrigwarda kmamar tan-nar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-applikant u d-data tal-validazzjoni ta' kull applikazzjoni.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "
fire
" jew "nar".
Jista' l-Ministru jgħid kemm pulizija u minn liema distretti u sezzjonijiet ġew assenjati għal dmirijiet mat-Taqsima tal-ALE matul ix-xhur ta' April u Mejju 2010, meta fil-fatt ix-xogħol regolari tagħhom hu f'taqsimiet oħra jew fid-distretti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16296.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-kontirbuzzjoni tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta għall-avveniment tal-World Strongest Man li sar f'Malta f'Settembru/Ottubru 2009? Min kienu l-organizzaturi lokali involuti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Organizzaturi kienu Sports Promotions Malta u l-kontribuzzjoni totali tal-Awtorità tat-Turiżmu għal din l-inizjattiva tal-World’s Strongest Man, li l-programm televiżiv dwaru xxandar kemm-il darba madwar id-dinja kollha, kienet ta’ ħmistax-il elf Ewro (Ewro 15,000).
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent min hu responsabbli mit-tindif tal-istrumenti tal-Pulizija, oġġetti tar-ramm u armar ieħor? Kemm persuni kienu tefgħu tender għal dan il-kuntratt qabel ma ngħata? Fuq liema merti ingħata dan il-kuntratt?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma hemm ebda tender u ma ngħata ebda kuntratt għat-tindif ta’ strumenti, oġġetti tar-ramm u armar ieħor mill-Korp tal-Pulizija. Infurmat ukoll li kull membru tal-Korp li jagħmel użu minn xi għodda jew apparat tal-Korp, huwa fl-obbligu li jagħmel użu tajjeb minnu kif ukoll li jżommu fi stat tajjeb.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra meta se joħroġ l-applikazzjonijiet fi Transport Malta sabiex enforcement officersjkunu jistgħu jilħqu senior enforcement officers? Jista' jgħid x'se jkunu l-kriterji għal tali promozzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.