Legislature:
Category:
Reset
Active:

Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet - Konsultazzjoni pubblika - Emendi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus attwali, sussegwenti għal konsultazzjoni pubblika li saret f’Jannar 2026 biex jiġu emendati r-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet? Jista’ b’mod partikolari jagħti ħjiel ta’ meta ser jiġu ppubblikati l-emendi inkwistjoni?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Filwaqt li nirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 34119 tal-XIV -il leġislatura, infurmat li ġiet ippubblikata r-risposta tal-Gvern għall-konsultazzjoni. L-emendi jiġu ppubblikati ladarba jitlestew il-proċeduri neċessarji.

BCA – Liġi Sussidjarja 623.08 – Kontravenzjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 574, jista' l-Ministru jgħid il-kontravenzjonijiet imsemmija għal kemm jammontaw bħala flus, maqsuma separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-flus tħallsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tingabar.

L-Uffiċċju tad-Direttur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali - Uffiċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu attwalment in-numru ta’ uffiċjali fi ħdan l-Uffiċċju tad-Direttur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jistgħu jieħdu passi biex jitħarsu n-normi a tenur tal-L.S. 439.22 – Regolamenti dwar l-Użu tal-Karozzini?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li fil-preżent, id-Direttorat għandu għaxar (10) uffiċjali awtorizzati biex jinfurzaw ir-rekwiżiti legali relatati mal-karozzini.  Minn dawn, tmien (8) uffiċjali jwettqu l-ispezzjonijiet regolari relatati mal-karozzini, filwaqt li żewġ (2) uffiċjali oħra jwettqu wkoll spezzjonijiet fuq il-karozzini bħala parti mid-dmirijiet assenjati lilhom, flimkien mar-responsabbiltajiet tagħhom relatati mal-ispezzjonijiet tal-microchipping.

BCA – Liġi Sussidjarja 623.06 – Kontravenzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 573, jista' l-Ministru jgħid il-kontravenzjonijiet imsemmija għal kemm jammontaw bħala flus, maqsuma separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-flus tħallsu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tingabar.

Skart tal-ħġieġ - Ipproċessar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħġieġ li jinġabar hux qed jiġi riċiklat kollu u kif qed jiġi proċessat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħġieġ kollu miġbur jiġi proċessat fil-linja awtomatizzata tal-ipproċessar tal-ħġieġ fis-sit ta’ Sant’Antnin, Marsaskala. Din il-faċilità tirċievi ħġieġ imħallat u tneħħi minnu l-kontaminanti u l-impuritajiet permezz ta’ teknoloġija avvanzata ta’ għażla u separazzjoni. Il-ħġieġ jiġi magħżul skont il-kulur tiegħu f’diversi frazzjonijiet. Filwaqt li l-materjal mhux adattat għar-riċiklaġġ jiġi separat bħala rejects. Permezz ta’ dan il-proċess, il-faċilità tipproduċi materjal tal-ħġieġ ta’ kwalità għolja (glass cullet) li jkun lest għall-użu dirett mill-manifatturi tal-ħġieġ fil-produzzjoni ta’ prodotti ġodda, u b’hekk tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari u għall-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi. Il-prodott finali jitqiegħed għall-bejgħ biex jintbagħat barra minn Malta għall-proċess ta’ riċiklaġġ.  Is-sejħiet kollha għall-bejgħ jiġu pubblikati fuq il-websajt tal-kumpanija https://www.wsm.com.mt/en/sales#gsc.tab=0 biex jiġi żgurat proċess trasparenti u aċċessibbli għall-operaturi ekonomiċi kollha interessati. Matul is-sena 2025 WasteServ esportat ammont rekord ta’ aktar minn 23,500 tunnellata ta’ materjal riċiklabblli.

Skart organiku - Ipproċessar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskart riċiklabbli li jinġabar fil-borża l-ħadra u/jew griża hux qed jiġi riċiklat kollu? Tista’ tgħid ukoll x'inhu l-proċess u kif jiġu proċessati l-komponenti differenti tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart kollu miġbur fil-borża l-griża jiġi proċessat fil-Material Recovery Facility (MRF) li tinsab fil-kumpless ECOHIVE, fejn jiġi separat f’diversi flussi ta’ skart. Fil-preżent, il-materjal li ma jistax jiġi rkuprat jew riċiklat u li jinstab fil-borża griża (rdf) jammonta għal 25%. Il-flussi ta’ skart li jiġu separati, sussegwentement jitqiegħdu għall-bejgħ biex jintbagħtu barra minn Malta għall-proċess ta’ riċiklaġġ.  Is-sejħiet kollha għall-bejgħ jiġu pubblikati fuq il-websajt tal-kumpanija https://www.wsm.com.mt/en/sales#gsc.tab=0 biex jiġi żgurat proċess trasparenti u aċċessibbli għall-operaturi ekonomiċi kollha interessati. Dawn il-flussi jinkludu l-karta, il-kartun, il-plastik PET u l-kartun tal-ħalib. Barra minn hekk, il-materjal residwu (RDF) li jiġi rkuprat mill-borża griża qed jintuża wkoll fi ħdan il-kumpless ECOHIVE bħala saff ta’ protezzjoni madwar il-miżbla l-ġdida, biex jipprovdi barriera addizzjonali għal-liner. Matul is-sena 2025 il-WasteServ esportat ammont rekord ta’ aktar minn 23,500 tunnellata ta’ materjal riċiklabbli.

Skart organiku - Użu

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskart organiku li jinġabar it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, hux qed jintuża kollu fil-proċess tal-Anearobic Digestion u jekk le, kif aktar qed jintuża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart organiku kollu li jinġabar qed jiġi proċessat fl-impjant u jiġi mdawwar f’enerġija rinovabbli u kompost. Fis-sena 2025 ġie proċessat ammont rekord ta’ aktar minn 36,000 tunnellata ta’ skart organiku.

Regolamenti dwar l-użu tal-Karozzini - Passi legali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ittieħdu passi legali minħabba allegat ksur tal-L.S. 439.22 – Regolamenti dwar l-użu tal-Karozzini, mill-2019 sal-aħħar tal-2025, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li waqt l-ispezzjonijiet u l-verifiki li saru mill-uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali ma nstab l-ebda ksur tal-leġiżlazzjoni matul is-snin 2023 u 2024, filwaqt li fis-sena 2025, id-Direttorat ħareġ twissija waħda wara li ġew identifikati ċirkostanzi li ġġustifikaw tali azzjoni.

Pannelli solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pannelli solari installati fuq entitajiet kulturali, mużewijiet u binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, id-daqs ta' kull installazzjoni, meta ġiet installata, u kemm iġġenerat kWhr ta' enerġija kull installazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-informazzjoni qegħda tiġi miġbura u tingħata fis-seduti li ġejjien.

Pannelli solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pannelli solari installati fuq skejjel u binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, id-daqs ta' kull installazzjoni, meta ġiet installata, u kemm iġġenerat kWhr ta' enerġija kull installazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

It-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra – Uffiċjali tas-sigurtà

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif joperaw l-uffiċjali tas-sigurtà impjegati taħt Ambjent Malta, Project Green u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha li huma responsabbli mis-sigurtà u l-manutenzjoni ta' parks, ġonna u soft areas? Tista' tgħid ukoll x'tip ta' shift joperaw, kemm ikun hemm uffiċjali tas-sigurtà f'kull shift, u jekk dan japplikax għax-shifts kollha u għal parks u l-areas kollha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tlabt biex tinġabar l-informazzjoni.

MFSA – Penalitajiet finanzjarji

Question

B’referenza għar-rapport annwali tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) li jkopri l-2025, fejn ġie rrappurtat li ġew imposti €570,673 bħala penalitajiet finanzjarji, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-penalitajiet tħallsu, u kemm minnhom ġew ikkontestati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi rigward il-penalitajiet amministrattivi mposti fis-sena 2025 li kienu 68 u li ammontaw għas-somma ta’ €570,673. Tmienja u ħamsin minn dawn il-penalitajiet amministrattivi kienu mħallsa u ħamsa mill-penalitajiet amministrattivi mposti fis-sena 2025 kienu appellati. Hemm ħames penalitajiet oħra li ma ġewx appellati iżda li għadhom ma tħallsux u rigward dawn l-MFSA bdiet jew qegħda fi stadju li tibda l-proċedura ta’ rkupru ta’ dejn skont il-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili. Informazzjoni rigward kull azzjoni ta’ infurzar meħuda mill-MFSA hija disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-MFSA skont l-Artikolu 16(8) tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u wkoll skont l-Publication policy tal-Awtorità.

Servizzi tal-LPTS – Permessi ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi ta’ żvilupp maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet tal-iggaraxxjar għas-servizzi tal-Light Passenger Transport System (LPTS), li huwa rekwiżit għal-liċenzja tal-operatur indikati minn operaturi li għandhom minn 30 vettura ‘l fuq u jindika l-indirizz tal-faċilitajiet tal-iggaraxxjar ta’ kull operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.

Koperattivi – Kontijiet – Sena 2024 u 2025

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 401 u jgħid kemm-il koperattiva preżentat il-kontijiet tagħha għas-sena 2024 u kemm-il koperattiva preżentat il-kontijiet tagħha għas-sena 2025?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninform lil Onor. Interpellant illi 59-il koperattiva ssottomettew il-kontijiet taggħom għas-sena 2024 u 16-il koperattiva ssottomettew il-kontijiet taggħom għas-sena 2025.

Proġett tal-pjazza ta’ Buġibba

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 399 u jagħti break down dettaljat tal-ispiża ta' €10.6 miljun li ġie jiswa l-proġett tal-pjazza ta' Buġibba?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Filwaqt li  ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-investiment fuq ix-xogħlijiet li saru fiż-żona tal-pjazza ta' Buġibba, Triq Sant Antnin, Triq il-Bajja (Triq il-Pijunieri) u Dawret il-Gzejjer ammontaw għal €10,246,030.35c, ninfurmah ukoll li f' dan il-proġett saru xogħlijiet: - taħt l-art għall-infrastruttura ġdida, li nkludew, tibdil ta’ servizzi – drenaġġ, ilma, elettriku u telekommunikazzjoni, walkthrough service culvert li fih qed jieħu s-servizzi msemmiha, sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita, inkluż ġibjun taħt il-pjazza, sistema ta’ silt traps għat-tindif tal-ilma, balance tank u pompi għall-funtana u sistema ta’ tisqija (irrigation). - mal-promenade tneħħiet l-istruttura ezżistenti sa fuq is-soqfa tal-boathouses, biex inbniet struttura ġdida, bażi u kolonni ġodda biex inbniet il-gallerija, u bankini u triq mill-ġdid. - fuq il-wiċċ ġdid tal-pjazza u toroq tal-madwar kif ukoll bankini ġodda bil-porfido. - ta' għamara ġdida li tinkludi bankijiet fil-pjazza, t-toroq u l-promenade, siġar u pjanti kif ukoll sistema ta’ dawl ġdida, arbli ġodda fuq il-promenade, pjazza u toroq imsemmiha, bollard luminaries, planter luminaries, ventilation grills u tree grills (fi Triq Sant Antnin u Triq il-Pijunieri/Bajja, funtana, u timber decking madwar l-area fil-pjazza, bike racks, bins, u tliet shading canopies.

Raħal Ġdid – Triq tal-Borg u t-toroq tal-madwar – Rapporti ta’ qtugħ ta’ dawl/vultaġġ ħażin

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm żieda ta' rapporti ta' qtugħ ta' dawl jew ta' vultaġġ ħażin fi Triq tal-Borg, f’Raħal Ġdid, u t-toroq tal-madwar minn Settembru 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid ukoll x'qed isir biex tiġi indirizzata din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-triq imsemmija tieħu d-dawl minn 2 low voltage feeders separati. Infurmata wkoll li fil-perjodu indikat fil-mistoqsija ma kien hemm l-ebda ħsara reġistrata, imma kien hemm tliet okkażjonijiet fejn kellu jsir xogħol ta’ manutenzjoni li kien ippjanat u l-konsumaturi ġew notifikati minn qabel.

Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn kien hemm qtugħ ta' dawl madwar Malta u Għawdex bejn l-1 ta' April 2026 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u għal kull istanza tgħid kemm dam il-qtugħ tas-servizz u x'kienet il-kawża tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-qtugħ fil-provvista kien minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew sospensjonijiet tas-servizz pjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli.

Ras Ħanżir – Impjant tal-fuel – Ġranet li kien magħluq

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema ġranet, bejn April u Ġunju, kien magħluq l-impjant tal-fuel ta’ Ras Ħanżir u r-raġuni għal dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-installazzjoni ta’ Ras Ħanżir kienet magħluqa bejn l-Erbgħa, 27 ta' Mejju, u l-Ħadd, 31 ta' Mejju, kif ukoll bejn il-Ġimgħa, 5 ta' Ġunju, u l-Ħadd, 7 ta' Ġunju. Iż-żewġ perjodi ta' għeluq kienu meħtieġa minħabba manutenzzjoni biex jitwettqu l-interventi neċessarji fuq is-sistema tal-ventilazzjoni.

BCA – Liġi Sussidjarja 623.08 – Kontravenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) għal kontravenzjonijiet li jaqgħu taħt il-Liġi Sussidjarja 623.08, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2022 sal-aħħar ta' Ġunju 2026, inħarġu 882 ċitazzjoni għal kontravenzjonijiet li jaqgħu taħt il-Liġi Sussidjarja 623.08.

BCA – Liġi Sussidjarja 623.06 – Kontravenzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet mill-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) għal kontravenzjonijiet li jaqgħu taħt il-Liġi Sussidjarja 623.06, minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2022 sal-aħħar ta' Ġunju 2026, inħarġu 1,122 ċitazzjoni għal kontravenzjonijiet li jaqgħu taħt il-Liġi Sussidjarja 623.06.