Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Arijiet – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5783 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5784 u tagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi minn Marzu 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2023. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet ta' Birkirkara, Birżebbuġa, Bormla, il-Furjana, il-Ħamrun, Ħal Għaxaq, Ħal Balzan, Ħal Qormi, Ħaż-Żabbar, l-Isla, l-Imtarfa, l-Imqabba, il-Marsa, il-Mellieħa, il-Mosta, l-Imġarr, in-Naxxar, is-Swieqi, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Wied il-Għajn, iż-Żurrieq u x-Xewkija Għawdex.
Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji.
Entità/Awtorità
Ħaddiema ingaġġati
Ħaddiema li spiċċaw
Kummissjoni għall-Protezzjoni mir-Radjazzjoni Jonizzanti u mhux Jonizzanti (RPC)
1
Nil
Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (OCVO)
Nil
Nil
Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS)
1
1
Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD)
1
1
Aġenzija Sapport
20
8
Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal- Konsumatur (MCCAA)
6
10
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5785 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Gudja – Vjal l-Avjazzjoni – bus stage fil-waqfa 'Tajjara'
Question
Jista' l-Ministru jara li jsir bus stage fil-waqfa ‘Tajjara’, il-Gudja, li tħares fuq Vjal l-Avjazzjoni u li tidher fir-ritratt anness ma' din il-mistoqsija parlamentari, peress li m'hemm imkien fejn persuna tista' tistkenn fil-viċinanzi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6733 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Pariri legali minn individwu dwar il-konċessjoni u l-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare
Question
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pariri legali li l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qal li kellu l-uffiċċju tiegħu dwar il-konċessjoni u l-ftehim li saru ma' Vitals Global Healthcare?
Response (ABELA, ROBERT)
Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru m’hemm ebda pariri simili. Nikkonferma li ma kelli ebda rwol dwar il-konċessjoni u l-ftehim li saru ma’ Vitals Global Healthcare.
B'referenza għat-Tender IM006/2020 (Tender for High Voltage Shore Connection System in the Grand Harbour), jista' l-Ministru:
- iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tal-electrical components u d-design li deheru fit-tender, inkluż l-ispecifications tat-transformers u s-switchgears mitluba;
- iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tat-transformers u switchgears li ġew jew ser jiġu attwalment użati mill-kuntrattur li rebaħ it-tender;
- jgħid jekk hemmx devjanzi bejn dak li ntalab fit-tender f'dan ir-rigward u dak li attwalment ser isir u jekk iva, x'inhuma dawn id-differenzi; u
- jgħid jekk dawn id-devjanzi wasslux għal differenza fil-ħlas mitlub jew differenzi oħrajn minn dak maħsub fit-tender oriġinali?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li:
· Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecifications tal-electrical components u d-design li deheru fit-tender, inkluż l-ispecifications tat-transformers u s-switchgears mitluba.
· L-ispecifications tat-transformers u switchgears li ġew jew ser jiġu attwalment użati mill-kuntrattur li rebaħ it-tender huma ta’ natura sensittiva, li ladarba l-proġett għadu mhux komplut, ma jistax jingħata f’dan l-istadju.
· Nikkonfermaw li ma hemm l-ebda devjanza bejn dak li ntalab fit-tender u dak li qed jiġi attwalment installat fil-proġett.
Jista' l-Ministru jispjega kif fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3696 qiegħed ġustament jgħid li fil-każ ta' Key Experts "il-kunċett ta’ subcontractor mhux validu" għax dawn "jintrabtu individwalment", kif proprju kien jgħid it-tender, mentri fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3114 qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument “A” u f'paġna 3 dan jgħid li l-Key Expert "was employed on a definite contract basis in relation to the HSVC project by..."- kumpanija li isimha qed jingħata separatament - "specifically subcontracted by..." - kumpanija oħra li isimha qed jingħata separatament - "to provide the specialist services and fulfil the requirements of Key Expert 3 Electrical Engineer"?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Infrastructure Malta tikkonferma li t-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet preċedenti huma korretti. Huwa l-individwu li jkun appuntat kif jidher f’Addendum 2 u mhux il-Kumpanija li tkun assistiet lil Kuntrattur biex tinstab il-persuna li tikkwalifika.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-bdiewa u dawk li għandhom aċċess għall-għelieqi tagħhom mill-isqaq li hemm biswit Vjal l-Avjazzjoni, limiti tal-Gudja, jistgħu jgħaddu minn dan l-isqaq issa li kif jidher mir-ritratti annessi ma' din il-mistoqsija, l-aċċess ingħalaq kemm min-naħa ta' Triq iż-Żebbuġa, fejn qed tinbena t-triq, kif ukoll minn Vjal l-Avjazzjoni nnifsu, fejn qed jipparkjaw dejjem il-karozzi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qiegħda ssir rikostruzzjoni ta’ Triq Ħal Resqun u parti minn Triq iż-Żebbuġa. L-aċċess għall-imsemmi sqaq minn ġo Triq iż-Żebbuga xorta ser ikun aċċessibbli wara it-tlestija tax-xogħol. Il-ħrug fi Vjal l-Avjazzjoni li hemm preżenti ma ġiex affetwat, u l-bdiewa xorta jistgħu jużaw dan il-punt bħala aċċess u ħruġ sakemm ikunu għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq iż-Żebbuga u Triq Ħal Resqun.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6045, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5589, peress li l-Ministru qed jgħid li ttieħdu dawn il-miżuri biex in-nies jaqsmu t-triq b'mod aktar sigur, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru inċidenti fi Triq it-Tiġrija fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli għall-pubbliku u kemm saru inċidenti fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli biss għas-sidien tal-entitajiet kummerċjali, u għal kull każ jgħid kemm weġġgħu jew saħansitra mietu nies u jekk kenux fil-karozza jew pedestrians?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed tiswa lill-Enemed li tqabbad is-servizzi tas-sigurtà ta' kumpanija ta' terzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li sabiex tipprovdi għas-servizz ta’ sigurtà l-ispiża għall-Enemed hija ta’ EUR 1,883 fil-ġimgħa (VAT eskluża). Din in-nefqa tkopri sit wieħed għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjoni tal-jetty li jintrabat miegħu l-Floating Storage Unit (Armada LNG Mediterrana) f'Marsaxlokk meta jkun qed iforni l-gass għall-użu tal-power stations?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-Terminal ta’ Rigassifikazzjoni tal-LNG ta’ Delimara li jinkludi l-moll u l-Floating Storrage Unit (FSU), għadda, u dan kien suġġet għal standards u spezzjonijiet minn organizzazzjoni rikonoxxuta (Recognised Organisation/Classification Society) waqt il-fażi tal-kummissjonar, bħala parti mill-proċess biex it-terminal kollu kemm hu jibda jaħdem. It-tagħmir anċillari huwa suġġet għal spezzjonijiet regulari. Iċ-ċertifikazzjoni relatata nħarġet għalhekk minn Bureau Veritas.
Entità responsabbli minn regoli ta' Health & Safety u Fire Exits fil-komun ta' binjiet residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli li tinforza regoli relatati ma' Health & Safety u Fire Exits tal-komun ta' binja residenzjali, inkluż tal-area ta' garaxxijiet li jkunu taħt l-art?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-proċess ta’ kull applikazzjoni, l-Awtorità tal-Ippjanar għandha l-obbligu li tikkonsulta ma’ entitajiet oħrajn, biex l-iżvilupp konċernat ikun regolat f’dan ir-rigward.
Kull entità tingħata 30 ġurnata biex tirrispondi u fin-nuqqas ta’ risposta jitqies bħala li mhemmx oġġezzjoni għal dak propost fl-iżvilupp. F’każ li jintalbu miżuri addizzjonali jew emendi għal dak propost, tali rakkomandazzjonijiet jittieħdu mill-Awtorità biex jiddaħħlu parti mill-permess. L-infurzar ta’ tali miżuri tkun responsabbiltà tal-entità konċernata li talbithom.
Marsaxlokk – qlugħ tal-Floating Storage Unit — spiża
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa fi flus l-operazzjoni li biha l-Floating Storage Unit (Armada LNG Mediterrana) ġie maqlugħ minn mal-jetty f'Marsaxlokk biex inħareġ 'il barra fuq l-istorm moorings u biex ittieħed lura f'postu u reġa' tqabbad mal-jetty biex jerġa' jibda jforni l-gass?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta ma toħroġ l-ebda flus għall-proċedura li qed jirreferi għaliha.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-proċess li bih it-tanker Armada LNG Mediterrana jinqala' minn mal-jetty jinvolvix automatic decoupling, jew huwiex manwali? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura dettaljata li biha dan it-tanker jinqala' minn mal-jetty u jiġi winched fuq l-istorm moorings?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 6536.
Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet
Question
Fil-każ tal-qtugħ ta' dawl tal-gżira Għawdxija li seħħ nhar il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023, li dwaru l-Enemalta nnotifikat lill-pubbliku li "kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables ta' vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex", tista' l-Ministru tgħid:
a. jekk l-Enemalta kenitx informata qabel bdew dawn ix-xogħlijiet;
b. kienx hemm clearance li l-kuntrattur jista' jibda x-xogħol u min ta din il-clearance;
ċ. kienx hemm approvazzjoni mill-Enemalta biex ix-xogħol jinbeda;
d. ġewx immarkati r-rotot tal-cables tas-servizzi kollha fuq il-post qabel ma beda x-xogħol;
e. kienx hemm superviżjoni mill-Enemalta waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet qrib linji ta' 33kV li fuqhom tiddependi għalkollox il-gżira ta' Għawdex; u
f. x'miżuri effettivi se jittieħdu biex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalma ġara f’dan il-każ, il-prassi hija li l-entità terza li għaliha jkunu ser isiru x-xogħlijiet tinforma lill-Enemalta u l-Enemalta tintalab pjanta li turi r-rotta tal-cables tas-servizzi tagħha fuq il-post.
L-Enemalta tagħmel wkoll marki fit-toroq biex tindika fejn ikunu għaddejjin il-cables. Hija l-entità li tkun ser tagħmel ix-xogħlijiet u/jew l-kuntrattur tagħha li jridu jaraw li ma ssirx ħsara fil-cables tal-Enemalta.
F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-ħafna interventi li jkunu għaddejjin simultanjament madwar Malta, mhux prattiku, u fil-fatt qatt ma kienet il-prassi, li l-ħaddiema tal-Enemalta jkunu fuq il-post.
Infurmata wkoll li l-kuntrattur li jkun tqabbad mill-entità inkwistjoni sabiex jagħmel ix-xogħlijiet għandu r-responsabbilta’ li jara li ma ssirx ħsara.
F’dan il-każ partikolari l-kuntrattur, kif inhu normalment permissibbli, issottokuntratta lil ħaddieħor ix-xogħlijiet meħtieġa.
Meta jkun hemm ħsarat bħal dawn l-EneMalta tfittex biex tirkupra l-ispejjeż involuti.
Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet
Question
Fil-każ tal-qtugħ ta' dawl tal-gżira Għawdxija li seħħ nhar il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023, li dwaru l-Enemalta nnotifikat lill-pubbliku li "kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables ta' vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex", jista' l-Ministru jgħid:
a. jekk l-Enemalta kenitx informata qabel bdew dawn ix-xogħlijiet;
b. kienx hemm clearance li l-kuntrattur jista' jibda x-xogħol u min ta din il-clearance;
ċ. kienx hemm approvazzjoni mill-Enemalta biex ix-xogħol jinbeda;
d. ġewx immarkati r-rotot tal-cables tas-servizzi kollha fuq il-post qabel ma beda x-xogħol;
e. kienx hemm superviżjoni mill-Enemalta waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet qrib linji ta' 33kV li fuqhom tiddependi għalkollox il-gżira ta' Għawdex; u
f. x'miżuri effettivi se jittieħdu biex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6302, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx allowances, benefiċċji u perkaċċi oħra (inkluż karozza, mobile eċċ), apparti mis-salarju bażiku, u jekk iva dawn x'inhuma u għal kemm jammontaw?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6302, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija għandha wkoll:
20% management allowance,
communication allowance,
car allowance, u
performance bonus sa massimu ta’ 15% tas-salarju bażiku.
Rabat/Ħ’Attard – Triq il-Belt Valletta – ilmenti u rapporti dwar qtugħ ta’ dawl
Question
Tista' l-Ministru telenka r-rapporti u lmenti li daħlu dwar qtugħ ta' dawl fi Triq il-Belt Valletta, bejn ir-Rabat u Ħ'Attard, mill-1 ta' Settembru 2022 sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija (data, ħin, u b'liema mezz sar ir-rapport jew ilment)? Tista' wkoll tgħid meta sar kull intervent li sar biex id-dawl f'din it-triq jitranġa mill-1 ta' Settembru 2022 sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Fgura – Triq Hompesch — qtugħ fil-provvista tal-elettriku
Question
Tista' l-Ministru tara li tissewwa l-ħsara li qed tikkawża qtugħ spiss ta' dawl fi Triq Hompesch, bejn Triq is-Sur u Triq San Tumas in-naħa tal-Knisja Parrokkjali, fil-Fgura, li qed twassal biex spiss din il-parti tat-triq, inkluż iz-zuntier tal-knisja, ikunu fi dlam ċappa, b'periklu għall-anzjani li jiffrekwentaw il-knisja filgħaxija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li żviluppat ħsara fil-feeder cable taħt l-art li jissupplixxi l-linji tal-elettriku tat-triq. Dawn it-tiswijiet tlestew nhar l-Erbgħa 15 ta’ Frar 2023.
Tista' l-Ministru tara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa biex jerġa' jixgħel id-dawl tat-triq f'ħafna partijiet minn Raħal Ġdid, fiz-żona bejn il-Pjazza u Triq Lampuka, u minn Triq il-Knisja sa Wied Blandun? Tista' tara li tinstab il-kawża ewlenija tal-problema peress li mhux l-ewwel darba li kien hemm il-ħsara fl-istess żona, titranġa, u terġa' tinqala'?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li din il-ħsara ġiet rapportata lill-Enemalta mill-Kunsill Lokali fit-13 ta’ Frar 2023, din il-ħsara ġiet irranġata fl-14 ta’ Frar 2023.