Legislature:
Category:
Reset
Active:

Delimara - Impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1507 u tgħid kemm sewa l-impjant ta’ ġenerazzjoni ta’ emerġenza f’Delimara, kemm biex jinkera u kemm biex jopera, matul l-2025 u matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll għal kemm-il siegħa ntuża b’kollox kemm fl-2025 u kemm fl-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li l-impjant imsemmi ġie mikri b’investiment ta’ madwar €37 miljun. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21389 tal-Leġiżlatura XIV fejn ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ġie ffirmat mal-kumpanija, fejn hemm id-dettalji kollha. L-impjant inkera sabiex jikkonsolida l-prinċipju ta’ N-1 fis-sistema elettrika nazzjonali u b’hekk jiżgura l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku. Fost oħrajn, dan l-impjant intuża meta l-Floating Storage Unit (FSU) kien fi storm mooring jew waqt xogħlijiet essenzjali fuq l-impjanti tal-gass jew l-Interconnector.

Generators temporanji

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1506 u tgħid kemm swew il-generators temporanji li qed jitqabbdu f’partijiet differenti tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, kemm biex jinkrew u kemm biex joperaw, matul l-2025 u matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll għal kemm-il siegħa ntużaw b’kollox kemm fl-2025 u kemm fl-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.

Enemalta - Tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1508 fl-intier tagħha, u taqsam il-figura ta’ €140 miljun imsemmija fl-istess tweġiba bejn l-ispiża għax-xiri ta’ cables u tindika l-kwantità, l-ispiża għat-tqegħid u l-installazzjoni, u l-ispiża biex jinfetħu t-toroq u jerġgħu jiġu asfaltati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment kien jinkludi t-tqegħid ta’ aktar minn 270 kilometru ta’ cables ġodda, saret espansjoni u modernizzar taċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tal-Mosta, Ħal Kirkop, Buġibba u St Andrew’s biex żdiedet il-kapaċità tagħhom, tlestew 190 substation ġdida f’Malta u 18 f’Għawdex, ġew aġġornati aktar minn 260 transformer, kienu sostitwiti aktar minn 120 switchgear unit, kif ukoll ġew installati 875 feeder ġdid ta’ vultaġġ baxx. L-investiment kien maqsum kif ġej: €49,130,626 fuq is-sistema tal-vultaġġ baxx; €46,697,417 fuq is-sistema tal-vultaġġ medju; €3,415,821 fuq dik tal-vultaġġ għoli; €29,500,000 fuq ċentri ta’ distribuzzjoni; u €12,112,738 fuq xogħlijiet oħrajn.

Enemalta - Cables taħt l-art - Specifications u design requirements

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi specifications u design requirements tħaddan l-Enemalta għal thermal backfill u spacing bejn il-cables li jitqiegħdu taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li għat-tfassil u l-installazzjoni ta’ cables taħt l-art, l-Enemalta tadotta l-prassi u l-metodi tekniċi kif titlob is-sengħa u kif huma applikati minn operaturi tan-networks tal-elettriku fl-Ewropa. L-ispazju bejn il-cables jiġi stabbilit skont il-prattika u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli, filwaqt li l-użu ta’ thermal backfill iservi sabiex jiffaċilita d-dissipation tas-sħana u jtejjeb l-effiċjenza tal-cables.

Il-Belt Valletta - Għeluq ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija tatx l-approvazzjoni tagħha għal għeluq ta’ toroq fil-Belt, Valletta matul il-weekend ta’ bejn it-18 u d-19 ta’ Lulju 2026 minħabba xi proġett ta’ filming? Jekk iva, jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu biex tonqos l-inkonvenjenza għar-residenti tal-Belt, b’mod partikolari f’każ ta’ xi emerġenza?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li fid-dati indikati mill-Onor. Membru, ingħalqu parzjalment għall-ħinijiet qosra. Fil-ħin li ma sarx filming, il-vetturi kellhom aċċess ghħall-imsemmija toroq,kellu wkoll aċċess għal rotot alternattivi, filwaqt li fl-ebda ħin ma ġie kompromess l-aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza. Fil-każ li kien ikun hemm il-ħtieġa li vettura tal-emerġenza tidħol fiż-żona, il-filming kien jiġi sospiż immedjatament sabiex jingħata l-aċċess meħtieġ u tiġi pprovduta l-assistenza.

Provvista tal-elettriku – Qtugħ ta' dawl – Konsumaturi affettwati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm households affettwati minn qtugħ ta' dawl mill-1 ta' Mejju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.

Provvista tal-elettriku – Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm rapporti dwar problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku li saru minn kull lokalità matul l-2024, l-2025 u fl-ewwel nofs tal-2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta se tkompli timplimenta l-Pjan ta’ Investiment li ħabbret, bil-għan li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-network tagħha. Biex tinġabar l-informazzjoni mitluba jinqabeż l-adivosry cost limit.

Il-Mosta – Triq il-Bistra – Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Bistra, il-Mosta, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħala parti mill-investimenti kontinwi tagħha fin-network ta’ distribuzzjoni, ftit ġimgħat ilu Enemalta installat Low Voltage Regulator (LVR) ġdid fiż-żona ta’ Triq il-Bistra, biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-istabbiltà tal-provvista tal-elettriku lill-konsumaturi f’dawn l-inħawi.

Santa Luċija – Triq il-Bruka – Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Bruka, Santa Luċija, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2024 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati żewġ rapporti. L-investigazzjonijiet li saru mill-Enemalta ma indikawx problema fil-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi. Madankollu, bħala parti mill-programm kontinwu tagħha, Enemalta qed tippjana aktar investimenti fl-infrastruttura li sservi ż-żona biex issaħħaħ aktar il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizz.

Ħ’Attard – Triq il-Fikus – Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Fikus, Ħ’Attard, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Intelpellant li bħala parti mit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elttriku fil-lokalità ta’ Ħ’Attard, Enemalta għadha kif ikkummissjonat substation ġdida li tforni ż-żona indikata. Għaldaqstant, is-servizzi lir-residenti ta’ din it-triq ġew imqabbdin ma’ din is-substation ġdida biex kompliet tissaħħaħ il-provvista.

Burmarrad – Inħawi ta’ Wied Qannotta – Rapporti dwar wire tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn ir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS) għadu ma ħa l-ebda azzjoni dwar wire tal-elettriku li għaddej jaqsam l-għelieqi b'mod illegali u perikoluż għall-ħajja tan-nies fl-inħawi ta' Wied Qannotta, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, u li ġie infurmat bih f'Mejju 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 1998.

Burmarrad – Inħawi ta’ Wied Qannotta – Rapporti dwar wire tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-Enemalta għadha ma ħadet l-ebda azzjoni dwar wire tal-elettriku li għaddej jaqsam l-għelieqi b'mod illegali u perikoluż għall-ħajja tan-nies fl-inħawi ta' Wied Qannotta, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, u li l-Enemalta ġiet infurmata bih b'ittra legali datata 4 ta' Ġunju 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ttieħdet azzjoni mill-Enemalta u lill-konsumatur konċernat kienet issospendietlu l-provvista tal-elettriku minħabba l-irregolarità relatata mas-servizz. Infurmata wkoll li sussegwentement, il-konsumatur rregolarizza s-sitwazzjoni u, wara li ġew sodisfatti r-rekwiżiti meħtieġa, il-provvista ngħatat lura.

Burmarrad – Inħawi ta’ Wied Qannotta – Rapporti dwar wire tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn s’issa għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni mill-Pulizija dwar wire tal-elettriku li għaddej jaqsam l-għelieqi b'mod illegali u perikoluż għall-ħajja tan-nies fl-inħawi ta' Wied Qannotta, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, liema rapport, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, sar fil-25 ta' Ottubru 2023 u fit-13 ta' Lulju 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa solvut.

Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Infurmata mill-Kunsill Lokali li l-Kunsill kiseb il-permessi kollha meħtieġa minn TM sabiex jimplimenta s-sinjali tal-veloċità massima u għaldaqstant jiffaċilita l-infurzar mill-Pulizija.

Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fit-22 ta’ Lulju 2026, l-Awtorità rċeviet talba għall-awtorizzazzjoni ta’ sinjali tat-traffiku relatati mal-limitu tal-veloċità fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja. Din it-talba bħalissa qiegħda tiġi evalwata mill-Awtorità. Matul is-snin ġew approvati diversi miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku f’din it-triq, inklużi road humps (fl-1996 u fl-2021), kif ukoll pedestrian crossing (fl-2021).

Servizzi tal-LPTS – Permessi ta’ żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 812 u 1192 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ permessi ta’ żvilupp maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-faċilitajiet tal-iggaraxxjar għas-servizzi tal-Light Passenger Transport System (LPTS), li huwa rekwiżit għal-liċenzja tal-operatur indikati minn operaturi li għandhom minn 30 vettura ‘l fuq u jindika l-indirizz tal-faċilitajiet tal-iggaraxxjar ta’ kull operatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Is-Swieqi u San Ġwann – Triq il-Pellikan – Qtugħ ta’ ħaxix u siġar

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1191 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u tara li jinqatgħu l-ħaxix u s-siġar li hemm ħiereġ fi Triq il-Pellikan, bejn is-Swieqi u San Ġwann, li qed jostakola l-passaġġ u jkun ta' ħsara għal vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li x-xogħol relatat ma qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar fi Triq il-Pellikan, tlesta.

Il-Fgura – Triq Ħaż-Żabbar – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq Ħaż Żabbar, il-Fgura, qed jesperjenzaw qtugħ frekwenti fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta wettqet diversi xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Fgura u fl-inħawi tal-madwar matul l-aħħar snin, u qed tkompli twettaq aktar investimenti u xogħlijiet ta’ rinfurzar fil-lokalità sabiex issaħħaħ l-affidabbiltà u r-reżiljenza tal-provvista. Billi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura, hija waħda distributorja u twila mhux ħażin tant li hija fornuta minn diversi substations, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika ż-żona konċernata b’mod aktar speċifiku.

Iż-Żejtun – Triq San Mikiel – Problemi ta’ vultaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq San Mikiel, iż-Żejtun, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2024 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati tliet rapporti. L-investigazzjonijiet li saru mill-Enemalta ma indikawx problema fil-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi. Madankollu, bħala parti mill-programm kontinwu tagħha, Enemalta qed tippjana aktar investimenti fl-infrastruttura li sservi ż-żona biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizz.