Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq — Żona Speċjali ta' Konservazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art immarkata fis-site plan anness (kordinati 35.83661788305, 14.515264067955), fl-inħawi ta' Ħas-Saptan, Ħal Għaxaq, li hija kkunsidrata bħala Żona Speċjali ta' Konservazzjoni (Special Area of Conservation), hijiex art pubblika jew art privata? Jekk hi art pubblika, għadha miftuħa għall-pubbliku jew ġiet mgħoddija lil terzi? Jekk ġiet mgħoddija lil terzi, jista' jgħid b'liema proċedura ġiet mgħoddija, taħt liema kriterji u jekk ingħatatx b'tender?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtortita ta' l-artijiet infurmatni li l-art immarkata fis-site plan indikat fl-inħawi ta' Ħal Saptan, Ħal Għaxaq hija art pubblika. Ninforma ukoll li din l-art ma gietx mgħoddija lit-terzi.

Ftuħ tal-Ispecial Olympics — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender eċċ.)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 822 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 308 li l-Ministru wieġbet biex nirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-XIII-il Leġiżlatura li qed tikkwota, tista' għaldaqstant il-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret lil kull wieħed u waħda mill-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u ċjoè skont l-artikolu 3(6) tal-Kap. 545, x'kienet il-"proċedura indipendenti u imparzjali" li użat biex żgurat li għandhom il-"ħiliet u l-esperjenza meħtieġa", x'kienu l-"kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati" li bbażat fuqhom, u fejn u meta kienu pubblikati dawn il-kriterji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-artiklu li qed jirreferi għalih iddaħħal fil-liġi permezz tal-Att XLIX tal-2021, kif ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern tat-23 ta’ Lulju 2021. Minn wara din id-data, fuq il-Bord tar-Regolatur, kienet saret biss ħatra waħda fejn persuna mill-kamp legali kienet inħatret biex tissostitwixxi membru preċedenti li wkoll kienet ġejja mill-kamp legali u li sfortunatament kienet ġiet nieqsa ħesrem. Sadanittant din il-persuna ma setgħetx tkompli bħala membru tal-Bord u allura illum hemm vakanza li trid timtela skont il-kriterji li hemm stabbiliti fil-liġi kif emendata f’Lulju 2021.

Raħal Ġdid — Pjazza Antoine de Paule, Triq tal-Borg u Triq Ħaż-Żabbar – dawl tat-triq

Question

Tista' l-Ministru tara li titranġa s-sitwazzjoni tad-dawl tat-triq (street lighting) fi Pjazza Antoine De Paule, Triq tal-Borġ, Triq Ħaż Żabbar u toroq oħra tal-madwar f'Raħal Ġdid, fejn id-dawl issa ilu ġranet jew ma jixgħelx jew jixgħel tard ħafna billejl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa u d-dwal fi Pjazza Antoine De Paule u t-toroq tal-madwar huma mixgħula.

Kuntratti ta’ Housing tal-Gvern

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 976, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kull tip ta’ kuntratt, kemm dawk ta’ postijiet mibnija mill-Gvern, dawk b’xi ftehim mal-privat u/jew kull tip ieħor, u jgħid kemm saru minn kull tip?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Mejju 2021 sal-31 ta’ Mejju 2022 saru 508 kuntratti ta’ kirja mill-Awtorità tad-Djar. Dawn huma maqsuma hekk kif ġej fit-tabella t’hawn taħt: Tip ta’ Kuntratt Total Proprjetà tal-Gvern/Awtorità tad-Djar 183 Proprjetà mikrija mingħand il-privat 325 Total 508

Enemalta — pubblikazzjoni ta’ kontijiet awditjati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 821, jista’ l-Ministru jikkonferma li allura ma ttieħdet l-ebda azzjoni fuq in-nuqqas tal-kumpanija Enemalta plc., li tagħha l-Gvern għandu s-sehem maġġoritarju, li tissottometti l-kontijiet awditjati tagħha għas-snin 2019, 2020 u 2021 fil-ħin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Delimara – xiri ta’ unit ta’ enerġija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 910, tista’ l-Ministru tgħid x'inhuma l-"interessi kummerċjali" li qed tirreferi għalihom, ġaladarba l-Enemalta għandha monopolju fuq id-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika, li hu suq li għadu mhux liberalizzat, u allura m'għandhiex kompetizzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li qed jitkellem dwar monopolju fid-distribuzzjoni tal-enerġija, id-domanda tiegħu mhix dwar id-distribuzzjoni iżda dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija. F’dan il-każ m’hemmx sors wieħed minn fejn tinxtara l-enerġija. Għalhekk ma jeżistix il-monopolju li qed isemmi hu u jeżisti suq fejn l-Enemalta tħaddem proċess kontinwu ta' dispatch optimisation. Għax il-prezzijiet tal-elettriku mill-Interconnector jvarjaw minn siegħa għall-oħra u l-EneMalta tixtri minn suq miftuħ li jopera f’forma ta’ irkant, il-pubblikazzjoni tal-volumi u tal-prezzijiet dettaljati, ixekklu dan il-proċess billi jtellfu l-opportunita li l-Enemalta takkwista l-aħjar prezzijiet fis-swieq. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li din l-amministrazzjoni tibqa’ impenjata li toffri l-aħjar prezz tal-elettriku possibbli lill-konsumatur Malti. U r-riżultat hu li fl-iktar mumenti diffiċli l-konsumatur Malti baqa’ jgawdi minn prezzijiet tal-enerġija stabbli.

Il-Gudja – Triq il-Karwija u Triq De Warsbergh – zebra crossing temporanja

Question

Peress li saret zebra crossing temporanja fit-tarf ta' Triq il-Karwija kantuniera ma' Triq De Warsbergh, il-Gudja (hekk kif jidher fir-ritratt anness) jista' l-Ministru jara li jsir dawl adegwat u jerġgħu jinżebgħu l-linji ta' zebra crossing, minħabba li din kważi ċċarat għalkollox u l-karozzi mhux jinnutawha, b'periklu serju għal kull min ikun qed jimxi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Il-linji tal-punt ta’ qsim pedonali indikat huma ppjanati li jerġgħu jin¿ebgħu minnufih. Sadanittant, Infrastructure Malta infurmat lill-entità konċernata sabiex tizgura li d-dwal indikati tat-triq ikunu mixgħulin kif meħtieġ.

Malta Business Registry – Public Limited Companies li ma daħħlux l-audited accounts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il azzjoni ttieħdet fuq public limited companies li ma daħlux l-audited accounts tagħhom mal-Malta Business Registry kif inhu mitlub mil-liġi? X’kienet din l-azzjoni u jekk twaħħlu multi, ta’ kemm kienu għas-snin 2020 u 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 158.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-bord

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 308 li l-Ministru wieġbet biex nirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-XIII-il Leġiżlatura li qed tikkwota, tista' għaldaqstant il-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret lil kull wieħed u waħda mill-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u ċjoè skont artiklu 3(6) ta' Kap. 545, x'kienet il-"proċedura indipendenti u imparzjali" li użat biex żgurat li għandhom il-"ħiliet u l-esperjenza meħtieġa", x'kienu l-"kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati" li bbażat fuqhom, u fejn u meta kienu pubblikati dawn il-kriterji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — segretarjat

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tas-Segretarjat tagħha? Kemm hemm ħaddiema (total) fis-Segretarjat? Tista’ tippreżenta l-organigram bl-istruttura tal-istess segretarjat? Tista’ tindika wkoll kemm minn dawn il-ħaddiema huma: (a) f’positions of trust; (b) persons of trust; u (ċ) taċ-ċivil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 39.

Artifatt tal-istorja — proċedura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 680 u jinforma lill-Kamra bil-proċedura li wieħed jista' jsegwi biex ikun jista’ jakkwista jew iżomm għandu artifatt tal-istorja?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed nifhem li, meta l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal artifatti tal-istorja, hu qed jirreferi għal oġġett ta’ valur tal-patrimonju kulturali. Dan hu regolat bl-Att tal-Patrimonju Kulturali (Kap. 445).

Delimara – xiri ta’ unit ta’ enerġija

Question

Tista' l-Ministru tippubblika l-prezz medju li bih inxtara kull unit ta' enerġija minn Delimara 4 (Electrogas), kull unit ta' enerġija minn Delimara 3 (l-impjant tal-BWSC li kien ġie mgħoddi lil Shanghai Electric), u kull unit tal-enerġija mill-Interconnector, f'kull xahar bejn April 2017 u April 2022? Tista’ l-Ministru tgħid ukoll kemm-il unit inxtara minn kull wieħed minn dawn is-sorsi f'kull xahar fil-perjodu msemmi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettal speċifiku tal-informazzjoni li talab jippreġudika l-interess kummerċjali tal-Enemalta. Tajjeb li ninforma li l-Enemalta tħaddem politika ta’ dispatch optimisation billi tikkunsidra kemm il-prezzijiet fis-suq, kif ukoll kunsiderazzjonijiet tekniċi u kummerċjali oħra, fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, is-sena kollha.

Kuntratti ta’ housing tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il kuntratt ta' housing tal-Gvern sar kull xahar f'din l-aħħar sena minn Mejju 2021 sa Mejju 2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema kuntratti ta’ housing qiegħed jirreferi sabiex tingħata l-informazzjoni koretta.

Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro

Question

B'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 tat-13-il Leġiżlatura, fil-15 ta' Frar 2021, il-Ministru kienet infurmat lill-Kamra li r-rapport intern li għamlet l-Enemalta dwar il-proċess tal-wind farm fil-Montenegro ġie mgħoddi lill-Pulizija, u għaldaqstant tista' issa l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 fit-13-il Leġiżlatura.

Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro – investigazzjoni tal-Pulizija

Question

B'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 19043 tat-13-il Leġiżlatura, fil-15 ta' Frar 2021 il-Ministru tal-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli kienet infurmat lill-Kamra li r-rapport intern li għamlet l-Enemalta dwar il-proċess tal-wind farm fil-Montenegro ġie mgħoddi lill-Pulizija u għaldaqstant jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra fiex waslet l-investigazzjoni tal-Pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru ma jkunx infurmat bl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma – Membri tal-Bord

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-proċedura li użat biex ħatret il-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li ġew appuntati fit-12 ta' Ottubru, 2021?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 22505, 22827 u 23696 tat-Tlettax-il Leġiżlatura.

Electrogas Power Station (Delimara 4) – prezz li bih kien qed jinxtara l-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma lill-Kamra li mill-5 ta' April, 2022 spiċċa ż-żmien tal-prezz fiss li bih kien qed jinxtara l-elettriku mill-power station tal-Electrogas (Delimara 4) abbażi tal-Power-Purchase Agreement, skont ma kkonferma l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu pubblikat f'Novembru 2018, u li l-prezz medju li bih inxtara kull unit ta' enerġija minn Delimara 4 issa li beda l-"indexed price period" mill-5 ta' April sa meta tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Indexed Price period beda mill-14 ta’ April u l-prezz medju li bih jinxtara l-elettriku mill-impjant magħruf bħala Delimara 4 huwa ta’ €85.81/MWh. Ma' dan il-prezz, l-Enemalta tixtri wkoll l-EU Emissions Allowances, magħrufa wkoll bħala Carbon Emissions, li l-prezz medju fis-suq bħalissa jirriżulta nefqa ta' €20.73/MWh. Kif jaf l-Onorevoli intepellant, dan mhux l-uniku sors minn fejn tinxtara l-enerġija. Fost oħrajn hemm l-interconnector li l-prezz medju tiegħu f’April kien ta’ €258.25/Mwh, li ma jinkludix ċerti spejjeż anċillari.

Il-Kalkara — Triq Missjoni Taljana - points tal-ilma ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tispjega għaliex fi Triq il-Missjoni Taljana, il-Kalkara, saru 3 points tal-ilma ġodda tul it-triq li mill-20 ta’ Mejju 2020 s’issa jidher li mhuma konnessi ma mkien, u x’inhu l-iskop li għalih saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-“3 points tal-ilma” li qed jirreferi għalihom huma pedestalli tal-ħadid li magħhom għad jonqos li jiġu installati l-pompi tal-ilma awtomatiċi. L-installazzjoni tagħhom tagħmel parti min-network il-ġdid tan-New Water fin-Nofsinhar ta’ Malta; network li qed jinfirex u li qed jibda jintuża gradwalment.