Fgura – Triq l-Għollieq u Triq Ħaż-Żabbar – każ ta’ azzjoni ta’ infurzar
Question
Fid-dawl li l-azzjoni ta' infurzar li rreferejt għaliha fil-mistoqsija parlamentari 5199 ma titrattax dwar il-ħitan "temporanji", imma dwar il-fatt li fil-pjanti marbutin mal-permess li nħareġ, l-iżvilupp ħareġ 'il barra mil-linji tal-"istreet alignment" li kien hemm annessi mal-mistoqsija parlamentari, jista' l-Ministru jispjega kif il-permess ġie approvat bi żvilupp 'il barra mill-"istreet alignment"? Jista' jgħid ukoll s'issa x'azzjoni ttieħdet marbuta mal-claim għal infurzar li d-dettalji dwarha kienu ngħataw separatament mal-mistoqsija parlamentari 5199? Jista' jagħti garanzija li l-Gvern u l-Awtorità se jaraw li ma jsirx abbuż mill-iżviluppatur u l-aċċess minn Triq l-Għollieq għal Triq Ħaż-Żabbar se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku kif dejjem kien u kif juri l-"istreet alignment"?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Il-Fgura – Triq l-Għollieq u Triq Ħaż-Żabbar – każ ta’ azzjoni ta’ infurzar
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni effettiva qed tittieħed dwar il-każ ta' azzjoni ta' infurzar b'referenza għall-binja, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn b'mod abbużiv jidher li ġie okkupat passaġġ pubbliku li jgħaqqad Triq l-Għollieq ma' Triq Ħaż-Żabbar, fil-Fgura, liema passaġġ pubbliku huwa anke kkonfermat mill-pjanta ta' "street alignment" tal-Awtorita tal-Ippjanar li qed tingħata separatament?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq is-sit inkwistjoni hemm permess approvat, PA515/22, li jippermetti alterazzjonijiet interni f’kull livell kif ukoll sulari ġodda. F’dan il-każ, sar ħajt temporanju ‘hoarding' biex ma jħallix lill-pubbliku jgħaddi mill-passaġġ sakemm isiru ix-xogħlijiet u jiġi evitat kull periklu, minħabba li dan issa sar sit ta’ kostruzzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3341, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika l-istess statistika għas-sena 2021?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, jista' l-Ministru jispjega kif skont it-tweġiba tiegħu huwa qed jgħid li kien ‘infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja’ li l-bye-law ġiet rifjutata, u fl-istess waqt skont il-Minuti ta' Laqgħa Nru 83/8 tal-Kunsill Lokali tal-Gudja li saret il-Ħamis 10 ta' Novembru 2022, u li jinsabu ppubblikati fis-sit tal-Kunsill Lokali, is-Sindku infurmat lill-Kunsill Lokali li ‘il-Kunsill ma wiġibx b'dak il-mod’ li kkwota l-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3340.
Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof
Question
Tista’ l-Ministru tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof, limiti Tal-Virtù, Rabat, minħabba li r-residenti qed ibatu b'vultaġġ jitla' u jinżel sal-punt li jikkawżalhom ħsarat fl-appliances? Tista' tagħti indikazzjoni meta hu ppjanat li din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma kemm ilhom out of stock l-IVI Drip Sets mill-Isptarijiet tagħna, x'inhi r-raġuni għal dan u meta huwa maħsub li dawn jerġgħu jkunu disponibbli?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-IVI Drip Sets mhumiex out of stock.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4582 u jikkonferma x'inhi l-policy f'każ ta' koppja li tapplika għal Grant to Assist Owners in the Construction and/or Completion or Rehabilitaton of their First Home (rifużjoni lura tal-VAT fl-ispejjeż ta' kostruzzjoni u rijabilitazzjoni fuq l-ewwel proprjetà), fejn parti waħda mill-koppja tkun diġà sid ta' proprjetà oħra preċedenti iżda din tkun l-ewwel proprjetà tal-parti l-oħra? Huwa l-każ li f'ċirkostanzi bħal dawn, il-parti li għaliha din tkun l-ewwel proprjetà ma tkun tista' tgawdi qatt minn dan il-grant?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn il-każijiet tingħata l-għotja skont il-kundizzjoniijiet tal-iskema iżda jitnaqqas l-ammont mogħti fuq il-proprjetà preċedenti. Ma tingħata l-ebda għotja jekk il-koppja tkun għexet flimkien fl-ewwel proprjetà mixtrija.
Gudja – Ġnien Ġlormu Cassar – meter temporanju tad-dawl
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4316, li kkonfermat li l-applikazzjoni għal meter temporanju fi Ġnien Ġlormu Cassar, il-Gudja, saret mill-Ministeru għat-Turiżmu, jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li ssir applikazzjoni biex dan il-meter jinbidel b'wieħed permanenti? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi problemi b'dan il-meter peress li qed ikun hemm ħafna ljieli fejn il-ġnien ikun bla dawl?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-meter permanenti twaħħal il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru, ċjoè ħamest ijiem qabel saret il-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jikkonferma x'inhi l-policy f'każ ta' koppja li tapplika għal Grant to Assist Owners in the Construction and/or Completion or Rehabilitaton of their First Home (rifużjoni lura tal-VAT fl-ispejjeż ta' kostruzzjoni u rijabilitazzjoni fuq l-ewwel proprjetà), fejn parti waħda mill-koppja tkun diġà sid ta' proprjetà oħra preċedenti iżda din tkun l-ewwel proprjetà tal-parti l-oħra? Huwa l-każ li f'ċirkostanzi bħal dawn, il-parti li għaliha din tkun l-ewwel proprjetà ma tkun tista' tgawdi qatt minn dan il-grant?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – ingaġġ ta’ persuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Eks Direttur tal-Ħabs, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadux jaqdi rwol jew kariga fi ħdan il-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, x'inhuwa dan ir-rwol/kariga, u x'inhuma l-pagi, benefiċċji u perkaċċi li huwa intitolat għalihom f'dan ir-rwol/kariga?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt mitlub, li diġà ġie provdut diversi drabi fid-dominju pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fuq kuntratt, persuni li jaħdmu bħala position jew person of trust, u/jew persuni trasferiti/seconded/detailed fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin f'dawn l-aħħar erba' snin? Jista' jgħid ukoll x'kienu r-rwoli u l-iskali/pagi tagħhom, inklużi perkaċċi u benefiċċji oħra? Jista' jgħid kemm minn dawn ġew ingaġġati mal-Aġenzija u kemm minn dawn ġew ingaġġati b'metodi jew b'entitajiet oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi hemm 13-il professjonist assenjat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li jingħaqdu mal-professjonisti l-oħra tal-Aġenzija. Dawn jinkludu Psychology Class employees, Social Workers, Social Welfare Professionals u Care Plan Coordinators. Infurmat ukoll li fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi preżentament ma hemmx persuni li għandhom kuntratt ta’ Position/Person of Trust.
Statistika dwar ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u tal-ilma
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4315, nispeċifika li bil-kelma “kontijiet” kont qed nifhem Accounts (meters) differenti u mhux kull invoice li tinħareġ kull xahrejn. Fi kliem sempliċi, tista' l-Ministru tagħti informazzjoni li turi kemm hemm numru ta' Residenzi, Meters Domestiċi, u Meters Industrijali, li l-konsum tagħhom annwali jaqa' f'kull waħda mill-brackets, u l-brackets ikunu skalati għal kull €500 sakemm jibqa' jagħmel sens?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Statistika dwar ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u tal-ilma
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2525 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta' kemm jitħallas fis-sena għad-dawl u l-ilma kontijiet separati, maqsumin fi brackets speċifiċi (eż. inqas minn €500, bejn €500 u €1,500, bejn €1,500 u €2,500 eċċ.), u f'tabelli separati skont it-tip ta' kont (residenzjali, domestiċi u industrijali)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Gudja – Ġnien Ġlormu Cassar – meter temporanju tad-dawl
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-meter temporanju tad-dawl li kien installat fi Ġnien Ġlormu Cassar, il-Gudja, wara li tlesta x-xogħol ta' rinovazzjoni mill-Gvern, inbidilx għal meter permanenti u min hu responsabbli minn dan il-meter?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-meter fil-Ġnien Ġlormu Cassar fil-Gudja għadu wieħed temporanju u s’issa ma saritx applikazzjoni għal servizz permanenti. Il-meter temporanju sar wara applikazzjoni mil-Ministeru tat-Turiżmu.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3566, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jipprovdi tabella li turi kemm-il vjaġġ sar lejn lokalitajiet differenti (Valletta, Birkirkara, Qormi, Attard, Balzan, Paola, Tarxien etc) minn kull wieħed mis-servizzi indikati (North Region, Central Region, South Region)?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3566.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa f'sena l-impjieg ta' Maġistrat, inkluż l-istaff li għandu bżonn, u minn min jikkonsisti dan l-istaff? Jista' jagħti wkoll l-istess informazzjoni għal Imħallef?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli bl-informazzjoni mitluba.
Enemalta – network reinforcement – bdil ta’ circuits
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm inbidlu circuits (bejn substation u oħra) biex sar reinforcement tan-network tal-11kV u tat-33kV bejn l-2018 u l-2021? Tista' tgħid kemm baqa' partijiet bejn substation u oħra fin-network tal-elettriku tagħna li għadhom ikkonettjati bil-PILC cables tad-daqs 0.1 (70sq mm.) jew inqas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bejn l-2018 u l-2021 tqiegħdu 29 circuit ġdid għat-tisħiħ tas-sistema ta’ vultaġġ medju tal-11kV u tat-33kV.
Kif tħabbar aktar kmieni din is-sena, l-Enemalta għaddejja bi proġett ta’ investiment ta’ €90m fuq medda ta’ sitt snin biex issaħħaħ il-livelli kollha tad-distribuzzjoni tal-elettriku. Dan il-proġett jinsab avvanzat iktar milli kien ippjanat.
Sal-aħħar tal-2021, kien hemm madwar 120km biss ta’ cables ta’ vultaġġ medju bi ħxuna ta’ 70 mm kwadru jew anqas, jiġifieri inqas minn 3% tan-network. Tajjeb li jingħad li l-Enemalta kontinwament tevalwa kemm il-kundizzjoni kif ukoll id-domanda fuq dawn il-cables u tara li dawn għadhom adegwati għall-bżonnijiet tan-network.
Fil-programm ta’ rinfurzar, l-Enemalta tara l-prijoritajiet u tbiddel cables jew iżżid circuits ġodda fejn meħtieġ skont id-domanda għall-elettriku li jkun hemm f’żona partikulari.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra soft copy tal-abbozz tal-Pjan Lokali ta' Għawdex li kien ħareġ għall-konsultazzjoni pubblika fl-2002?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3114, jista' l-Ministru jispjega kif skont id-dokumenti li poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra jidher li x-xogħol ta' Key Expert - Electrical Engineer, ġie sub-contracted minn kumpanija (A) li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għal kumpanija oħra (B) li d-dettalji dwarha qed jingħataw ukoll separatament, meta skont il-clarifications li ntalbu fl-istadju tal-evalwazzjoni tat-tender, kumpanija (A) kienu kkonfermaw li l-ebda parti tat-tender mhu se tiġi sub-contracted, kif jikkonferma d-dokument li qed jingħata separatament ma' din il-mistoqsija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba li diġà ngħatat ma tissemma l-ebda kumpanija oħra apparti ta’ min rebaħ il-kuntratt. Huwa l-individwu li jiġi nominat bħala key expert skont kif jintalab fid-dokument tat-tender u dan ma jissejjaħx subcontractor imma jissejjaħ Key Expert. Il-kunċett ta’ subcontractor mhux validu fil-każ ta’ key experts li jkunu qed jintrabtu individwalment.