Interconnector mal-Libja – stima inizjali u approssimattiva
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex stima inizjali u approssimattiva ta' kemm jista' jiġi jiswa l-interconnector mal-Libja li tħabbar fil-ġranet li għaddew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudji meħtieġa għal dan l-iżvilupp għadhom għaddejjin u li bħalissa jkun prematur li tingħata ċifra.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tas-CEO ta' Project Green u tgħid kemm hu s-salarju, l-allowances, benefiċċji u perkaċċi li jgawdi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt mitlub, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pakkett ta’ remunerazzjoni li jirċievi l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green jammonta għal €81,458 li jista’ jiżdied sa massimu ta’ €89,708 abbażi ta’ performance.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi s-sensiela ta' events organizzati minn Project Green bl-isem "Unplugged - Midweek in the Park"? Tista' tgħid kemm se jkun hemm minnhom, kemm hu l-baġit għall-organizzazzjoni tagħhom (inkluż kemm nefqu s'issa u kemm hu ppjanat li jintnefqu), kemm hu l-baġit għar-riklamar tagħhom (inkluż kemm nefqu s'issa u kemm hu ppjanat li jintefqu), u jekk hemmx fondi Ewropej li qed jintużaw għalihom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Wieħed mill-objettivi ta’ Project Green huwa wkoll li tippromwovi u tagħti l-ħajja mill-ġdid lil spazji miftuħa. Dan sabiex naraw li dejjem aktar individwi jkunu mhux biss konxji ta’ dawn l-ispazji, imma jkunu jistghu jutilizzawhom aktar spiss u matul is-sena kollha.
L-inizjattiva "Unplugged - Midweek in the Park" hija maħsuba proprju ghalhekk. Din se tkun mifruxa fuq erba’ avvenimenti, li se jsiru kull nhar ta’ Erbgħa matul ix-xahar ta’ Lulju, u se tkun qed tagħti spazju lil artisti u mużiċisti Maltin li se jesbixxu live ġewwa l-Green Open Campus fil-Mosta.
L-avvenimenti kollha se jkunu qegħdin iservu wkoll t’appoġġ finanzjarju għall-Malta Community Chest Fund. L-inizjattiva qiegħda tiġi ppjanata u organizzata bħalissa, għaldaqstant anke sabiex tiġi provduta informazzjoni preċiża, ser jingħata rendikont tal-ispejjeż kollha hekk kif l-avvenimenti jiġu konklużi. Nista’ nikkonferma li għal din l-inizjattiva mhux se jintużaw fondi Ewropej.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wardens tal-Aġenzija LESA jiġux provduti torches meta jkunu xogħol filgħaxija jew billejl?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li apparti l-provediment ta’ “torches”, l-aġenzija Lesa investiet f’apparat ta’ avviż apposta għall-immaniġġar tat-traffiku, li jista' jintuża kemm f’post fiss, kif ukoll jintlibes mal-persuna.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wardens tal-Aġenzija LESA jiġux provduti vetturi meta jkunu qed jagħlqu t-toroq waqt li jintrama l-armar tal-festi, u peress li f'dak il-ħin ma jkunux qegħdin ma' fixed point, jgħid jekk hux qed jiġu mitluba jużaw il-vetturi personali tagħhom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Aġenzija tipprovdi vetturi lil kull sezzjoni ta’ impjegati li jaħdmu kemm fil-qasam tal-infurzar u anke dawk fl-immaniġġar tat-traffiku. Dawn jinkludi muturi kif ukoll karozzi.
Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex permessibbli li l-iskart organiku jinħareġ ġo boroż tal-plastik minflok boroż bijodegredabbli? Jekk le, tista' tgħid jekk hemmx sanzjoni u x'inhi s-sanzjoni jekk dan isir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-borża bijodegradabbli hija ambjentalment aħjar minn waħda tal-plastik, għalkemm sal-lum m’hemm l-ebda sanzjoni dwar dan.
Memorandum of Understanding dwar l-enerġija u interconnector elettriku
Question
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Memorandum of Understanding li ħabbar li ġie ffirmat mal-Gvern Libjan dwar l-enerġija u interconnector elettriku?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-Onor. Interpellant diġà kien ikkuntatjat biex ikun jista’ jara dan il-Memorandum of Understanding.
Jista' l-Ministru jara jekk hemmx possibbiltà li t-traffic lights ta' Triq Tas-Sliema, in-naħa tal-Gżira, li minnhom il-karozzi jaqsmu Rue d'Argens biex jitilgħu lejn il-Kappara, idumu ftit iżjed fuq l-aħdar biex iħallu l-karozzi joħorġu mill-Gżira, minħabba l-ammont ta' traffiku li qed jinġema’ jistenna fil-Gżira?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk jiżdied il-ħin fuq l-aħdar għal dik id-direzzjoni se jkollu jitnaqqas mid-direzzjonijiet l-oħrajn, li huma għandom ħafna iktar traffiku. Il-ħin totali tal-aħdar ma jistax jiżdied għax tonqos l-effiċjenza tal-junction.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li bih twaqqfet il-Malta Developers Green Energy bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Malta Developers Association?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tal-kuntratt mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid li bl-istess mod, fl-2017 ukoll, kienet twaqqfet il-Malta Energy Limited bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Malta Chamber of SMEs, li dak iż-żmien kienet għadha magħrufa bħala l-GRTU.
Malta Developers Green Energy – kuntratt għal użu ta’ art fuq proprjetà tal-WSC
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li bih il-Malta Developers Green Energy qed tuża' art u/jew arja fuq proprjetà tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadni kemm tajtu għall-mistoqsija parlamentari 10541.
Kuntratt bejn il-Malta Developers Green Energy u l-ARMS
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt ta' bejn il-Malta Developers Green Energy u l-ARMS dwar il-feed-in tariff tal-enerġija ġġenerata mill-pannelli installati fuq il-proprjetà tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li għadni kemm tajtu għall-mistoqsija parlamentari 10541, ninfurmah li l-imsemmija feed-in tariff ġiet stabbilita wara proċess ta’ sottomissjonijiet t’offerti pubbliċi (ITB), liema offerti ġew evalwati u sussegwentement mogħtija mill-Awtorità kompetenti. Dan il-proċess ġie finalizzat fis-sena 2021.
Ma jeżisti l-ebda kuntratt bejn il-Malta Developers Green Energy u l-ARMS.
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigramma preżenti ta' Project Green?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-23 ta’ Frar 2023, Project Green assorbiet il-ħaddiema kollha ta’ Parks Malta skont l-artikolu 33 tal-Public Administration Act (Cap. 595). Kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 7808, minnufih skatta proċess sħiħ t’assimilazzjoni tal-ħaddiema kollha ta’ din l-Aġenzija. Dan qed iseħħ sabiex ikun jista’ jsir ristrutturar organizzattiv intiż sabiex Project Green tkun tista’ tilħaq l-għanijiet li twaqqfet għalihom. Dan il-proċess jinsab fil-fażi finali tiegħu u meta jiġi konkluż se jwassal sabiex l-Aġenzija jkollha organigramma u struttura li tirrifletti l-ħtiġijiet tagħha.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8610 u 9293 u ċjoè: B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6173 u 6776, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istess informazzjoni għas-sena 2022?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din id-data għadha qed tinħadem u ma tkunx disponibbli qabel l-aħħar tas-sena.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-pazjent tar-Renal Unit m'għadhomx jiġu provduti bil-likwidu anestetiku Emla qabel it-trattament, kif kienu jiġu provduti sa ftit ġimgħat ilu? Din hija xi ħaġa temporanja jew deċiżjoni permanenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi issa qed jintuża local anaesthetic spray li jaħdem aktar malajr. Madankollu EMLA għadu disponibbli għal dawk il-pazjenti li jippreferuh.
Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi waqfien mix-xogħol li għaddej fi Triq il-Kbira, ġewwa Tas-Sliema, u meta dan ix-xogħol hu maħsub li jitlesta peress li x-xogħol issa ilu għaddej minn Jannar u hemm anke garaxxijiet li ilhom dawn ix-xhur kollha bblukkati mingħajr ma ġew avżati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet kellhom jitwaqqfu temporanjament wara rakkomandazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali sakemm tiġi sottomessa informazzjoni mitluba. Xogħlijiet ta’ skavar u bini ta’ parti mit-triq mill-ġdid se jitkomplew fil-jiem li ġejjin.
Sptar Mater Dei — apparat biex isiru l-implants tal-widnejn
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9260, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk din il-magna ġdida bdietx tintuża u kemm hemm nies fil-lista ta' stennija għaliha?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-jiem li ġejjin ser jibda t-taħriġ tal-professjonisti fuq dan l-apparat. Fil-lista ta stennija hemm 8 pazjenti.
Enemalta – rapport intern dwar il-wind farm fil-Montenegro
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 681, u fid-dawl li b'deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dan ir-rapport intern dwar il-proċess tal-windfarm fil-Montenegro kellu anke jiġi mgħoddi lill-istampa, tista' l-Ministru tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ir-rapport ikkummissjonat mill-Enemalta qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dan ir-rapport, b’rabta mal-Mozura Windfarm fil-Montenegro, sar mill-uffiċċju legali Mamo TCV u l-Enemalta offriet kollaborazzjoni massima biex dan ir-rapport seta’ jseħħ.
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-konklużjonijiet ewlenin tar-rapport kienu diġà ġew ippubblikati fir-rapporti annwali tal-Enemalta.
L-Enemalta ħadet ukoll diversi inizjattivi biex issaħħaħ il-governanza fi ħdanha, fosthom bl-implimentazzjoni ta’ Risk Management Policy, Anti-Money Laundering Policy, Investment Policy u Procurement Policy.
Kawża dwar il-binja li qiegħed jokkupa l-Kunsill Lokali Gudja
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9393, ninforma lill-Ministru dwar Rikors Kostituzzjonali 86/2023 imressaq quddiem l-Onorabbli Imħallef Grazio Mercieca, fejn għalkemm il-Kunsill Lokali mhuwiex parti mill-kawża għax il-fond ma jgħajjatx lilu, huwa l-fond li l-Kunsill Lokali bħalissa jokkupa, u għaldaqstant jista’ l-Ministru, bħala l-Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali, jgħid jekk għandux pjan u alternattivi għal dan il-Kunsill Lokali, u jista' wkoll jgħid jekk hux informat li hemm Kunsilli Lokali oħrajn li qegħdin jiffaċċjaw l-istess riskju?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-obbligu tal-Gvern Ċentrali sabiex jinsabu l-Uffiċini Amministrattivi tal-Kunsilli Lokali kien mat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali 30 sena ilu.
Ir-responsabbilità għax-xiri jew kiri tal-istess Uffiċċju Amministrattiv hija waħda li tinkombi lill-Kunsilli Lokali nfushom. Għaldaqstant, għar-rigward tal-każ imsemmi sta għall-Kunsill Lokali li jieħu miżuri meħtieġa ta’ kontinġenza sabiex l-istess Kunsill ikun jista' jibqa' jopera.
Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta' kif qed jaħdem il-proċess tax-xiri tal-gass (LNG) f'Malta? Tista’ tgħid jekk hijiex l-Enemalta li tixtri l-gass u tissupplixxih lill-operaturi bħal Electrogas u Shanghai Electric għall-użu fil-powerstations, jew hija l-Electrogas li qed tixtri l-gass u tissupplixxi lill-Enemalta li min-naħa tagħha tissupplixxih lil ħaddieħor? X'inhuma l-agreements li jkopru l-provvista tal-gass f'pajjiżna, u x'inhu r-rwol tal-Gvern f'din il-provvista?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gass LNG jinxtara mill-Electrogas. L-LNG jiġi proċessat fl-impjant ta’ rigassifikazzjoni li l-Electrogas għandha f’Delimara.
Parti minn dal-gass jintuża mill-impjant numru 4 f’Delimara li huwa tal-Electrogas stess. Parti oħra tal-gass tmur għall-użu mill-impjant Delimara 3 ta’ D3PG. L-Enemalta ma tħallasx għall-gass li jmur fl-impjant Delimara 4 tal-Electrogas, iżda tħallas għall-elettriku ġġenerat minn dan l-impjant.
Min-naħa l-oħra, l-Enemalta tħallas għall-gass li jmur fl-impjant Delimara 3 ta’ D3PG. Din il-kumpanija mbagħad tħallas lill-Enemalta għal dan il-gass, u l-Enemalta tħallas lid-D3PG għall-elettriku ġġenerat mill-impjant tagħha.