Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizzi tad-drenaġġ — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm servizzi tad-drenaġġ b'lura? Kemm hu l-perjodu ta' stennija bejn l-applikazzjoni għal dan is-servizz u l-ġurnata li jingħata s-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għandha numru ta’ talbiet għal estensjoni ta’ sistema tad-drenaġġ. Wara li l-Korporazzjoni tlesti dawn l-estensjonijiet, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti biex iqabbdu s-sistema tad-dar mas-sistema pubblika tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni għandha 25 talba għal estensjoni tad-drenaġġ. Il-Korporazzjoni tipprijoritizza dawn ix-xogħlijiet skond kemm taqdi konsumaturi bir-riżorsi finanzjarji allokati għal dawn ix-xogħlijiet. Il-Korporazzjoni toffri servizz b’xejn ta’ tbattil ta’ fosos ta’ residenzi domestici fejn ma hemmx is-sistema pubblika tad-drenaġġ.

Nies li jitqiesu homeless — għajnuna mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li jitqiesu homeless u għaliex dawn ma jsibux għajnuna mill-Gvern, allura jaqgħu dipendenti fuq l-NGOs bħal ma huma l-YMCA?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-Awtorita' tad-Djar għandha 122 applikazzjoni minn persuni li jitqiesu homeless li jinkludu persuni li qegħdin ġo sheltered homes jew ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin. Mhux assolutament il-każ li dawn il-persuni ma jsibx għajnuna mill-Gvern. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu kkunsidrati u mogħtija l-prijorita' li jixirqilhom fid-dawl tan-numru ta' postijiet disponibbli biex jiġu allokati. Ta min jgħid li din il-kategorija ta' persuna tista' tibbenifika minn skemi ta' l-Awtorita' tad-Djar bħal dik dwar sussidju fuq il-kera. Inżid ukoll li l-entitajiet u organizzazzjonijiet volontarji li jagħtu kenn u sapport lil dawn il-persuni, normalment jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern għal dan l-iskop.

social housing għal familji b'persuna b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familiji b'persuni b'diżabilità li qed jistennew għal social housing? Kemm ilhom jistennew mid-data tal-applikazzjoni tagħhom u xi prospetti hemm biex jingħataw akkomodazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar għandha 457 applikazzjoni pendenti għal akkomodazzjoni alternattiva minn persuni b’diżabilita’, li minnhom 274 għandhom diżabilita’ relatata mal-mobilita’. L-aktar applikazzjoni antika hi tas-sena 1988. Kif żgur taf l-Onor. Interpellanti, l-għoti ta’ akkomodazzjoni altenattiva jiddependi minn diversi fatturi fosthom il-lokalita’ preferita u n-numru ta’ kmamar tas-sodda li l-applikant ikollu bżonn u l-akkomodazzjoni disponibbli. F’każ ta’ persuna b’diżabilita’ jiġi kkunsidrat ukoll it-tip ta’ diżabilita’ li, ħafna drabi, titlob li tingħata akkomodazzjoni fil-pjan terran jew li tkun fornuta b’ lift . Dawn il-fatturi kollha jagħmluha diffiċli li wieħed jirrispondi l-aħħar parti tal-Mistoqsija b’mod kategoriku.

Proġett tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-ispiżerija tal-għażla tieġħek? Hemmx xi ħsieb biex jinfirex dan is-servizz?

Response (DALLI, JOHN)

Il–proġett tal-ispiżerija tal-għażla tiegħek inbeda bħala proġett pilota fiż-żbatax tà Diċembru 2007. Sa llum l-iskema ġiet estiża għall-tminja u sittin spiżerija. Fil-preżent qed isir eżerċizzju ta' evalwazzjoni u konsolidazzjoni tas-sistema. Il-proġett ikompli jiġi estiż wara li jitlesta dan l-eżerċizju.

Operazzjoni tal-kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk li qed jistennew operazzjoni tal-kataretti u kemm huwa ż-żmien li wieħed jistenna biex imissu din l-operazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li numru ta’ pazjenti fuq l-waiting list għall-operazzjoni tal-kataretti sa’ Lulju 2008 kien 5,544. Il-medja ta’ stennija hija ta’ erba’ snin u nofs.

Stimi ta' spejjes tat-twaqqif tal-windmills

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux sal-lum xi stimi ta' spejjes relatati mat-twaqqif tal-windmills: a.) fuq baħar b.) fuq l-art li jipproduċi enerġija alternativa mir-riħ? Meta huwa pproġettat li jinbeda, jekk jinbeda dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li l-Gvern permezz tal-konsulent Mott MacDonald, kien investiga fid-dettal il-possibiltà ta’ l-użu ta' diversi sorsi ta' enerġija rinovabbli f’Malta, fosthom il-ġenerazjoni ta’ l-elettriku mir-riħ. F’dan l-istudju kienu identifikati numru ta’ siti, kemm fuq il-baħar, kif ukoll fuq l-art li jistgħu jintużaw għal dan l-skop. Saret ukoll evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ dawn is-siti flimkien ma’ stimi preliminari ta’ l-ispejjes, kollox abbażi ta’ l-informazzjoni, teknoloġija u kundizzjonijiet li kienu applikabbli dak iż-żmien. Ir-rapport ta’ Mott MacDonald jinsab fil-website tal-MRA fuq www.mra.org.mt. Bħalissa l-Gvern qed jiddentifika numru ta’ siti fuq l-art kif ukoll fil-baħar biex jiġu proposti għall-iżvillup ta’ wind farms .

Ħaġar Qim — Visiting centres - Fondi għal finanzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sewa l-proġett tal-visiting centre f'Ħaġar Qim? Kemm ser jiswew it-tined li ser jgħattu t-tempji? Kif ġie ffinanzjat dan il-proġett? Meta ngħataw il-fondi u fuq liema pjanti u deskrizzjoni tal-proġett ngħataw? Meta ġew approvati l-fondi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-valur totali tal-kuntratt ghall-kostruzzjoni tac-Ċentru għall-Viżitaturi f’Ħagar Qim jammonta għal 1.7 miljun ewro (qabel il-VAT). Il-valur totali tal-kuntratt għat-tined protettivi fuq Ħagar Qim u l-Imnajdra huwa ta’ 2.5 miljun Ewro (qabel il-VAT). Il-Proġett għall-Konservazzjoni u Preżentazzjoni ta’ Ħagar Qim u l-Imnajdra qiegħed jibbenefika minn 4.2 miljun Ewro taħt il-programm ta’ Fondi Strutturali għas-snin 2004-06. Ma’ l-ispejjez imsemmija, wieħed irid iżid il-ħlas lill-perit Walter Hunziker, li f’April 2004 intgħazel bħala r-rebbieħ tal-kompetizzjoni internazzjonali għad-disinn tal-proġett, u li jammonta għal 200,000 Ewro (qabel il-VAT). Wieħed irid iżid wkoll l-ispejjeż ta’ Heritage Malta, partikolarment is-salarji ta’ l-impjegati tagħha għall-hin li ħadmu fuq il-proġett u azzjonijiet relatati, li huma stmati mal-140,000 Ewro. Figuri aktar preċizi ta’ l-infieq attwali jkunu jistgħu jingħataw wara li jkun tlesta il-progett. Il-Fondi Strutturali ġew konfermati f’Diċembru ta’ l-2004, jiġifieri wara li kien żviluppat il-qafas tal-proġett li qiegħed jitwettaq, kif dettaljat fil-Project Description Statement preżentat lill-MEPA f’Diċembru, 2004

Assistenza medika reċiproka

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex jikkonsisti l-ftehim li hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż li jwassal assistenza medika reċiproka liċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi? Kemm qed jiswa dan il-ftehim lill-ispiża pubblika? Kemm hu l-valur ta' servizzi relevanti (mediċi/kirurġiċi) li qed jirċievu l-Maltin fir-Renju Unit?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ftehim reċiproku li hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ingliż jipprovdi għall-kura b’xejn ta’ persuni mir-Renju Unit li huma residenti jew turisti f’Malta u għall-kura b’xejn ta’ persuni Maltin li jkunu qegħdin fir-Renju Unit bħala turisti. Il-ftehim jipprovdi wkoll għall-kura b’xejn kull sena ta’ 180 pazjenti Maltin fir-Renju Unit li jingħataw kura specjalizzata li ma ssirx f’Malta. Il-Gvern jalloka madwar €1 miljun kull sena għal spejjeż konnessi ma’ safar u kura ta’ pazjenti barra minn Malta (vide Estimi Health, Programmes & Initiatives Vote Recurrent 39, Item 5055). Informat ukoll li dwar it-tielet parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni ma tistax tingħata peress li jintbagħtux kontijiet mir-Renju Unit.
Leg 11 PQ #1671 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Restawr ta' djar — Inċentiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' inċentivi li jeżistu fil-preżent biex individwu jitħajjar jakkwista dar storika/ta' valur arkitettoniku mhux tas-soltu u jniedi proġett ta' restawr biex jikkonserva din it-tip ta' proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1676 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Final From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' ex-membri parlamentari/ex-ministri u ex-segretarji parlamentari, li ġew appuntati f'bordijiet governattivi jew direttorati f'korporazzjonijiet parastatali jew ambaxxaturi, jew fl-Universita' (kunsill/senat/amministrazzjoni)? Jirċievu kumpens finanzjarju tal-kariga? Kemm huwa f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’hemm ebda ex-membru parlamentari jew ex-ministru jew ex-segretarju parlamentari li jservi fuq bordijiet li jaqgħu fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fir-rigward tal-parti l-oħra ta’ l-informazzjoni mitluba, nitlob lill-Onorevoli Interpellant tpoġġi l-mistoqsija lill-Ministri rispettivi.

Għajnuna medika lill-barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'somma daħħal il-Gvern minn għajnuna medika/kirurġika mogħtija fl-isptarijiet jew polikliniċi Maltin lil ċittadini barranin li m'humiex intitolati għal din l-għajnuna b'xejn, fl-2005, 2006, 2007 u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba hija kif jidher hawn taħt: SENA € LM 2005 € 575,418.12 Lm247,027.00 2006 € 608,022.36 Lm261,024.00 2005 € 467,682.27 Lm200,776.00 Jannar - April 2008 € 272,088.00 Lm116,807.37 TOTALI € 1,923,210.75 Lm825,634.37
Leg 11 PQ #1681 Sitting 29 2008-07-07 Oral · Interim From: MARLENE PULLICINO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-UE lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kunsilli lokali li rċevew fondi jew xi għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea? Għalfejn intużaw dawn il-fondi? Kemm kienu l-ammonti? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li t-talba tagħhom għall-fondi għadha ma ntlaqgħetx? Hemm kunsilli lokali li qatt ma applikaw għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Liema huma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

General Anaesthesia

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dipartiment tad-Dentistrija f'Mater Dei kemm hemm nies jistennew intervent taħt General Anaesthesia? Kemm isiru interventi f'kull sessjoni tal-GA? Kemm trid iddum tistenna bħala average biex isirlek intervent ta' din ix-xorta?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-waiting list u ż-żmien ta’ stennija għal pazjenti li qegħdin jistennew intervent taħt General Anesthesia fid-dipartiment tad-Dentistrija fl-iSptar Mater Dei hu hekk : - Oral Surgery (General Anaesthesia) Kategorija Numru Żmien ta’ stenn ija Adulti 150 Bejn 6 u 10 xhur Tfal 40 3 xhur F’Kull sessjoni tal-GA isiru bejn 6 u 7 interventi. - Oral Surgery/conservation special cases (General anesthesia) Hemm 27 persuna fuq il- waiting list . Il-perjodu ta’ stennija huwa ta’ sena u nofs. F’każ ta’ xi emerġenza (bħal ksur ta’ xedaq) ġieli jkollhom jitħassru xi appuntamenti mil-lista jew sessjoni sħiħa biex jiġi ttrattat dan il-każ ta’ emerġenza.