Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kirkop Tunnels u Airport Intersection Project

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex wasal il-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project, li kien imwiegħed li jkollu lanes minnu lesti u miftuħa fl-ewwel kwart ta' din is-sena? Jista' jgħid meta dan il-proġett huwa mistenni li jkun lest għalkollox?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) ser joffri konnessjonijiet eħfef u aktar siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħrajn fil-viċinanzi. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja u flyover li se tgħaddi minn fuqha, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Port Ħieles, żewġ destinazzjonijiet kruċjali għal diversi setturi tal-ekonomija. Ir-roundabout tal-Gudja tinsab f’salib it-toroq ma’ diversi toroq arterjali, li jinkludu Vjal l-Avjazzjoni, minn u lejn Ħal Luqa, il-Marsa u Ħal Qormi; Triq Dawret il-Gudja, lejn il-Gudja u Ħal Għaxaq; Triq Ħal Far, minn u lejn Ħal Far, il-Freeport u Birżebbuġa; u Triq l-Ewwel Titjira li tgħaqqad ir-roundabout mal-mini ta’ Ħal Kirkop. Hemm ukoll Triq il-Karwija, li twassal għall-Ajruport. Il-mina ġdida se toħloq konnessjoni diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni u dawk ta’ Triq Ħal Far. B’hekk, dawk li jkunu għaddejjin f’din ir-rotta, inkluż vetturi kbar, ġejjin minn jew sejrin lejn Birżebbuġa, il-Port Ħieles jew il-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, ma jkollhomx għalfejn iduru mar-roundabout. Fuq il-mina, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ir-roundabout eżistenti u l-korsiji tal-bypass b’disinn imtejjeb biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. Fit-tielet livell imbagħad, fuq ir-roundabout se jkun hemm il-flyover li sservi ta’ pont bejn il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Vjal l-Avjazzjoni u Triq l-Ewwel Titjira, fid-direzzjoni lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. Għaldaqstant, jekk tkun trid tiġbed lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop biex tibqa’ sejjer Ħal Kirkop, l-Imqabba, l-Qrendi, ż-¯urrieq jew Ħal Safi mhux se jkollok bżonn aktar tgħaddi mar-roundabout. KTAIP u Luqa Junction Project, li qed jinbena biswitu u jinkludi ukoll il-bini ta’ flyover oħra, huma l-ikbar żewġ proġetti li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali. L-ewwel korsiji ta’ KTAIP, b’konnessjoni aħjar minn Ħal Far lejn ir-roundabout tal-Ajruport, ser jinfetħu fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif kien oriġinarjament ippjanat li dawn jiftħu fl-ewwel nofs tas-sena. Ix-xogħlijiet f’dawn l-inħawi jeħtieġ li jsiru b’attenzjoni kbira għal fdalijiet arkeoloġiċi li jista’ jkun hemm mirdumin taħt l-art. Fil-fatt, kull xogħol ta’ tħaffir qed isir taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Fejn jinstabu fdalijiet t’importanza storika, Infrastructure Malta qed taħdem mas-Sovrintendenza ħalli tippriservahom billi tadatta l-pjanti tal-proġett. Ix-xogħlijiet kollha ta’ KTAIP mistennija jkunu lesti fl-ewwel kwart tas-sena 2023. Madankollu, il-flyovers taż-żewġ proġetti ppjanati li jibdew jintużaw qabel l-aħħar ta’ din is-sena. L-istrutturi tal-azzar li se jiffurmaw il-gvieret taż-żewġ flyovers qed jinħadmu ġewwa fabbrika f’Sevilja, Spanja u l-ewwel partijiet minnhom mistennija jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Malta fil-ġimgħat li ġejjin. Fuq is-siti tal-proġetti, il-kuntratturi tal-aġenzija diġà bnew il-kolonni tal-konkos li ser iserrħu fuqhom il-flyovers kif ukoll ir-rampi li jwasslu għalihom. Il-flyover ta’ ħdejn l-ajruport se tkun twila 400 metru u ser toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-Mini ta’ Ħal Kirkop. Il-gverta ta’ din il-flyover ser tkun magħmula minn 7 biċċiet tal-azzar li jiżnu 300 tunnellata. Miexi ġmielu wkoll it-tħaffir u l-bini tal-mina taħt ir-roundabout tal-Ajruport. Fil-ġimgħat li għaddew il-ħaddiema bdew isaqqfu l-ewwel biċċiet minnha. Flimkien, il-KTAIP u Luqa Junction Project se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta. Ser jeliminaw ukoll żewġ żoni magħrufin għall-aċċidenti, billi jneħħu l-ħtieġa li vetturi jaqsmu kontra xulxin fiż-żewġ roundabouts. Fl-istess waqt, permezz ta’ faċilitajiet aktar siguri, se jonqsu wkoll ir-riskji t’aċċidenti għal dawk li jkunu għaddejjin f’din iż-żona bil-mixi jew bir-rota. Dawn iż-żewġ proġetti se jwasslu ukoll għal titjib sinjifikanti fil-kwalità tal-arja f’Ħal Luqa, il-Gudja u nħawi oħrajn fil-viċin. Fil-fatt, huwa stmat li se jnaqqsu sa 9 tunnellati emissjonijiet tal-materja partikulata kull sena. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju, li huma fost l-ikbar kontributuri tal-kriżi fil-klima, se jonqsu bi 33,000 tunnellata kull sena.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 156, peress li artikolu 35 (3) u 35 (5) tal-Att Dwar Kunsilli Lokali Kap. 363, jagħmilha ċara ħafna u mingħajr lok ta' interpretazzjoni li l-Ministru huwa l-unika wieħed li jista' jipproponi emendi għal bye-law approvata mill-Kunsill jew joġġezzjona għaliha u li l-Ministru għandu biss tmien ġimgħat ċans biex jagħmel dan, u li allura d-Diviżjoni m'għandha l-ebda funzjoni li tipproċessa u temenda bye-law approvata mill-Kunsill, jista' l-Ministru jispjega kif aktar minn ħames xhur wara li dawn waslu għand id-Direttur tal-Kunsill Lokali, il-Kunsill Lokali għadu bla risposta? Jista' jgħid min qed jikser artikolu 35 tal-Att Dwar Kunsilli Lokali, jekk hux hu jew id-Diviżjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwqt illi hu minnu li l-emendi għal proposta ta’ bye-laws isiru mill-Ministru skont l-imsemmija dispożizzjoni tal-Att dwar Gvern Lokali, l-ivvettjar ta’ proposta tal-bye-laws fejn jirrigwardja abbozzar, dokumentazzjoni meħtieġa u jekk hemmx leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-materja li dwarha tkun qed issir il-proposta ta’ bye-law, isir mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali. Dan il-proċess isir sabiex meta tgħaddi l-imsemmija proposta għand il-Ministru ghall-konsiderazzjoni tiegħu dwar jekk għandux japprova o meno il-proposta tal-bye-laws, il-Ministru ikollu l-istampa kollha quddiemu. F'ċirkostanzi fejn il-proposta tal-bye-law ma tkunx kompluta bid-dokumentazzjoni meħtieġa, tali proposta tintbagħat lura lill-Kunsill sabiex dawn jerġgħu jissottomettu l-proposta bid-dokumentazzjoni kollha meħtieġa. Huwa biss fl-istadju meta l-proposta tal-bye law tintbghat lura kompluta bid-dokumentazzjoni kollha mehtiega illi tali bye-law tiġi proċessata skont kif tesiġi l-liġi. Fil-każ tal-proposta ta’ Bye-Laws ippreżentata mill-Kunsill Lokali tal-Gudja, dawn ġew mibgħuta lid-Direttur nhar it-28 ta’ April 2022. Fit-2 ta’ Mejju 2022, il-Legal Unit tad-Diviżjoni infurmat lill-Kunsill li sabiex id-Diviżjoni tkun tista’ tipproċessa l-imsemmija Bye Laws jeħtieġ li jintbgħatu wkoll kopja tal-minuti tal-laqgħa li fiha ġew diskussi u approvati dawn il-bye-laws u ċ-checklist li bħalissa qed tintalab lill-Kunsilli Lokali sabiex ikunu jistgħu jiġu proċessati u ppublikati bye-laws. FL-10 ta’ Mejju 2022 il-Kunsill Lokali tal-Gudja reġa’ bagħat kopja tal-Bye laws bil-Malti u bl-Ingliż, flimkien ma` Checklist u kopja tal-Minuti. Fid-dawl tal-ispjega t’hawn fuq, mhuwiex minnu dak li qed jissuġġerixxi l-Onorevoli interpellant u m’hemm l-ebda ksur tad-dispożizzjoni tal-Artikolu msemmi mill-Onor. Interpellant stante li l-Ministru għadu fiż-żmien li jezercita d-dmirijiet tieghu skont l-artikolu ċitat mill-istess Onor. Interpellant u ghalhekk tigi eccepita l-intempestivita tad-domanda tal-Onor. Interpellant.

Santa Luċija — Kulleġġ St. Thomas More - sala

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 157, jista' l-Ministru jwieġeb id-domanda oriġinali li kienet meta (xahar u sena) huwa ppjanat li x-xogħol fuq is-sala tal-iskola msemmija jitlesta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nistieden lill-Onor. interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal-Mistoqsija Parlamentari 519

Sta. Luċija – Kulleġġ St. Thomas More – xogħol fis-sala

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol fis-sala tal-Kulleġġ St Thomas More ġewwa Santa Luċija jinsab wieqaf u jinforma lill-Kamra meta huwa ppjanat li jitlesta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tender għax-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, kif ukoll dawk ta’ finishes, jinsab fi stadju ta’ evalwazzjoni wara li t-tender ġie ppubblikat diversi drabi. B’investiment ta’ madwar €4 miljun, it-tfal li jattendu f’din l-iskola bħala parti mill-Kulleġġ St Thomas More u l-komunità ta’ Santa Luċija se jkollhom faċilitajiet moderni u mill-isbaħ biex jipprattikaw tipi varji ta’ sport jew jittellgħu attivitajiet soċjali.

MFSA — kumpaniji li ma daħħlux l-audited accounts mal-Malta Business Registry - azzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il azzjoni ittieħdet mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fuq kumpaniji li ma daħħlux l-audited accounts tagħhom mal-Malta Business Registry kif inhu mitlub mil-liġi, x’kienet din l-azzjoni, jekk twaħħlu multi ta’ kemm kienu, u x’tip ta’ kumpaniji kienu (public limited company, private limited company, etc.)? Jista’ jagħti rendikont ta’ dan għas-snin 2020 u 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellent li ta’ min wieħed jinnota li l-MFSA u l-Malta Business Registry huma zewġ entitajiet separati li għandhom personalità legali distinta u separata minn xulxin. Għaldaqstant, azzjoni kontra kumpaniji li ma daħlux l-audited accounts tagħhom mal-Malta Business Registry tista’ tittieħed biss mill-istess Malta Business Registry. Madanakollu, l-MFSA għandha l-poter ukoll li timponi azzjonijiet fuq kumpaniji li huma liċenzjati u/jew awtorizzati mill-MFSA u jonqsu milli jissottomettu d-dokumenti li huma obbligati jgħaddu lill-Awtorità fiż-żmien stipulat mil-liġi, regoli u/jew regolamenti applikabbli għal kull settur. Informazzjoni rigward dawn l-azzjonijiet imponuti mill-MFSA fl-2020 u l-2021, huma disponibbli pubblikament skont l-Artikolu 16(8) tal-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta u wkoll skont l-Publication policy tal-Awtorità fuq is-sit tal-MFSA.

Enel – xiri ta’ gass

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra bid-dettalji tal-ftehim il-ġdid dwar ix-xiri tal-gass mill-Enel li ġie rrapportat fid-29 ta’ April, 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. membru li l-Enemalta m’għandha ebda ftehim għax-xiri tal-gass mill-Enel, imma għandha ftehim ta’ hedging mal-kumpanija Taljana Enel. Dan il-hedging kien meħtieġ u sar fl-isfond ta’ suq volatili fil-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija.

Enemalta – pubblikazzjoni ta’ kontijiet awditjati

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex il-kumpanija Enemalta, li l-Gvern għad għandu l-maġġoranza tal-ishma tagħha, ilha ma tippubblika l-kontijiet awditjati tagħha mill-2018, u meta dawn se jkunu qed jiġu ppubblikati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmata li fil-fatt il-kontijiet awditjati tal-Enemalta għas-snin finanzjarji 2018,2019 u 2020 ġa ġew mgħoddija lil Malta Business Register kif titlob il-liġi.

Enemalta — telf

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien it-telf kull xahar li qed jiġi rapportat li qed tagħmel l-Enemalta u qed ikun kumpensat mill-Gvern minn Jannar, 2022 sal-lum? Tista’ tgħid jekk il-kumpanija li d-dettaji dwara qed jingħataw separatament, li hija proprjetarji ta’ 33% tal-ishma tal-Enemalta, hijiex qed toħroġ sehem minn dan il-kumpens jew hijiex qed tagħmel profitt, u ta’ kemm hu dan is-sehem ta’ kumpens jew profitt?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern investa u qed jinvesti l-flus biex jipproteġi lill-konsumaturi miż-żieda fil-prezzijiet tas-suq internazzjonali tal-enerġija. Dan ifisser li l-ebda parti minn dak li ħallas il-Gvern m'hi qed tgħaddi bħala dividends għand ix-shareholders, huma min huma. L-uniku li qed jibbenefika huwa l-konsumatur. L-Enemalta tkun f’pożizzjoni li tippreżenta t-tagħrif dwar il-kontijiet tagħha ladarba dawn jiġu preżentanti skont l-obbligi li għandha l-kumpanija.

Ftehim ta’ Koordinazzjoni bejn il-Gvern Malti u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Ftehim ta’ Koordinazzjoni li ġie rapportat li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-4 ta’ Marzu, 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra il-ftehim imsemmi minnu.

Kalkara – Triq il-Missjoni Taljana — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol fi Triq il-Missjoni Taljana, il-Kalkara, ilu wieqaf għal dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jispjega wkoll għaliex saru tliet points tal-ilma ġodda tul it-triq, li mill-20 ta’ Mejju, 2020 s’issa, jidher li m’huma konnessi ma mkien u x’inhu l-iskop li għalih saru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari 152, din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Skema ta’ Parkeġġ Residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema ta’ parkeġġ residenzjali li ilha ffriżata biex tiġi evalwata mill-2012? Jista’ jagħti rendikont ta’ kemm hemm Kunsilli Lokali li minn dakinhar ‘l hawn applikaw għal din l-iskema u għadhom bl-applikazzjoni tagħhom pendenti u liema huma?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li, b’rabta mal-iskema msemmija, fl-aħħar snin Transport Malta rċeviet applikazzjonijiet mingħand il-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara, Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Mosta, Tas-Sliema, l-Iklin, San Pawl il-Baħar, il-Gudja, Ħal Għaxaq u Ħaz-Zebbuġ, qegħdin isiru t-taħditiet neċessarji dwar it-triq ’il quddiem.

Proġett ta’ Tal-Barrani — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jitkompla x-xogħol fuq il-proġett f’Tal-Barrani, fejn kienu ngħalqu ħafna junctions b’Infrastructure Malta tinforma lill-Kunsilli f’Jannar, 2021 li dan kien temporanju? Meta huwa ppjanat li ssir pereżempju l-hairpin loop li kellha ssir f’Tal-Barrani kantuniera ma’ Triq il-Belt Valletta, Għaxaq li kellha tieħu post ħafna mill-junctions li jinsabu magħluqin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-proġett ta’ titjib fi Triq Tal-Barrani se jibda hekk kif jintemmu x-xogħlijiet ta’ Luqa Junction Project u Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP) fir-rotta ewlenija lejn l-Ajruport, sabiex jonqsu kemm jista’ jkun id-diffikultajiet tax-xogħlijiet għal dawk li juzaw dawn ir-rotot minn u lejn in-nofsinhar ta’ Malta.

Santa Luċija – Xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol fuq it-toroq f’Santa Luċija, speċjalment dawk ta’ quddiem il-knisja li qed joħolqu inkonvenjent kbir lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li x-xogħlijiet fi Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale huma lesti, bħalissa għaddejjin l-aħħar xogħlijiet tat-tieni fażi f’Dawret it-Torri li għandha titlesta sa tmiem dan ix-xahar. F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta għaddiet minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn kien meħtieġ, issaħħew ukoll il-pedamenti tat-toroq u nbnew bankini ġodda, qabel ma sarilhom wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. Saret ukoll mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u se jsiru xogħlijiet ta’ tisbiħ ieħor fl-istess inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli wara li fl-2020, l-aġenzija kienet diġà ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ din iż-żona.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma meta d-Direttur tal-Gvern Lokali rċieva l-bye-law approvata mill-Kunsill Lokali tal-Gudja dwar il-parkeġġ residenzjali, liema bye-law il-Kunsill Lokali ġie nformat mis-Sindku li ntbagħtet lilu fil-Laqgħa nru 63 tal-Erbgħa 22 ta’ Diċembru, 2021? Jista’ jikkonferma jekk din il-bye-law ġietx mgħoddija lilu mid-Direttur u jekk hu ressaqx emendi għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-preżent id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali qed tipproċessa t-talba tagħhom.