Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6174, tista' l-Ministru tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta marru fuq il-post kull meta l-persuna inkwistjoni għamlet rapport u li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet u l-interventi meħtieġa.

Marsaskala – toroq mingħajr dawl

Question

Tista' l-Ministru tara li tissewwa l-ħsara li qed tikkawża biex Triq in-Nadur kollha (minn triq il-Gardiel sal-Pharmacy); Triq Vittorio Cassar kollha; Triq il-Granmastri; Triq is-Salini (minn Triq is-Sajjieda sal-eks Jerma Palace Hotel); Dawret it-Torri kollha u Triq Philipe De Vendome u oħrajn fil-madwar, f'Marsaskala, ma jibqgħux fid-dlam?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħsarat fit-toroq imsemmija f’Marsaskala kienu kkawżati bħal ħafna ħsarat oħra mill-maltemp. Ninsab infurmata li l-Enemalta fit-18 ta’ Frar għamlet it-tiswijiet tal-ħsarat li wħud minnhom kienu intermittent li jfisser li l-ħsara tkun hemm għall-mument. Fi Triq Vittorio Cassar instabet demarcation box tal-Kunsill Lokali li kienet maħruqa minħabba li daħal fiha l-ilma tax-xita. Din ġiet skonnettjata u s-circuit inxtegħel. Parti mill-ħsara fi Triq is-Salini għadha qed tiġi investigata biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

NSO – Rapport Finali taċ-Ċensiment tal-2021

Question

Fid-dawl li fis-16 ta' Frar 2023 l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika "L-Ewwel Volum" mir-Rapport Finali taċ-Ċensiment tal-2021, jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il volum se jkun jikkonsisti r-Rapport Finali u meta se jiġu ppubblikati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rapport finali ser ikun maqsum fi tliet volumi li ser jiġu mnieda kollha matul din is-sena. Wara l-ewwel volum li ġie ppubblikat fis-16 ta’ Frar li jkopri l-popolazzjoni finali, il-migrazzjoni u karatteristiċi soċjali oħra, iż-żewġ volumi l-oħra mistennija jiġu mnieda għall-ħabta ta’ Lulju u Ottubru 2023 rispettivament. It-tieni volum ser ikun qed jiffoka fuq il-karatteristiċi tad-djar, kemm dawk abitati kif ukoll dawk vakanti, filwaqt li t-tielet volum se jkopri l-karatteristiċi personali kollha miġbura fiċ-Ċensiment, li ma kinux inklużi fl-ewwel volum. Għaldaqstant, it-tielet volum ser ikun qed jagħti ħarsa lejn aspetti soċjali u demografiċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-istat ċivili tal-individwi.

Marsaxlokk – Floating Storage Unit – ċertifikazzjoni tal-jetty

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni tal-jetty li jintrabat miegħu l-Floating Storage Unit (Armada LNG Mediterrana) f'Marsaxlokk meta jkun qed iforni l-gass għall-użu tal-power stations?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

MTA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kariga li jokkupa fil-preżent l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u x'inhu l-pakkett finanzjarju li jgawdi, inkluż perkaċċi u benefiċċji oħrajn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-persuna msemmija tokkupa l-kariga ta’ Artistic Director b’salarju bażiku ta’ €43,404 fis-sena.

MTA – dikjarazzjoni dwar abbuż minn fondi pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mid-dikjarazzjoni li kienet għamlet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-16 ta' Jannar 2022, fejn kienet qalet li wara l-abbuż sfaċċat li kien sar minn fondi pubbliċi, l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kien se jiġi degradat għal pożizzjoni fejn ma jkollux poteri deċiżjonali? Jista' jgħid ukoll jekk dawk il-fondi li ntefqu għal użu personali ġewx rifużi lura lill-Awtorità?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’deċiżjoni tal-Bord tal-MTA, il-persuna msemmija bħalissa qed tokkupa l-kariga ta’ Artistic Director u ma baqgħalha l-ebda poter deċiżjonali. Ġejt infurmat ukoll li l-fondi minfuqa f’Diċembru 2021 għall-użu personali, ġew rifużi lill-Awtorità fl-intier tagħhom.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilu li twaqqfet l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, kemm kien hemm ħaddiema li kienu fuq kuntratt, kemm kien hemm ħaddiema li ġew impjegati mingħajr sejħa jew abbażi ta' position-of-trust, u kemm minn dawn ġew eventwalment ingaġġati mal-Aġenzija u x'inhu l-grad u l-iskala tagħhom illum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta twaqqfet l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, kien hemm il-ħatra ta’ żewġ Kapijiet Eżekuttivi apparti l-persuna li qed tokkupa l-kariga preżentament, wieħed f’Diċembru tal-2019 u l-ieħor f’Jannar tal-2021 rispettivament. F’Lulju 2020, kien hemm ukoll il-ħatra ta’ Kap tas-Sezzjoni għall-Implimentazzjoni skont l-artikolu 7(2) tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 595.32. Kien hemm tliet (3) persuni li ġew ingaġġati fuq kuntratt indefinit fil-karigi ta’ Kap tal-Amministrazzjoni u Operazzjonijiet u Kap tas-Sigurtà, fuq Skala 4, f’Jannar tal-2020 u Kordinatur tal-Loġistika fuq Skala 7, fi Frar 2020.

Marsa – Triq it-Tiġrija — servizz shuttle għar-residenti

Question

Wara li fil-ħin tal-mistoqsijiet supplimentari tas-Seduta 83 tal-31 ta' Jannar 2023, il-Ministru wieġeb li ppropona lill-Kunsill Lokali tal-Marsa sabiex jipprovdi servizz shuttle b'vettura elettrika lir-residenti ta' Triq it-Tiġrija, jista' l-Ministru jgħid jekk dan is-servizz hux qed jiġi pprovdut u jekk iva, f'liema ħinijiet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għamilt it-tali proposta b'mod formali lill-Kunsill Lokali ġaladarba din il-vettura eletrika diġà topera. Huwa f’idejn il-Kunsill Lokali biex jiddeċiedi jekk jilqax din il-proposta.

Marsa – Triq it-Tiġrija – aċċess

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5589, peress li l-Ministru qed jgħid li ttieħdu dawn il-miżuri biex in-nies jaqsmu t-triq b'mod aktar sigur, jista' l-Ministru jgħid kemm saru inċidenti fi Triq it-Tiġrija fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli għall-pubbliku u kemm saru inċidenti fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli biss għas-sidien tal-entitajiet kummerċjali, u għal kull każ jgħid kemm weġġgħu jew saħansitra mietu nies u jekk kenux fil-karozza jew pedestrians?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6045 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Statistika dwar ħlas ta’ kontijiet tad-dawl u tal-ilma

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4629 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4315, nispeċifika li bil-kelma “kontijiet” kont qed nifhem Accounts (meters) differenti u mhux kull invoice li tinħareġ kull xahrejn. Fi kliem sempliċi, tista' l-Ministru tagħti informazzjoni li turi kemm hemm numru ta' Residenzi, Meters Domestiċi, u Meters Industrijali, li l-konsum tagħhom annwali jaqa' f'kull waħda mill-brackets, u l-brackets ikunu skalati għal kull €500 sakemm jibqa' jagħmel sens?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kawżi ta’ mwiet f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5044 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3341, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika l-istess statistika għas-sena 2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin jinħadmu s-snin 2021 u 2022 u l-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5046 u tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof, limiti Tal-Virtù, Rabat, minħabba li r-residenti qed ibatu b'vultaġġ jitla' u jinżel sal-punt li jikkawżalhom ħsarat fl-appliances? Tista' tagħti indikazzjoni meta hu ppjanat li din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li lill-Enemalta ma jirriżultalhiex li fl-inħawi msemmija hemm problemi ta’ vultaġġ. Jekk ningħatha dettalji iżjed preċiżi ta’ liema residenza qed ikollha problemi nkun nista’ ngħaddi l-każ lill-Enemalta sabiex tinvestiga fid-dettall.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar

Santa Luċija – toroq li qed jibqgħu mixgħulin lejl u nhar

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn Triq l-Istefanotis, Triq il-Kaħwiela, Triq il-Ġibjun, Triq il-Fortizza, u oħrajn qrib tagħhom f’Santa Luċija ilhom jibqgħu mixgħulin lejl u nhar min-nhar il-Ħamis 19 ta' Jannar, sa tal-inqas it-30 ta' Jannar meta qed issir din il-mistoqsija? F'ċirkostanzi fejn l-effiċjenza u n-nuqqas ta' ħela ta' enerġija saru kwistjonijiet importanti, jista' jkun hemm mekkaniżmu fejn ċirkostanzi bħal dawn jiġu indirizzati b'mod spedit, anke għall-fatt li f'dan il-każ ilu tal-inqas ġimgħa li saru rapporti kemm lill-Enemalta kif ukoll lill-kunsill lokali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, l-Enemalta fl-24 ta’ Jannar irċeviet rapport mill-Kunsill Lokali dwar problema fid-dawl f’xi toroq f’Santa Luċija. It-tiswijiet saru fit-30 ta’ Jannar u l-Enemalta infurmat lil l-kunsill b’dan.

Gudja – Byelaw dwar parkeġġ residenzjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, fejn il-Ministru qed jgħid li l-bye-law ġiet rifjutata għax "tikkonfliġġi ma’ policy nazzjonali dwar parkeġġ kontrollat", jista' l-Ministru jispeċifika għal liema policy fis-seħħ qiegħed jirreferi? Jista' jgħid ukoll kif Kunsill Lokali għandu jagħmel biex jimplimenta l-policy nazzjonali li qed jirreferi għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Gudja – Byelaw dwar parkeġġ residenzjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, fejn il-Ministru qed jgħid li l-byelaw ġiet rifjutata għax "tikkonfliġġi ma’ policy nazzjonali dwar parkeġġ kontrollat", jista' l-Ministru jgħid liema policies dwar parkeġġ kontrollat hemm fis-seħħ bħalissa u b'liema mod Kunsill Lokali jista' japplika biex jimplimentahom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2013 id-Direttur għall-Gvern Lokali kien informa lill-Kunsilli Lokali kollha li b’deċiżjoni tal-Kabinett l-applikazzjonijiet kollha pendenti tal-Iskema ta’ Parkeġġ Ikkontrollat (Residenzjali u Kummerċjali) qed ikunu sospiżi. Għal din ir-raġuni u sakemm jinħareġ komunikat ieħor ma jistgħux ikunu milqugħa talbiet għall-Iskema ta’ Parkeġġ Ikkontrollat (Residenzjali u Kummerċjali).

Faċilità Korrettiva ta' Kordin – impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija 4590, fejn il-Ministru wieġeb dwar positions-of-trust u professjonisti seconded mal-Aġenzija, jista' l-Ministru jgħid ukoll kemm persuni ġew trasferiti lejn il-Faċilità Korrettiva ta' Kordin f'dawn l-aħħar erba' snin, minn fejn ġew trasferiti u x'inhu l-grad u l-iskala tagħhom mal-Aġenzija illum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kien hemm persuna waħda li ġiet seconded mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi minn entità oħra. Infurmat li din il-persuna ġiet trasferita u minn Probation and Paole bi skala 5.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema ġew trasferiti mill-Faċilita Korrettiva ta' Kordin f'dawn l-aħħar erba' snin, fejn ġew trasferiti, b'liema metodu (transfer, detailed, secondment), u x'inhu l-grad u l-iskala tagħhom illum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella riprodotta hawn taħt, madanakollu l-informazzjoni dwar l-iskala preżenti mhijiex aċċessibbli għalina. GRADE AT CSA SCALE AT NEW WORKPLACE FROM TO METHOD DATE Senior Clerk N/A CSA Ministry for Education Transferred Feb-19 Care Plan Coordinator N/A CSA Ministry for Health Transferred Mar-19 Correctional Officer N/A CSA Civil Protection Department Transferred May-19 Correctional Officer N/A CSA Civil Protection Department Transferred May-19 Library Assistant N/A CSA Education Transferred Jul-19 Assistant Principal N/A CSA Education Transferred Aug-19 Principal Psychologist N/A CSA Mental Health Services Transferred Aug-19 Assistant Correctional Manager N/A CSA Ministry for Foreign Affairs Transferred Oct-19 Correctional Officer N/A CSA Customs Transferred Dec-19 Senior Clerk N/A CSA LESA Transferred Oct-20 Psychology Assistant N/A CSA Health Division Transferred Nov-20 Senior Manager N/A CSA Police Department Transferred Feb-21

Ministeru għat-Turiżmu – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.