Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qajjenza — tibdil ta' bozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iwassal biex bozza no.15 fil-Qajjenza li ilha maqtugħa għal żmien twil, ma titranġax, peress li l-kunsill qed jgħid li l-Korporazzjoni Enemalta mhux taqdi dmirha, filwaqt li r-residenti qed ibatu l-konsegwenzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-bozza li probabbli qiegħda ssir referenza għaliha hija dik li tinstab f‘Wesgħa Perellos Qajjenza. Il-manutenzjoni meħtiega saret fis-16 ta’ Diċembru 2011.

Qajjenza — tibdil ta' bozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iwassal biex bozza no.15 fil-Qajjenza li ilha maqtugħa għal żmien twil, ma titranġax, peress li l-kunsill qed jgħid li l-Korporazzjoni Enemalta mhux taqdi dmirha, filwaqt li r-residenti qed ibatu l-konsegwenzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

MCAST — studenti li qed jirrepetu modules

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-istudenti tal-MCAST fil-kors imsejjah National Diploma in Operations Maintenance and Engineering li beda f'Settembru 2009 u ntemm Lulju, 2011 mhux qed jitħallew jirrepetu l-modules li weħlu minnhom, meta l-kors xorta waħda għaddej din is-sena b'inqas studenti? Għaliex l-istudenti qed jintalbu jagħżlu kors ieħor meta għandhom diġà taħriġ b'suċċess f'bosta modules mill-kors tal-għażla taghhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont ir-regolamenti tal-Kulleġġ, l-istudenti għandhom jingħataw żewġ opportunitajiet ta’ ‘assessment’ biex ikunu jistgħu jgħaddu mill-eżamijiet jew assignments li jkollhom matul is sena (l-ewwel opportunità u jekk ma jgħaddux jagħmlu resit). F'ċirkustanzi normali jekk l-istudenti jibqgħu ma jgħaddux, ikollhom jirrepetu s-sena qabel ikunu jistgħu javvanzaw għas-sena ta’ wara. Dan biex jiġi żgurat li l-istudenti jkunu verament kisbu l-ħiliet marbuta ma’ dik is-sena partikolari. Peress li din is-sena l-parti l-kbira tas-sillabi tal-BTEC inbidlu, l-Kulleġġ iddeċieda li jagħmel eċċezzjoni ta’ darba li permezz tagħha l-istudenti kollha effetwati b’dan it-tibdil ingħataw it-tielet ċans (it-tieni ‘resit’) biex ikunu jistgħu jipprogressaw għas-sena li jkun imisshom. Sfortunatament, kien hemm studenti li wara li ngħataw it-tliet ċansijiet, xorta waħda baqgħu ma laħqux il-livell meħtieġ biex ikunu jistgħu jgħaddu għas-sena ta’ wara. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Kulleġġ ma kellux triq oħra ħlief li jitlob lill-istudenti jirrepetu s-sena. L-MCAST huwa konvint li din kienet l-aktar soluzzjoni ġusta kemm għal dawn l-istudenti imsemmija biex jiġi żgurat li jieħdu t-tagħlim meħtieġ, kif ukoll biex ma jkunx qed joħloq sitwazzjoni fejn ftit studenti jingħataw opportunità mod, u studenti oħrajn, li ma jistgħux jingħataw din l-għażla għax il-‘modules’ li m’għaddewx minnhom m’għadhomx jiġu offruti jew inbidlu, jiġu trattati mod ieħor.

djar tal-anzjani li jieħdu usables mir-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Peress li dawk id-djar tax-xjuħ privati li jospitaw fihom anzjani magħżulin mill-gvern, jieħdu stokk ta' usables mir-Residenza San Vinċenz de Paul, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani f'kull stabbiliment privat, kemm jiswa lill-gvern kull anzjan,kemm hu l-valur tal-istokk ta' usables li jingħata lil kull sptar privat kull sena u x'inhuma dawn il-usables?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Tas-Sliema — Triq San Trofimu - Sinjal ta' No parking expect for loading

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm milli jitpoġġa sinjal ta' no parking except for unloading quddiem żewġ negozji fi Triq San Trofimu tas-Sliema (furnar u tal-ħaxix) meta n-negozju tagħhom jitlob li jinħatt materjal għall-użu tal-intrapriża nnifisha regolarment u allura n-nuqqas ta' faċilità li jsir dan qed ixxekkel lil dawn n-negozji żgħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kemm furnar kif ukoll ħanut tal-ħaxix m'humiex eliġibbli għal un/loading bay skont policies applikabbli.

Imgħallmin tan-nar — liċenzja A

Question

Wara li saru eżamijiet biex l-imgħallmin tan-nar jakkwistaw il-liċenzja A fl-24 u 26 ta' Jannar li għadda, għaliex ir-riżultati għadhom ma ħarġux u meta se joħorġu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi r-riżultati qegħdin jintbagħtu lill-kandidati kkonċernati.

Applikazzjonijiet għall-VAT refund fuq roti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet għall-VAT refund minn dawk li xtraw roti ġodda? Dawn fil-fatt ngħataw dan ir-refund?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 1956 applikazzjoni għall-VAT refund minn dawk li xtraw roti ġodda. Minn dawn kien hemm 1920 li ngħataw rifużjoni u 36 li ma ġewx aċċettati.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — mertu li jiddetermina min iżomm l-impjieg attwali

Question

Wara d-diskussjoni li saret waqt is-seminar li sar fil-bini tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ħal-Luqa bit-tema Strategic Plan 2011, nhar il-11 ta' Jannar 2011, jista' l-Ministru jiċċara fuq liema kriterji se jiġi deċiż il-mertu li jiddetermina min iżomm l-impjieg attwali, jew le, fir-ristrutturar li ssemma? Meta huwa previst li tiġi finalizzata l-privatizzazzjoni tal-Petroleum Division u x'se jiġri mill-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-seminar li qed tirreferi għalih sar għall-Managers, Assistant Managers u Heads of Departments tal-Korporazzjoni fil-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena. Dan is-seminar tratta l-istrateġija tal-Korporazzjoni għal din is-sena, preżentazzjoni mill-Managers rispettivi dwar il-ħidma fl-2010 u x’hemm ippjanat għall-2011, u diskussjoni dwar il-core values tal-Korporazzjoni. Fir-rigward tal-privatizzazzjoni tal- Petroleum Division dan il-proċess għadu għaddej. Huwa l-pjan li l-ħaddiema tad-Diviżjoni tal-Petroleum ta’ l-Enemalta jiġu ngaġġati mill-kumpanija li tieħu l-konċessjoni.

Marsa Power Station — informazzjoni dwar waqfien tal-operat

Question

Fil-każ tal-power station tal-Marsa, jista' l-Ministru jgħid kemm fadal mis-sigħat miftehma mal-Unjoni Ewropea qabel ma din tieqaf topera? Meta tieqaf topera il-power station tal-Marsa, l-impjant il-ġdid ta' Delimara se jkun operational? L-impjant ta' Delimara bl-estensjoni b'kollox se jkopri d-domanda? Fil-każ li l-perjodu permessibbli biex il-power station tal-Marsa tibqa' topera jagħlaq u l-estensjoni tal-impjant ta' Delimara ma tkunx lesta, teżisti contingency plan? X'inhi din il-contingency plan? Meta huwa previst li jkun qed jiffunzjona u jintuża l-cable connector?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-politika tal-Gvern hija dik li jinvesti fl-estensjoni tal-Power Station ġewwa Delimara u f’interconnector ma' Sqallija biex jingħaqad mal-grid Ewropew. B’hekk isaħħaħ il-kapaċita tal-ġenerazzjoni tal-energija ta' pajjiżna minn dik eżistenti. Dan bil-għan li jgħin fit-tkabbir ekonomiku u l-kompettivita’ ta’ pajjiżna, filwaqt li jiggarantixxi ambjent ta’kwalita’ aħjar. Dan il-proċess iwassal għall-egħluq tal-Power Station tal-Marsa. Il-proċess ta’ transizzjoni għadu qed jiġi definit fuq bażi tal-progress fix-xogħolijiet tal-istess estensjoni u l-interconenctor.

KSI u Enemalta — operat tal-Arms Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' ftehim jeżisti bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Korporazzjoni Enemalta u l-Arms Ltd fir-rigward tal-operat tal-Arms Ltd? X'tip ta' funzjonijiet li preżentament jappartjenu għall-Korporazzjoni Enemalta se jgħaddu f'idejn l-Arms Ltd? Il-ħaddiema x'se jiġri minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numru 20167 u 21114.

integrated Utilities Business System — informazzjoni dwar min hu responsabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid fit-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-Integrated Utilities Business System, min qiegħed jerfa' r-responsabbiltà u huwa accountable għall-avvanz tal-proġett?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant il-Programme Management qed jiġi mplimentat mill-IBM u mill-Malta Information Technology Agency (MITA). Il-management ta’ kull proġett li jaqa’ taħt dan il-program huwa immexxi minn managers mill-IBM flimkien ma’ managers lokali mill-korporazzjonijiet u l-managers f’ARMS Ltd. biex jiżguraw kontinwita għal-quddiem. Din l-istruttura topera taħt is-sorveljanza ta’ Steering Committee kompost mill-Kapijiet Eżekuttivi tal-Korporazzjoni Enemalta, tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u tal-ARMS Ltd.

Enemalta — sistema tal-SAP - gwadann

Question

Sentejn wara li daħal l-SAP fil-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jelenkana l-benefiċċji li ggwadanjajna minn dan l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel fażi tal-proġett SAP beda sena ilu, jiġifieri f’Jannar tal-2010, u mhux sentejn ilu kif indikat fil-mistoqsija tal-istess Onor. Interpellant. B’din il-bidla, u allura permezz tal-introduzzjoni tas-SAP, il-Korporazzjoni Enemalta għaddiet minn proċess delikat u intensiv, specjalment meta wieħed jikkunsidra li fl-aħħar 30 sena ma kienux saru tibdiliet fil-proċessi amministrattivi. Il-benefiċċji ta’ din is-sistema, li qed tbiddel il-proċessi mill-qliegħ, jistgħu jiġu klassifikati fi tliet oqsma ewlenin: 1. Is-SAP tippermetti lill-Enemalta li jkollha numri ta’ proċessi u proċeduri awtomizzati, u livell ogħla ta’ kontroll. Fost dawn il-proċessi nsibu dawk tal-procurement, budgeting, stores management, u funds management. 2. Is-SAP huwa “Enterprise Resource Planning Softwarre” li jintegra kull aspett ta’ informazzjoni u proċessi fl-Enemalta. Din qed tippermetti li sistemi differenti, bħal per eżempju l-finanzi, procurement, u stock movements, jiġu aġġornati f’ħin reali. Dan iwassal għal management accounts li jsiru fil-ħin b’azzjoni korrettiva tittieħed mingħajr dewmien fejn ikun mehtieġ. 3. Is-SAP twassal lill-impjegati tal-Enemalta biex jagħmlu użu minn uniformita ta’ proċessi u proċeduri fix-xogħol tagħhom, u b’hekk dan iwassal għal konsolidament tal-proċessi kollha, minbarra li l-Korporazzjoni tgawdi minn flessibilta li dawn jistgħu jadattaw jekk dan ikun meħtieg, fl-aħjar interess tal-konsumatur.

Enemalta u WSC — Sub contractors

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kuntratturi (sub-contractors) li qed jagħtu servizz lill-Korporazzjoni Enemalta/Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'inhuma dawn is-servizzi? Kemm qed jiswew lill-korporazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-lista ta’ kuntratturi u sub-contractors li qed jagħtu servizz lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Korporazzjoni Enemalta, x’tip ta’ servizz qed jagħtu u kemm jiswa, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ċ-Chief Executive Officer, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, stqarr mal-ħaddiema li t-trab iswed ġej mill-fran ta' Ħal Qormi? Fuq liema studju bbaża din l-istqarrija? Mill-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta min għandu credit cards fuq kont tal-Korporazzjoni Enemalta ?Kemm intnefqu flus fuq dawn il-credit cards u fuqiex intnefqu? Huwa minnu li persuna mill-Customer Care ingħatat promozzjoni fejn telgħet seba' skali, irrifjutat id-doveri l-ġodda u baqgħet tingħata s-salarju ġdid tagħha xorta waħda ? Il-Korporazzjoni Enemalta kemm timpjega nies bil-kuntratt? F'liema setturi? Kemm qed jiswa dan lill-Korporazzjoni Enemalta min-naħa finanzjarja?

Response (FENECH, TONIO)

Dak li l-Onorevoli Interpellant qed tirreferi għalih fl-ewwel parti tad-domanda hija diskussjoni każwali bejn il-Kap Eżekuttiv u grupp ta’ ħaddiema. Waqt din id-diskussjoni, infurmat illi tqajjem l-argument ta’ tniġġiż u ssemmew diversi modi kif dan jista’ jsir. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 21658. Rigward il-persuna riferuta fit-tielet parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din talbet li tirreżenja mill-grad li ngħatalha bil-promozzjoni wara sejħa għal dan ir-rwol, u ser tmur lura għall-grad li kellha qabel. Finalment, il-Korporazzjoni tinpjega 100 ruħ bil-kuntratt f’kull settur, tekniku, amministrattiv u maniġerjali. Dan jiswa total ta’ €2,527,380 fis-sena.

Enemalta — pagi tal-personal assistants

Question

Peress li l-paga tal-personal assistant taċ-Chief Executive Officer kienu jinħadmu mill-Wage fi ħdan il-Korporazzjoni Enemalta, u peress li llum il-ġurnata dan m'għadux isir, jista' l-Ministru jgħid min jaħdem il-pagi ta' dawk il-personal assistants u għalfejn infirdu mill-kumplament tas-salarji tal-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-pagi kollha tal-Korporazzjoni Enemalta jinħadmu kollha mid-dipartiment tal-Finanzi fi ħdan il-Korporazzjoni.

Energy vouchers

Question

Peress il-Gvern ħass il-ħtieġa li jqassam energy voucher ta' €30 u magħha jiżdiedu €25 għal kull persuna li hemm fid-dar, lil kull familja li l-aktar għandhom bżonn biex ikollhom tnaqqis mill-kont tagħhom u peress illi din l-għotja hija minflok is-sussidju li kien jingħata bħala tnaqqis fil-kont tal-ilma u d-dawl, jista' l-Ministru jikkonferma illi l-ammont mogħti mhux taxxabli għal fini ta' Taxxa dwar id-Dħul?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-benefiċċju ngħata lill-familji sabiex jikkumpara għaż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt, għaldaqstant, peress li mhijiex fin-natura ta’ income din mhix taxxabbli.

Enemalta — pagi tal-personal assistants

Question

Peress li l-paga tal-personal assistant taċ-Chief Executive Officer kienu jinħadmu mill-Wage fi ħdan il-Korporazzjoni Enemalta, u peress li llum il-ġurnata dan m'għadux isir, jista' l-Ministru jgħid min jaħdem il-pagi ta' dawk il-personal assistants u għalfejn infirdu mill-kumplament tas-salarji tal-ħaddiema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Arms Ltd — tagħrif

Question

Jista l-Ministru jagħti lista tas-sorsi tad-dħul finanzjarju li għandha l-Arms Ltd? Xi ftehim għandha din il-kumpanija għall-ħlas mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Hemm percentage commissions fuq l-ammonti ta' flus miġbura f'isem il-korporazzjonijiet? Jekk iva, x'inhuma dawn il-perċentwali? Il-ħaddiema li qed iwettqu x-xogħol f'isem l-Arms Ltd qed jirċievu salarju mill-Arms Ltd jew minn fejn? Fiex jikkonsisti x-xogħol kollu li ġie ddelegat lill-Arms Ltd u x'funzjonijiet oħra se jkollha l-kumpanija fil-futur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20259. It-tmien impjegati li attwalment huma fil-kotba tal-ARMS Ltd jitħallsu direttament mill-kumpanija. Il-kumplament tal-ħaddiema li qed jaħdmu fil-proċessi tal- meter to cash u customer care huma mpjegati tal-Korporazzjoni ta’ l-Ilma u għaldaqstant jitħallsu mill-Korporazzjoni ta’ l-Ilma. Ix-xogħol li ġie ddelegat lill-ARMS Ltd huma l-proċessi ta’ meter to cash u customer care li jinkludu; qari ta’ meters, billing , cash & reconciliation , credit control , customer care u call centre .

Korporazzjoni Enemalta — Tagħrif dwar ħaddiema u salarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati ħaddiema mal-Korporazzjoni Enemalta f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn il-ħaddiema ħadu promozzjoni? Kemm tlaħħqu jew ġew reklutati managers f'dawn l-aħħar ħames snin? Kemm huma s-salarji tagħhom? Hemm lok li jiġu mpjegati aktar nies mal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva, f'liema sezzjonijiet u liema gradi? Is-sigurtà fl-Enemalta għadha l-intrigu tal-uffiċjali tas-sigurtà mpjegati mal-Korporazzjoni Enemalta, jew qed titmexxa minn kumpanija privata? Jekk iva, min hi din il-kumpanija? Għaliex qed isir hekk? Kemm qed tiswa ż-żamma tas-sigurtà lill-Korporazzjoni Enemalta ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar ħames snin ġew reklutati 197 impjegat ġdid, 36 minnhom fi grad maniġerjali. Minn dawn il-ħaddiema, sitta ħadu promozzjoni. L-informazzjoni mitluba dwar is-salarji ta’ dawn il-ħaddiema, mhijiex se tingħata minħabba kunfidenzjalità tal-ħaddiema. Skont il-liġijiet applikabbli għad-divulgazzjoni u publikar ta’ informazzjoni mhux permess li tingħata din l-informazzjoni.