Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li l-ħajt fi Triq Frangisk Colerio iż-Żurrieq, retaining wall li waqa’ għal ġo għalqa bil-maltempata ta' Settembru, għadu sal-lum mhux lest? Jaf li dan il-ħajt kien qed joħloq periklu kbir għar-residenti, u fil-fatt waqgħu żewġt itfal għal ġo l-għalqa qabel id-dipartiment iddeċieda li jibgħat il-ħaddiema tal-Gvern? Għaliex kien hemm bżonn jintużaw blokki kbar tal-ġebel biex jerġa’ jinbena l-ħajt? Kemm qamu dawn il-blokki? Minn fejn inxtraw? Għaliex kien hemm bżonn jinkera crane mingħand il-privat biex sar ix-xogħol? Jista' jikkonferma li fil-fatt kienu ħaddiema tal-Gvern li temmew ix-xogħol u mhux ħaddiema tal-kuntrattur? Għaliex kien hemm bżonn jinkera crane mingħand il-privat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat lix-xogħol tar-retaining wall tat-triq li waqa’ għal ġo għalqa ittella'. Il-ħajt ittella sa wiċċ il-bankina. Barra dan, issa ser intellgħu ċint baxx ‘l-fuq mill-bankina.
Intużaw il-blokki kbar tal-ġebel biex jikkumplimentaw dak li hemm eżistenti fil-bqija tat-triq. Il-blokki u ġebel tal-kantun tad- 9” li ntużaw fuq ix-xogħol ġew kollha mill-barriera tal-Gvern li tinsab ta’r-Robba.
Spejjes li intefqu: Konkos fil-pedament Euros 367.12
Transport tal-blokki kbar Euros 390.00
Transport tal-kantun tad-9” Euros 93.00
Spejjes tal-krejn Euros 447.36
Il-krejn li ntuża’ hu tal-Kuntrattur privat li għandu period contract ta’ sena mad-dipartiment
Jien infurmat li ma sar l-ebda rapport dwar inċident ta’ żewġt it-tfal, kemm mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u kemm lill-Pulizija taż-Żurrieq u l-anqas lid-distrett tal-Gvern numru 4 tar-Robba.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kunsilli lokali li rċevew fondi jew xi għajnuna oħra mill-Unjoni Ewropea? Għalfejn intużaw dawn il-fondi? Kemm kienu l-ammonti? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li t-talba tagħhom għall-fondi għadha ma ntlaqgħetx? Hemm kunsilli lokali li qatt ma applikaw għall-fondi ta' l-Unjoni Ewropea? Liema huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1681, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi il-fondi li l-Kunsilli Lokali rċevew mill-Unjoni Ewropea u għalixiex intużaw u Tabella B li turi l-applikazzjonijiet pendenti li għandhom il-Kunsilli għall-fondi mill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) Kemm għandha ċilindri tagħha l-Korporazzjoni Enemalta?
b) Kemm jintuża' gass kull sena?
ċ) Kemm jintuża' f'bulky supply u kemm f'ċilindri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta għanda madwar 580,000 ċilindru ta’ diversi daqsijiet fosthom ta’ 10 ,12,15 u ta’ 25 Kgs.
Il-konsum ta’ gass hawn Malta huwa ta madwar 20,500 tunellata fis-sena. Min dawn, madwar 3,300 tunnelata huwa
bulk
il-kumplament huma f’ċilindri.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) Kemm għandha ċilindri tagħha l-Korporazzjoni Enemalta?
b) Kemm jintuża' gass kull sena?
ċ) Kemm jintuża' f'bulky supply u kemm f'ċilindri?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega fuq liema kriterji qed jiġi apporvat il-flexitime lill-ħaddiema fil-fergħa tar-riżorsi umani fil-Furjana? Jista' jgħid wara li f'Ottubru li għadda dawn talbu li jaħdmu sigħat flessibli, liema talba ntlaqgħet mid-direttur u dawn daħlu għal xi impenji skond kif kien jippermetti l-ħin ta' xogħolhom, din il-faċilità ta' flexitime ġiet mitmuma ħesrem għad-dannu finanzjarju u psikoloġiku ta' dawn il-ħaddiema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li fil-fergħa tar-riżorsi umani fil-Furjana ma ġie rtirat l-ebda flexitime.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-bus shelter fil-pjazza ta' quddiem il-knisja tal-Qreni, fejn hemm il-venda tal-karozzi tal-linja, li kien tneħħa meta sar il-paviment tal-pjazza mill-istess ministeru li wettaq dan il-proġett, sal-lum għadu ma reġax twaħħal? Meta ser isir u għalfejn dan id-dewmien?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-Gvern f'dik li hija l-assigurazzjoni fuq il-produzzjoni li kellha tpaċi l-ħlas ta' nofs il-bolla tan- national insurance li l-Gvern neħħa minn benefiċċju lil bdiewa, raħħala u produtturi Maltin u Għawdxin wara l-1 ta' Mejju 2004? X'kumpens ingħata biex ipaċi mat-telf ta' flus li sofrew dawn in-nies tax-xogħol għall-perijodu li ma kenux koperti?
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta' żvilupp jew oltre għall-art li ġiet imbattla wara l-iżmantellar tal-impjant tal-gas fil-Qajjenza, ġewwa Birżebbuġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant tal-Gas tal-Qajjenza għad baqgħalu madwar tliet snin biex jieqaf jopera.
Departiment tal-Edukazzjoni — Kuntrat tal-Qrendi Football Club
Question
Fl-1 ta' Frar 2008, Qrendi Football Club iffirmaw kuntratt mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex għal 25 sena minn din id-data jagħmlu użu u jiżviluppaw għal għan sportiv l-art li tagħmel mal-iskola Primarja tal-Qrendi, liema art għal snin twal kienet abbandunata. Filwaqt li d-diriġenti tal-klabb ħejjew pjanijiet biex jissottomettu lill-MEPA sabiex jibda l-iżvilupp tal-faċilità sportiva, min-naħa tal-Ministeru m'għandhom l-ebda sinjal biex ikunu jistgħu jipproċedu. Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli jimxu l-affarijiet, u x'jista' jsir biex fil-Qrendi naraw dan iċ-ċentru sportiv kemm jista' jkun malajr?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li fl-1 ta’ Frar 2008, ġie ffirmat ftehim bejn il-Qrendi Football Club u l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
Fl-art indikata kellhom jiġu zviluppati kemm faċilitajiet sportivi kif ukoll Sensory Garden li kienet proposta mill-Kulleġġ San Benedittu. Il-kumitat Permanenti għall-Edukazzjoni fil-prinċipju qabel ma’ l-izvilupp ta’ dawn iż-żewġ inizjattivi.
Tqabbad Perit biex ifassal il-pjanti taż-żewġ inizjattivi u din il-ġimgħa tħejja rapport fuq l-istima tas-Sensory Garden.
Ser issir evalwazzjoni ta’ l-istima u jekk ikun hemm l-approvazzjoni neċessarja, iż-żewġ proġetti jkunu jistgħu jibdew simultanjament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha boreholes il-Water Services Corporation? Kif jiġi rregolat l-output u x'persentaġġ tat-total output lill-konsumatur jittieħed minn dawn il-boreholes?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-KSI għandha 134 boreholes li minnhom jittella’ l-ilma tax-xorb, 90 f’Malta u 44 f’Għawdex. L-output minn kull borehole hu qrib kemm jista’ jkun tal-ammont magħruf bħala nominal output li ġie stabillit minn eżerċizzju xjentifiku.
L-ilma ji jittella’ jiġi ppumpjat fil-ġibjuni fejn jitħallat ma’ l-ilma prodott mill-impjanti tar-RO qabel jitqassam għand il-konsumaturi.
Bejn Malta u Għawdex 46% tal-ilma ddistribwit huwa ilma tal-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha boreholes il-Water Services Corporation? Kif jiġi rregolat l-output u x'persentaġġ tat-total output lill-konsumatur jittieħed minn dawn il-boreholes?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet ta' żvilupp jew oltre għall-art li ġiet imbattla wara l-iżmantellar tal-impjant tal-gas fil-Qajjenza, ġewwa Birżebbuġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fejn tinsab il-landfill for hazardous waste? Minn x'hiex sar il-lining ta' din il-landfill speċifikament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-engineered landfill għal skart perikoluż tinsab fl-Għallis. Din inbniet iżda għadha mhix topera. Il-lining ta’ din il-faċilita sar kif jidher fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imnaddfa widien bejn l-2006 u 2008 u liema huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-widien li tnaddfu bejn l-2006 u 2008 hu skond kif ġej:
Qormi ………….. Wied is-Sewda
Wied il-Kbir.
Żebbuġ………….. partijiet minn Wied Ħesri
partijiet minn Wied il-Baqqijja,
Wied Qirda
Wied San Martin.
Siggiewi………… partijiet minn wied Ħesri
Attard …………... partijiet minn wied Irmiedi, u
partijiet minn wied Incita,
wied il-Hemsijja
Mtarfa……………partijiet minn wied il-Qlejja
Ic-
Chadwick Lakes
Rabat …………… Wied Morfu
Wied tal-Isqof,
Burmarrad………. partijiet minn Wied il-Għasel,
wied Qannotta.
Marsascala……….Wied il-Għajn
Birzebbugia………partijiet minn wied il-Qoton
Marsa ……………Il-Korsa tal-ilma ta’ madwar il-Korsa taż-żwiemel
Il-golf grounds.
Irid jingħad li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-widien jitnaddfu kull sena. Irrid ngħid ukoll li ma dan ix-xogħol sar tindif u manutenzjoni ta’ diversi ġibjuni fosthom tnejn il-Gudja li jieħdu l-ilma tal-ajruport, tal-Għammieri, tnejn fi Triq Garibaldi l-Marsa, dak ta’ Wied Garnaw, Santa Lucia, dak ta’ Wied Inċita Ħ’Attard u dak ta’ Triq il-Wied ta’ B’Kara, Msida.
Water Services Corporation — Ilma tax-xorb - Komponenti minerali
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta sar l-aħħar rapport ikkummissjonat mill-Gvern lil kumpanniji barranin biex ikollna stampa ċara tal-komponenti minerali u oħrajn fl-ilma tax-xorb? X'kien dan ir-riżultat? Jista' jgħid jekk qabilx ma' analiżi li saru ssussegetement mill-Water Services Corporation f'dawn l-aħħar snin (2000-2008)? Fiex ma kienx jaqbel u b'kemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li kull sena il-KSI tibgħat diversi kampjuni għall-analizi lil laboratorji barranin sabiex jiġu analiżżati diversi parametri fl-ilma tax-xorb - liema parametri huma rikjesti skond l-att 23 tal-2004 li hu rregolat mid-Dipartiment tas-Saħħa. Din l-analiżi issir għan-nom tal-KSI għal-dawk il-parametri li preżentament il-KSI mhix f’pożizzjoni li tanaliżża hi stess skond kif titlob din l-istess liġi. Għaldaqstant qiegħed jiġi mistoqsi li l-Onorevoli interpellant tikklarifika jekk hix qed tirriferi għal-dawn ir-riżultati u fl-istess ħin qed jiġi rakkomandat li l-istess mistoqsija tiġi ndirizzata lid-Dipartiment Tas-Saħħa li hu r-regolatur tal-kwalita’ ta’ l-ilma li tissupplixxi l-KSI.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm servizzi ġodda tal-ilma li ntalbu u għadhom ma nqdewx? Kemm hu l-perjodu ta' stennija bejn applikazzjoni għal dan is-servizz u l-ġurnata li jingħata s-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-KSI għandha madwar 450 applikazzjoni għal servizz ġdid pendenti. Normalment il-KSI tieħu mhux aktar min erba’ gimgħat mid-data tal-applikazzjoni biex tipprovdi s-servizz. Dan is-sajf iżda, dan il-perjodu twal xi ftit aktar minħabba l-fatt li kien hemm aktar ħsarat mis-soltu u l-KSI kellha tikkonċentra r-riżorsi tagħħa fuq dawn il-ħsarat. Is-sitwazzjoni mistennija tiġi lura għan-normal f’ qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċivejna għajnuna finanzjarji mill-Unjoni Ewropeja sabiex nżommu u nsostnu l-immigranti illegali f'pajjiżna f'dawn l-aħħar erba' snin? Kif intefqu dawn il-fondi full sena f'dawn l-aħħar erba' snin? Irċivejna xi fodni t'għajnuna oħra f'dan ir-rigward?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.