Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei u Ċentri tas-Saħħa – servizz ta’ ambulanzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz ta' ambulanzi miċ-Ċentri tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid u tal-Mosta hux jopera b'mod normali? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm-il vjaġġ sar lejn kull lokalità mill-ambulanzi tal-Isptar Mater Dei, u mill-ambulanzi minn kull wieħed minn dawn iċ-Ċentri, sena b'sena mill-2017 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella hawn taħt mehmuza, waqt li nfakkar lill Onorevoli Interpellant illi is-servizz tal-ambulanza minn Paola reġa’ ġie introdott wara li kien twaqqaf mill-amministrazzjoni tal-PN Year North Region Central Region South Region Yearly Totals 2017 8,644 19,157 10,458 38,259 2018 9,044 19,582 11,424 40,050 2019 9,849 19,239 12,471 41,559 2020 15,565 14,630 17,218 47,413 2021 16,690 14,300 17,826 48,816 2022* 15,721 12,687 16,863 45,271 Id-data tas-sena 2022 tinkludi biss minn Jannar sa Ottubru.

Belt Valletta — Fortifications Interpretation Centre

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2055, jista' l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar fiex wasal dan ix-xogħol u meta l-Fortifications Interpretation Centre ser jerġa' jkun miftuħ għall-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li wara li saret il-manutenzjoni infrastrutturali meħtieġa, ċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni ġewwa il-Fortress Builders fil-Belt Valletta rega' fetah il-bibien tiegħu għall-pubbliku minn nhar it-Tlieta l-1 ta’ Novembru 2022.

Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3243 u 3343 u tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li matul is-snin imsemmija (2017,2018, 2019, 2020, 2021 u 2022) kien hemm 228 proġett approvat ta’ Investiment Dirett Barrani ġdid, dawk stabbiliti u dawk li huma start-ups. Il-kumpaniji li bdew joperaw jew li qiegħdin fil-proċess li jibdew joperaw għadhom joperaw sal-lum il-ġurnata. Għal raġunijiet ta’ swieq globali u l-pandemija tal-Covid-19, hemm proġetti li għadhom ma bdewx joperaw f’Malta. Qiegħda npoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Catheters ipprovduti

Question

Peress li ħafna pazjenti li jużaw il-catheters qed isibu problema bil-catheters tad-ditta Lenty u Daxan li qed jiġu pprovduti, minflok dawk Lofric li kienu jiġu pprovduti fil-passat u li kienu ta' kwalità aħjar, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx ħsieb li dawn jerġgħu jinbidlu lura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant waqt li d-dipartiment tas-saħħa, bħal kull dipartiment ieħor tal-gvern, hu marbut bir-regoli ta’ prokurment nazzjonali u Ewropej, id-dipartiment jagħmel kull sforz sabiex jinghataw l-aħjar prodotti mediċinali lill-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Kors tal-Occuptional Therapy

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari W7 li ġiet sottomessa fit-12 ta’ Lulju 2022 u ċjoè: Peress li hemm talba li saret min-numru ta' studenti Universitarji fi Frar 2022 sabiex il-kors tal-Occupational Therapy li qegħdin isegwu jiġi meqjus bħala prescribed course bħal ħafna korsijiet oħra tal-mediċina, u dan sabiex aktar studenti jitħeġġu jidħlu għalih fid-dawl ta' nuqqas ta' professjonisti fil-qasam, jista' l-Ministru jgħid jekk din it-talba hux qed tiġi kkunsidrata u meta hu mistenni li jingħataw tweġiba?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejja ħidma ħolistika biex wieħed jidentifika korsijiet li għandhom ikunu pre-scribed. Tali eżerċizzju jsir billi mhux jidentifika kors waħdu in isolament, imma billi jkun hemm stampa fattwali tal-korsijiet kollha li huma eliġibbli għal stipendju.

SportMalta – assistenza finanzjarja lill-assoċjazzjonijiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari W10 li ġiet sottomessa fit-22 ta’ Lulju 2022 u ċjoè: Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra elenku ta' kemm irċevew assistenza finanzjarja mingħand SportMalta l-assoċjazzjonijiet sportivi mill-2012 sal-lum, imqassmin għal kull assoċjazzjoni u għal kull sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Kumpaniji li joperaw fil-qasam tal-medical cannabis

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3344, tista' l-Ministru tgħid is-7 kumpaniji li bdew joperaw fil-medical cannabis, kemm jammontaw investiment barrani bejniethom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li dawn il-kumpaniji ta’ medical cannabis, jammontaw għal €20 miljun ewro investiment dirett barrani u bejniethom iħaddmu 79 ruħ. Il-benefiċċji indiretti jinkludu l-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità, il-ġenerazzjoni ta’ riċerka, innovazzjoni u l-ħolqien ta’ proprjetà intellettwali kif ukoll l-iżvilupp kontinwu ta’ servizzi u manifattura ta’ prodotti anċillari. Fl-2018 pajjiżna kien l-ewwel stat membru li illeġiżla qafas regolatorju ħolistiku biex ikun hawn produzzjoni tal-mediċina magħmula mill-kannabis.

Gudja – Bye-law dwar parkeġġ residenzjali

Question

B'referenza għall-bye-law dwar il-parkeġġ fil-Gudja li l-Ministru wieġeb dwarha fil-mistoqsija parlamentari 540, jista' l-Ministru jgħid għaliex din it-talba għall-bye-law eventwalment ġiet rifjutata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja illi l-proposta ta’ bye-laws preżentata mill-istess Kunsill dwar il-parkeġġ kienet ġiet rifjutata minħabba li tali proposta kienet tikkonfliġġi ma’ policy nazzjonali dwar parkeġġ kontrollat.

Kawżi tal-imwiet f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika tabella li turi l-kawżi tal-imwiet f'Malta għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u din is-sena sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jistgħu l-kawżi tal-mewt juru speċifikament dawk kawżati minn inċidenti tat-traffiku, inċidenti fuq il-post tax-xogħol, omiċidji, suwiċidji, u kawżi oħra li jidhirlu li huma pertinenti, filwaqt li l-imwiet minn kawżi naturali juru kemm kienu dawk kawżati minn attakki tal-qalb, dijabete, kanċer, u mard jew kundizzjonijiet oħra li jidhirlu għandhom ikunu inklużi? Jista' wkoll jissepara din l-informazzjoni skont firxa ta' etajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kawżi tal-imwiet f'Malta għas-snin 2017 sl-2020. Statistiċi tal-2021 ikunu għadhom ma ħarġux.

Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3243 u tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Proġetti relatati mal-medical cannabis

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3244 u tgħid kemm kienu l-proġetti relatati mal-medical cannabis approvati mill-Malta Enterprise fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena kemm minnhom fil-verità bdew joperaw u kemm minnhom għadhom joperaw fil-preżent? Tista' tgħid kemm hemm impjegati f'kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2018 u l-2022, il-Malta Enterprise approvat 33 proġett ta’ medical cannabis li minnhom hawn diġà joperaw 7 kumpaniji li bejniethom qed jimpjegaw 79 impjegat, fil-maġġoranza tagħhom xjentisti u persuni mill-qasam mediku u farmaċewtiku. 4 kumpaniji oħra li ġew approvati jinsabu fil-proċess li jottjenu liċenzji skont l-Att dwar il-Kannabis għall-Użu Mediċinali. Il-proċess rigoruż li jsir mill-entitajiet governattivi għal-liċenzjar finali ta’ proġett ta’ medical kannabis jieħu s-snin sabiex ikun hemm l-aċċertazzjonijiet kollha neċessarji biex il-prodott finali jkun tal-ogħla grad farmaċewtiku. Fl-istess waqt, il-qasam tal-Kannabis globalment għadda minn diversi fażijiet fejn intlaqat b’mod negattiv waqt il-pandemija, kif ukoll kien hemm diversi kumpaniji li ġew akkwistati minn kumpaniji oħra u li għadhom għaddejjin minn proċess ta’ akkwiżizzjoni, b’hekk proġetti bħal dawn jieħdu iktar snin sabiex iseħħu.

Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – investigazzjoni kriminali dwar artifatt storiku

Question

Kif talabni nagħmel il-Ministru nnifsu fil-ħin tal-Mistoqsijiet Supplimentari tas-seduta tat-Tnejn 24 ta' Ottubru 2022, jista’ l-Ministru jgħid jekk għadux soġġett għal investigazzjoni kriminali, kif ġie rappurtat f'Mejju li għadda, u jekk irritornax l-artifatt storiku li kellu jsebbaħ il-ġardina tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ngharraf lill-Onor. Interpellant illi kif diġà ddikjarat kull informazzjoni, assistenza u kooperazzjoni ingħatat lill-entitatijiet responsabbli. Rigward kwalunkwe investigazzjoni ta' kwalunkwe xejra fuq is-suġġett ma għandi l-ebda informazzjoni x’nirrapporta.

Key Expert – Electrical Engineer — bidla

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2037, peress li jidher li hemm bidla fil-Key Expert - Electrical Engineer minn dak li ġie appuntat inizjalment b'Tender IM014/2020, jista' l-Ministru jippubblika: a. ir-raġuni għala nbidel il-Key Expert - Electrical Engineer; b. is-CV dettaljata tal-Key Expert - Electrical Engineer preżenti; u ċ. kif jispeċifika t-tender fi klawsola 4.3.2, il-komunikazzjoni li saret bil-miktub għal tali bidla inkluża l-approvazzjoni ta' Infrastructure Malta għal din il-bidla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokumenti mitluba relatati ma’: a. ir-raġuni għala nbidel il-Key Expert - Electrical Engineer – irreferi għal dokument A u B b. is-CV dettaljata tal-Key Expert - Electrical Engineer preżenti – irreferi għal dokument A u B ċ. kif jispeċifika t-tender fi klawsola 4.3.2, il-komunikazzjoni li saret bil-miktub għal tali bidla inkluża l-approvazzjoni ta' Infrastructure Malta għal din il-bidla – irreferi għal dokument Ċ.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – infiq ta’ flus fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2828 u tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament mill-2019 sal-lum, sena b’sena, u skont il-mezz tax-xandir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Foster parent – għotja supplimentari

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2956, jista' l-Ministru jispjega allura kif fil-każ tal-foster parent li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, din la rċeviet din l-għotja supplementari ta' €300 fis-sena (anzi tilfet l-għajnuna supplementari li kienet tieħu hi), u fil-prattika l-ħlas tal-kera tal-akkomodazzjoni soċjali tagħha żdidilha minn €65.25 kull tliet xhur għal €913 kull sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2956 kienet tirreferi għal ħlasijiet supplimentari lill-Fostered Parents fuq il-benefiċċju tal-kera f’residenzi mikrijin minn sidien privati u mhux dawk tal-Gvern. F’residenzi mikrijin mill-Gvern, il-kirjiet li jridu jitħallsu mill-inkwilini jkunu diġà ssussidjati skont id-dħul tagħhom u għalhekk dawn ma jistgħux jerġgħu japplikaw għal sussidju fuq il-kirja tagħhom. Il-kera tagħhom tiġi riveduta kull sentejn u din tinħadem fuq id-dħul li kellhom fis-sena preċedenti. L-allowance mogħti mill-Gvern lill-Fostered Parents jiġi kkalkulat mad-dħul tal-inkwilin.

INDIS – spazji allokati

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm kienu l-proġetti li ġew allokati spazji industrijali mill-INDIS għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena jgħid kemm minnhom kienu proġetti approvati mill-Malta Enterprise, kemm kienu dawk li ġew allokati spazju minkejja li kienu rifjutati mill-Malta Enterprise, u kemm minnhom ġew allokati mingħajr ma tressqu quddiem il-Malta Enterprise?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ 265 proġett ġew allokati spazji industrijali mill- INDIS bejn Jannar 2017 u Ottubru 2022, 258 minn dawn ġew approvati minn Malta Enterprise, filwaqt li 7 proġetti ġew allokati spazji industrijali direttament mill- INDIS, hekk kif muri fit-tabella. INDIS m’għandhiex aċċess għall-informazzjoni dwar proġetti li ġew rifjutati mill- Malta Enterprise. YEAR NUMBER OF ALLOCATIONS ALLOCATIONS APPROVED BY MALTA ENTERPRISE DIRECT ALLOCATIONS BY INDIS/MIP 2017 57 53 4 2018 56 56 - 2019 57 55 2 2020 32 32 - 2021 40 39 1 2022 23 23 - TOTAL 265 258 7

Malta Enterprise – proġetti investiment barrani (FDI)

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm proġetti li approvat il-Malta Enterprise li kienu ta' investiment barrani (FDI) għas-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena tgħid kemm minnhom kienu start-ups jew kienu kumpaniji stabbiliti, u kemm minn dawn għadhom joperaw fil-preżent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Proġetti relatati mal-medical cannabis

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-proġetti relatati mal-medical cannabis approvati mill-Malta Enterprise fis-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022, u għal kull sena kemm minnhom fil-verità bdew joperaw u kemm minnhom għadhom joperaw fil-preżent? Tista' tgħid kemm hemm impjegati f'kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Housing Authority – sussidju fuq il-Kera – foster parents

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-ħlasijiet supplimentari li jitħallsu foster parents, jiġux meqjusa bħala dħul meta jsir il-means testing biex tiġi kkalkulata l-kategorija ta' sussidju ta' kera mill-Housing Authority? Jekk iva, ma jaħsibx li huwa inġust li ħlas li qed jingħata biex jintefaq fuq it-tfal, qed jiġi meqjus bħala dħul għal dawn il-foster parents, li wara kollox qegħdin jipprovdu servizz lill-Istat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar tikkonferma li l-ħlas supplimentari li jingħata lill-foster parents jiġi magħdud mad-dħul meta jiġi kkalkulat il-benefiċċju tal-kera li għalih ikunu intitolati l-applikanti. Il-benefiċċju jinħadem skont in-numru ta’ membri tal-familja; għalhekk dawn il-familji jkunu intitolati għal benefiċċju ogħla peress li tfal fostered huma inklużi bħala membri. Barra minn hekk, familji bi tfal fostered jingħataw ukoll għotja supplimentari ta’ €300 fis-sena.

Parkeġġ riservat u personalizzat għal persuna b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx policy li tirregola x'jiġri f'każ fejn ikun hemm parkeġġ riservat u personalizzat għal persuna b'diżabilità u dan ma jkunx quddiem darha, u fil-post fejn ikun hemm dan il-parkeġġ aktar tard jinġieb permess biex jinfetaħ garage? Jekk hemm policy, x'inhi, x'għandu jiġri u x'inhi l-proċedura li wieħed għandu jsegwi biex dan il-parkeġġ jiċċaqlaq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport dejjem tipprova tagħmel il-parkeġġ riservat l-eqreb possibbli tal-persuna li tkun qiegħda tressaq l-applikazzjoni. Jekk ma jkunx possibbli li l-parkeġġ riservat isir quddiem id-dar ta’ l-applikant, il-parkeġġ ikollu jsir quddiem id-dar ta’ xi ħadd ieħor li mhuwiex l-applikant. Jekk jinħareġ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex fejn ikun hemm il-parkeġġ riservat, jinfetaħ jew jinbena garage, l-Awtorità tat-Trasport jkollha ssib post alternattiv għall-persuna b’diżabilità. Sabiex l-Awtorità tat-Trasport tipproċedi, trid ssir talba bil-miktub u akkumpnajata bid-dokumenti li juru b’mod ċar il-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar.