B’referenza għat-tagħrif li ta fil-konferenza stampa tal-1 ta Ġunju 2022 dwar ħlas lil dawk li sofrew anomaliji u inġustizzji, jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew it-taħditiet mar-rappreżentanti tal-ex-ħaddiema tal-PBS dwar il-kwistjoni tal-pensjoni tagħhom, in vista tal-wegħda elettorali nru 109 u l-fatt li dawn l-inġustizzji ġew konfermati b'sentenza mill-Qorti fl-2017? Jista' l-Gvern jgħid hux ser jimxi mal-wegħda tiegħu jew hux ser ikompli bl-appell li fetaħ kontra din is-sentenza?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour — Kumpanija li rebħet it-tender
Question
In kwantu għat-Tender IM014/2020, Professional Services In Connection With The Supervision and Works Certification for Works Tender IM006/2020 (Tender for High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour), liema tender ġie mirbuħ mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jagħti lista ta' min huma l-Key Experts li jitlob it-tender u l-kwalifiki u l-esperjenza li ssottomettew li għandhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Grand Harbour Clean Air Project (GHCAP) huwa investiment ambjentali ta’ €49.9 miljun fil-Port il-Kbir sabiex vapuri tal-passiġġieri u dawk li jġorru l-merkanzija jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gasoil jew heavy fuel oil u minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt, sabiex iħaddmu l-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port.
B’dan l-investiment kofinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea, Infrastructure Malta qed tnaqqas b’90% t-tniġġis tal-arja li dawn il-vapuri jikkawżaw fil-Port il-Kbir, biex nagħtu arja aktar nadifa lil 17,000 familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
L-ewwel konnessjonijiet għad-distribuzzjoni tal-elettriku mix-xatt lill-vapuri tal-passiġġieri fix-Xatt ta’ Pinto, il-Furjana u f’Boiler Wharf, l-Isla huma skedati li jibdew joperaw fit-tieni kwart tal-2023, biex Malta tkun minn tal-ewwel fl-Ewropa li tadotta din it-teknoloġija ambjentali fuq skala ta’ port sħiħ.
Studji prelimarji jindikaw li permezz ta’ GHCAP, fuq medda ta’ 20 sena Malta se tiffranka sa €375 miljun fi spejjeż ikkawżati mit-tniġġis fl-arja, bħal dawk ta’ saħħa u kura medika kif ukoll sabiex jittaffew l-impatti tat-tniġġis fuq l-ambjent naturali, fuq l-infrastruttura u fuq l-agrikoltura. Il-proġett se jnaqqas ukoll l-inkonvenjent tal-istorbju u t-tregħid tal-magni fil-Port il-Kbir.
B’dan il-proġett, Infrastructure Malta se tnaqqas drastikament l-emissjonijiet mill-vapuri tal-passiġġieri li jiġu Malta. Ladarba jkunu qed jitfu l-magni, il-vapuri tal-passiġġieri li jżuruna jibdew jarmu 93% inqas ossidji tan-nitroġenu (nitrogen oxides), 92.6% inqas materja f’partiċelli (particulate matter) u 99.6% inqas dijossidu tal-kubrit (sulphur dioxide). Dawn huma fost l-aktar emissjonijiet li jikkaġunaw mard respiratorju u problemi oħra ta’ saħħa. L-ewwel fażi tal-Grand Harbour Clean Air Project se jnaqqas ukoll b’39.6% l-emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju (carbon dioxide), li qed jikkawżaw l-emerġenza fil-klima.
Ftit ġimgħat ilu, l-aġenzija poġġiet l-aħħar medda ta’ cables taħt l-art tan-netwerk ta’ tmien kilometri ta’ 33 kilovolt li se jwassal l-elettriku miċ-ċentru tad-distribuzzjoni ewlieni ta’ Enemalta plc fuq l-Għolja tal-Ġi¿witi, il-Marsa lejn iż-żewġ frequency converter stations ġodda tal-proġett li jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay) fil-Marsa u f’Xatt il-Boiler, l-Isla. Dan is-sajf, se tkun qed tlesti dan in-netwerk bit-tqegħid ta’ 800 metru ta’ cables f’qiegħ il-baħar minn ħdejn il-Moll tal-Pont (Bridge Wharf), fil-Marsa lejn il-Moll tal-Faħam (Coal Wharf), f’Kordin.
Sadattant, Infrastructure Malta poġġiet ukoll 20 kilometru minn netwerk ieħor ta’ 90 kilometru cables oħrajn ta’ 11-il kilovolt u cables ta’ komunikazzjoni li ser jgħaqqdu t-tagħmir fil-frequency converter stations mal-istazzjonijiet max-xatt u s-17-il punt ta’ konnessjoni għal mal-vapuri li se jkun hemm fuq il-mollijiet madwar il-Port il-Kbir, fil-Belt Valletta, il-Furjana, il-Marsa u l-Isla.
Iż-żewġ frequency converter stations ġodda jinsabu ħdejn Xatt l-Għassara tal-Għeneb fil-Marsa u f’parti minn tinda kbira ta’ żmien l-Ingliżi li hemm f’Boiler Wharf, l-Isla. L-inġiniera u t-tekniċi issa qegħdin jgħammru dawn l-istazzjonijiet bis-sistemi meħtieġa, li jinkludu 18-il transformer li jvarjaw minn 0.5MVA għal 21 MVA, erba’ frequency converters u 71 switchgear units biex flimkien jikkontrollaw u jikkonvertu d-distribuzzjoni tal-elettriku għall-frekwenzi meħtieġa mill-vapuri li jżuru l-Port il-Kbir.
Il-proġett ser jintroduċi d-distribuzzjoni tal-elettriku mill-mollijiet prinċipali tal-Port il-Kbir għall-vapuri tal-passiġġieri fil-Furjana, il-Marsa u l-Isla. Infrastructure Malta mbagħad se testendi ukoll din it-teknoloġija lejn Xatt il-Laboratorju u Ras Ħan¿ir (Fuel Wharf), f’Raħal Ġdid, ix-Xatt ta’ Lascaris fil-Furjana u partijiet mit-Tarzna ta’ Palumbo u l-Mediterranean Maritime Hub. F’Ras Ħan¿ir, Infrastructure Malta daqt tniedi l-bini ta’ faċilità ġdida ta’ 360 metru għall-immaniġġjar tal-merkanzija biex iżżid il-kapaċità, l-flessibbiltà u l-effiċjenza tal-Port.
Fl-2020, qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett, il-Kummissjoni Ewropea inkludiet il-GHCAP f’lista ta’ 140 proġett infrastrutturali għat-trasport madwar l-Ewropa li se jkunu kofinanzjati permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-iskema ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea li tappoġġa infrastruttura għal trasport aktar sostenibbli.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-key experts li jitlob it-tender indikat.
F'kummenti li ta lill-media indipendenti fit-13 ta' Ġunju, il-Ministru għamel referenza għall-Kumitat dwar Kemmuna li se jkun qed jagħmel "pjan ħolistiku". Jista' jgħid:
(i) għal liema Kumitat kien qed jirreferi;
(ii) jekk dan il-Kumitat huwiex imwaqqaf diġà u jekk le, meta se jitwaqqaf;
(iii) min għażel jew min se jagħżel il-membri tiegħu;
(iv) ir-rekwiżiti mitluba mill-membri ta' fuq dan il-Kumitat; u
(v) it-termini ta' referenza ta' dan il-Kumitat?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20932 tal-Leġiżlatura XIII.
Kemmuna Management Plan – studji dwar il-carrying capacity tal-gżira
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Management Plan ta' Kemmuna tal-2016 isemmix li kellhom isiru studji dwar il-"carrying capacity" tal-gżira? F'liema stadju waslu dawn l-istudji u min hu responsabbli għalihom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Management Plan ta’ Kemmuna tal-2016 jinkludi miżura li tgħid li għandu jsir “a tourism carrying capacity assessment of the Blue Lagoon”. Il-Kumitat, li kien imwaqqaf apposta biex jikkordina bejn l-entitajiiet li huma involuti f’aspetti varji f’Kemmuna, ħa ħsieb li jsiru terms of reference biex ikun kummissjonat studju ta’ riċerka dwar il-carrying capacity ta diversi lokalitajiet f’Kemmuna.
Dawn l-istudji ġew kummissjonati u bħalissa qed jintużaw sabiex jiġi ffinalizzat il-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna. Il-proċess biex tiġi stabbilita il-carrying capacity jibqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kumitat ta’ Kemmuna li għandu jerġa' jiġi kostitwit.
Tista' l-Ministru tgħid preżentement hemmx Rangers ta' Ambjent Malta fuq Kemmuna u jekk iva, x'poteri ta' infurzar għandhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li rangers ta' Ambjent Malta għandhom rwol eduktattiv, minn dan is-sajf l-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), se jibda jkollha enforcement officers preżenti kuljum. L-għan prinċipali huwa dak li jedukaw lin-nies dwar ir-regolamenti fuq il-gżira, inkluż dwar littering u r-regoli tal-campsite. L-uffiċjali għandhom il-fakulta li jinfurzaw ir-regoli u joħorgu penali għal min jikser il-liġijiet ambjentali.
Foundation for Tourism Zone Development – Ġnien Ġlormu Cassar fil-Gudja — finanzjament
Question
Jista' l-Ministru jispjega għalfejn Ġnien Ġlormu Cassar, il-Gudja, proġett li ġie ffinanzjat mill-Foundation for Tourism Zone Development, għadu bla compliance certificate u għadu jiddependi minn dawl temporanju b'applikazzjoni tiġġedded kontinwament mill-Kunsill Lokali?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Triq Carlo Manchè, il-Gżira, li issa ilha iktar minn tliet xhur magħluqa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Fl-ewwel ħames xhur tal-2022, ir-raba’ sena tal-programm nazzjonali għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 90 triq residenzjali li flimkien iġibu 19-il kilometru oħra ta’ toroq b’infrastruttura ta’ kwalità ogħla. Dan ifisser medja ta’ erba’ toroq fil-ġimgħa kif kienet fl-2021 li matulha l-aġenzija lestiet 220 triq residenzjali.
Infrastructure Malta tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li kompliet għaddejja bi proġetti kbar f’toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, ukoll b’ħidma ta’ titjib tat-toroq rurali u programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn.
Fil-Gżira l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib fi Triq Luqa Briffa, Triq Nazju Ellul, Triq San Ġorġ, Triq il-Gżira u Triq Sliema, waqt li bħalissa għaddejja b’xogħlijiet simili f’toroq oħrajn. Fost dawn hemm proġett li qed twettaq f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi Triq Manoel De Vilhena u Triq Carlo Manche li jinsabu fil-qalba tal-lokalità ħdejn il-Knisja Parrokkjali.
Infrastructure Malta qed tagħmel ix-xogħlijiet ta’ bdil ta’ diversi servizzi taħt l-art, issaħħaħ il-pedamenti tat-triq u tiksiha b’sodda tal-konkos biex imbagħad isir pavimentar mid-Dipartiment imsemmi. Ix-xogħlijiet min-naħa tal-aġenzija fi Triq Carlo Manchè huma lesti.
Belt Valletta — Fortifications Interpretation Centre
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn il-Fortifications Interpretation Centre fil-Belt Valletta jinsab magħluq? Jista' wkoll jinformana meta hu ppjanat li jerġa' jinfetaħ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa l-Fortification Interpretation Centre jinsab magħluq għaliex qed isiru xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni u disinji kunċettwali u infrastrutturali sabiex jitfassal proġett ġdid minn Heritage Malta.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1414, peress li r-"regoli stabbiliti" jipprovdu għal "ogħla penali li jista' jiġi impost", jista' l-Ministru jagħti l-ammont preċiż tal-penali li ġie impost f'dan il-każ partikolari (Enemalta plc), kemm għall-kontijiet tal-2019 li ġew imdaħħla sena u nofs tard u kemm dawk tal-2020 li ġew imdaħħla madwar sitt xhur tard?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iżjed xi nżid mat-tweġiba għall-mistoqsija 1414.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1415, ġaladarba l-Ministru qed tgħid li ma tistax tippubblika "volumi u prezzijiet dettaljati xahar b'xahar fuq medda ta' numru ta' snin", tista' tippubblika biss il-prezzijiet u l-volumi ta' elettriku li nxtraw mill-interconnector, mill-Electrogas (Delimara 4) u minn Shanghai Electric (Delimara 3), għal xahar wieħed biss f'Mejju 2017?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xahar ta’ Mejju 2017 inxtraw 88,858 MWh mill-Interconnector għal prezz ta’ €59.20 kull MWh esklużi spejjeż anċillari. Skont stima tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, dawn l-ispejjeż anċillari ilaħħqu medja ta’ €28.06 kull MWh, għal total ta’ €87.26 għal kull Mwh.
Mill-impjant Delimara 3 inxtraw 33,984 MWh għall-prezz ta’ €82.90 kull MWh li jinkludi l-ispejjeż anċillari u inxtraw 43,670 MWh mill-impjant Delimara 4 għall-prezz ta’ €91.12 kull MWh li jinkludi l-ispejjeż anċillari.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li f'Mejju 2017, l-impjant Delimara 4 kien għadu kif beda jaħdem u kien qed jopera bil-mod Open Cycle. Fix-xhur ta wara’ meta beda l-operat normali il-prezz ta’ kull MWh min Delimara 4 niżel.
Għaldaqstant, wieħed għandu jieħu l-figuri li ngħataw hawn fuq fil-kuntest abnormali u partikolari tal-operat.
Special Olympics: ċerimonja tal-ftuħ – rendikont tal-infiq
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1100 u 1413, jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics mill-entitajiet u Ministeri konċernati, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura ingħata (direct order, tender, etc.)?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa ppjanat li jibdew jingħataw il-mediċini kollha b'xejn lill-anzjani kollha kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess imsemmi minnu qiegħed isir b’mod progressiv u gradwali u mħux f’data speċifika waħda.
Mellieħa – tindif tal-bajja biswit ir-Ramla Bay Resort
Question
Jista' l-Ministru jara li titnaddaf il-bajja pubblika li hemm biswit ir-Ramla Bay Resort, il-Mellieħa, hekk kif issa se jibda s-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-bajjiet pubblici li jitnaddfu mid-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni huma nodfa. Niġbidlu l-attenzjoni li fl-inħawi hemm bajja li taqa’ fil-konfini tal-privat.
Special Olympics: Ċerimonja tal-Ftuħ – rendikont tal-infiq
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender eċċ.)?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema azzjonijiet ittieħdu fuq in-nuqqas tal-kumpanija Enemalta plc, li tagħha l-Gvern għandu sehem maġġoritarju, li tissottometti fil-ħin il-kontijiet awditajti tagħha għas-sena 2019 (li ġew sottomessi biss f'April 2022), u għas-sena 2020 (li għadhom ma jidhrux fis-sit tal-Malta Business Registry) sal-ħin li qed issir din il-mistoqsija?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli interpellant li d-dokumenti tas-sena 2020 jinsabu fis-sit tal-Malta Business Registry, ngħarrfu li l-MBR timxi dejjem skont ir-regoli stabbiliti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1304, tista' l-Ministru tispjega kif il-proċess tad-dispatch optimisation li qed issemmi, huwa affettwat mill-fatt li tippubblika l-prezzijiet ta' ħames snin ilu, li rrifjutat li tagħmel f'mistoqsija parlamentari 910, imma fl-istess ħin mhuwiex affettwat mill-fatt li ppubblikat il-prezzijiet ta' xahar ilu f'mistoqsija parlamentari 317?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm differenza bażika bejn il-pubblikazzjoni ta’ prezz medju ta’ xahar wieħed biss versu l-pubblikazzjoni ta’ volumi u prezzijiet dettaljati xahar b’xahar fuq medda ta’ numru ta’ snin, kif intalab. Informazzjoni dettaljata tista’ tippreġudika kull xiri ta’ prodott f’suq li jaħdem b’irkant.
Birkirkara – Triq Karm Zerafa – problema frekwenti ta’ bdil fil-vultaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid hemmx xi pjan biex tissolva l-problema frekwenti ta' bdil fil-vultaġġ li qed jesperjenzaw ta' sikwit ir-residenti fi Triq Karm Zerafa, Birkirkara, u meta għandhom jistennew li din tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ma kellhiex ilmenti mir-residenti dwar problema ta’ vultaġġ fi triq imsemmija. L-uniku ilment li l-Enemalta rciviet kien fis-7 ta’ Ġunju 2022, fejn marru t-tekniċi tal-Enemalta għand il-klijent dakinhar stess u nstab li l-problema kienet fl-OVR tal-klijent.
Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – spezzjoni fuq artifatt storiku
Question
Mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bihom il-Pulizija, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kien l-eżitu tal-ispezzjoni li wettqet is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fuq l-artifatt storiku li nstab fil-proprjetà privata tal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, u jinfurmana jekk is-Sovrintendenza kkonkludietx li l-artifatt huwa wieħed awtentiku jew le?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f’dan l-istadju l-Ministeru m’għandux tali informazzjoni hekk kif l-awtoritajiet relevanti jkunu qed iwettqu xogħolhom f’indipendenza sħiħa.