Legislature:
Category:
Reset
Active:

Records ta’ Identità — Persuni residenti f'Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm, skont ir-records ta’ Identità (ex-Identity Malta), huma l-persuni residenti f'Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ Settembru 2023 (jew l-iżjed data riċenti li għaliha din l-informazzjoni hija disponibbli)? Jista' jara li din il-figura tinkludi persuni kemm-il fuq u kemm taħt it-18-il sena u kemm dawk ta' nazzjonalità Maltija u barranija, kif ukoll dawk residenti fi djar tal-anzjani (pubbliċi u privati), sptarijiet (pubbliċi u privati), fiċ-ċentri miftuħa, ċentri ta' detenzjoni u fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Barra minn hekk jista’ wkoll jaqsam dawn il-figuri skont il-lokalità, f'dan il-format: (Lokalità ; Maltin <18-il sena ; Maltin >18-il sena ; Barranin <18-il sena ; Barranin >18-il sena)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11662.

Iż-Żejtun — lista ta’ linji sofor u/jew parkeġġi riservati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11070, jista' l-Ministru jispeċifika kull wieħed mill-permessi ta' linji/parkeġġi u quddiem liema bieb/garaxx huwa maħruġ il-permess sabiex isir?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-lista segwenti ta’ linji sofor / parkeġġi riservati li jinkludu parkeġġi għal dawk li għandhom il-badge il-blu flimkien mal-ispazji riservati għat-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija, preżentament approvati minn Transport Malta fit-toroq imsemmija. Triq Linji Sofor Parkeġġi Riservati Triq id-Duluri 1 3 Triq Santu Wistin 2 Xejn Triq il-Qalb ta' Ġesu Xejn 1 Triq Mikiel Cachia Xejn 1 Triq Dun Spir Grixti 1 1 Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant għat-termini tal-Kap. 586 – Att Dwar il-Protezzjoni u l- Privatezza tad-Data.

Kawżi ta’ mwiet f’Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8610, 9293 u 10409 u ċjoè: B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6173 u 6776, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istess informazzjoni għas-sena 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li qiegħed jitlob hu għadha mhux disponibbli. Dan huwa eżerċizzju li jieħu hafna ħin u jkun disponibbli bejn l-aħħar ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla. Wiehed jista’ jinnota li bħalissa l-EUROSTAT qed iforni biss data dwar il-kawża tal-mewt sal-2020.

Complimentary tickets għal kunċerti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu complimentary tickets għall-kunċerti ta’ Robbie Williams u ta’ Andre Rieu, lil min ingħataw u abbażi ta’ liema kriterji ġew magħżula n-nies li ngħataw dawn it-tickets?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li talbiet għal biljetti jiġu minn diversi oqsma tas-soċjetà. Dawn il-biljetti jitqassmu skont kif inhu xieraq mal-istakeholders tas-settur, on first come first served, bil-għan li jkompli jitkattar l-għarfien favur niċeċ li jsaħħu t-turiżmu lokali.

Mediċina Humira

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn il-Gvern ma baqax iġib l-injection Humira u minflok beda jġib biss il-Hulio? Jista’ jgħid ukoll x’alternattiva hemm għal dawk il-pazjenti li mhux qed taqbel magħhom il-Hulio u jekk hux beħsiebu jerġa’ jibda jġib il-Humira?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Humira u Hulio huma ismijiet tal-biological u biosimilar rispettivament tal-istess prodott – jiġifieri Adalimumab.

Distribution Centres u Substations ġodda u tqegħid ta’ cables

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm saru distribution centres u substations ġodda, u kemm tqiegħdu cables tat-33kV, tal-11kV, u tal-low-voltage, kull sena mill-2003 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

Għajnuna lil nies li ġew żgumbrati mid-dar minħabba li kienet mikrija qabel l-1995

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna tingħata, ingħatat, jew biħsiebha tingħata, lil nies li jiġu żgumbrati mid-dar minħabba li kienet mikrija qabel l-1995 u s-sidien tagħha riduha lura, sabiex dawn isibu post alternattiv, partikolarment peress li ħafna minnhom huma anzjani u ma jkunux jikkwalifikaw għall-ebda forma ta' self?

Response (GALDES, RODERICK)

Tajjeb li nibda billi nfakkar illi r-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 kienet waħda mill-ikbar riformi li qatt ra dan il-pajjiż, fejn assigurajna li għexieren ta’ eluf ta’ anzjani ma jispiċċawx mingħajr saqaf fuq rashom. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar bħala għajnuna allokat 17-il proprjetà lil persuni li kienu ser jiġu żgumbrati mid-dar minħabba li kienet mikrija lilhom qabel l-1995.

Infrastruttura taċ-Charging Depot għal Electric Buses — Finanzjament

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fir-rigward tal-parkeġġ li sa ftit żmien ilu kien il-Park and Ride ta' Blata l-Bajda, u li fih ġiet żviluppata ċ-charging infrastructure tad-depot tal-electric buses tal-Malta Public Transport, jekk saritx analiżi jew studju kif din l-infrastruttura ġdida se taffetwa d-distribution network u x'loads se tkun qed tpoġġi fuq is-sistema? Tista’ tgħid ukoll jekk din l-infrastruttura ġietx imħallsa minn fondi pubbliċi fuq bażi totali jew parzjali, u jekk iva, jekk dawn il-fondi humiex parti minn fondi Ewropej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Project Green — Organigram

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10609, issa li għaddew 3 xhur minn mindu konna mgħarrfa li l-proċess ta' ristruttura kien fil-fażi finali tiegħu, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigramma preżenti ta’ Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Delimara — Proġett ta' ħażna ta' enerġija bil-Battery Energy Storage Systems (BESS)

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu maħsub li se jiffinanzja l-proġett ta' ħażna ta' enerġija bil-batteriji (BESS) li tħabbar li se jsir f'Delimara? Tista' tgħid ħariġx jew hux ħiereġ tender għal dan il-proġett u f'liema stadju wasal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11069.

REWS — Sussidji - Ċilindri tal-gass

Question

Fid-dawl tad-Deċiżjoni 1 tal-31 ta' Marzu 2020, meħuda mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), rigward il-prezz taċ-ċilindri tal-gass LPG, tista' l-Ministru tgħid kemm ħareġ flus f'sussidji l-Gvern minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sabiex inżamm il-prezz fiss ta' €15 għall kull ċilindru ta’ 12 kg (u prorata għaċ-ċilindri l-oħra) għall-konsumatur? Tista' l-Ministru tgħid ukoll kemm-il kilogramma ta' LPG ġew mibjugħa lill-konsumaturi b'dan is-sussidju minn dakinhar sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat s’Awwissu ta’ din is-sena, l-Gvern ħareġ total ta’ €19,155,635 f’sussidji biex inżammet l-istabbilità fil-prezz tal-LPG f’ċilindri. Dan is-sussidju ngħata fuq 41,521,975 kilogramm ta’ LPG li nxtraw mill-konsumatur.

Emission Trading Units – Estimi finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jispjega d-dħul fl-estimi finanzjarji mill-Emission Trading Units, jagħti break down tiegħu u jispjega x'inhu l-proċess li bih jiġu "irkantati" dawn il-units?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żona Ekonomika Esklussiva – Riżultat tal-PMC

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultat tal-Preliminary Market Consultation (PMC) fuq iż-Żona Ekonomika Esklussiva li ġie mniedi s-sena l-oħra, u jgħid kemm kien hemm espressjonijiet ta' interess, u ma' xiex kienu relatati (kemm kienu jirrigwardjaw l-enerġija, kemm minnhom kienu dwar it-teknoloġija mir-riħ u/jew mix-xemx, kemm kienu dwar l-industrija marittima eċċ.)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-konsultazzjoni preliminari tas-suq hija biss eżerċizzju li permezz tiegħu l-Gvern jikseb informazzjoni. B'kollox ġew sottomessi 21 proposta. Id-dettalji qed jingħataw hawn taħt: 9 proposti dwar enerġija mir-riħ; 2 proposti dwar enerġija mix-xemx; 1 proposta dwar LNG; 2 proposti dwar konsulenza; 1 proposta dwar l-akkwakultura; 4 proposti dwar taħlita ta' enerġija mir-riħ u x-xemx; 2 proposti dwar taħlita ta' enerġija mir-riħ u x-xemx, kif ukoll akkwakultura u attivitajiet oħra.

Passaporti diplomatiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom passaport diplomatiku u f’liema kapaċità jew abbażi ta’ liema rwol uffiċjali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li bħalissa hawn 641 Passaport Diplomatiku validu fiċ-ċirkolazzjoni. Il-mistoqsija dwar il-kapaċità u l-kriterji li fuqhom jingħata dan il-passaport għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.

LESA — Kontravvenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm-il kontravvenzjoni ħarġet il-LESA bejn Jannar 2022 u Awwissu 2023, xahar b’xahar, għal kull lokalità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella riprodotta hawn taħt. Lokalità January – August 2023 ATTARD 7161 BALZAN 1377 BIRGU 2275 BIRKIRKARA 8766 BIRŻEBBUGA 1656 BORMLA 508 DINGLI 305 FGURA 835 FLORIANA 4078 FONTANA-Gozo 192 GĦAJNSIELEM-Gozo 373 GĦARB-Gozo 174 GĦARGHUR 1156 GĦASRI-Gozo 30 GĦAXAQ 2368 GUDJA (Inc Airport) 4361 GŻIRA 5117 ĦAMRUN 5170 IKLIN 2008 ISLA 35 KALKARA 192 KERĊEM-Gozo 76 KIRKOP 557 LIJA 379 LUQA 2075 MARSA 833 MARSASCALA 5462 MARSAXLOKK 441 MDINA 1172 MELLIEĦA 5947 MĠARR 2285 MOSTA 8194 MQABBA 454 MSIDA 3976 MTARFA 87 MUNXAR-Gozo 275 NADUR-Gozo 159 NAXXAR 17259 PAOLA 4235 PEMBROKE 1084 PIETÀ 1706 QALA-Gozo 229 QORMI 6728 QRENDI 208 RABAT 1941 RABAT-Gozo 3607 SAFI 193 SAN ĠILJAN 15882 SAN ĠWANN 4051 SAN LAWRENZ-Gozo 25 SAN PAWL IL-BAĦAR 13398 SANNAT-Gozo 71 SANTA LUĊIJA 81 SANTA VENERA 2851 SIĠĠIEWI 1490 SLIEMA 9299 SWIEQI 4514 TA` XBIEX 2601 TARXIEN 1676 VALLETTA 3485 XAGĦRA-Gozo 327 XEWKIJA-Gozo 278 XGĦAJRA 578 ŻABBAR 2555 ŻEBBUG 2973 ŻEBBUG-Gozo 716 ŻEJTUN 3614 ŻURRIEQ 1400

Ħsarat fin-Network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-faults li żviluppaw fin-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku bejn it-Tnejn 17 ta’ Lulju u t-Tnejn 31 ta’ Lulju, 2023, inkluż, skont il-każ rispettiv, x’kien l-equipment li żviluppa ħsara u meta kien installat, u/jew x’tip ta’ ġonta kienet li żviluppat il-ħsara, min kien il-manifattur, u meta kienet saret?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kważi 90% tal-ħsarat li żviluppaw fil-perjodu msemmi żviluppaw fuq ġonot. Id-data tal-installazzjoni ta’ dawn il-ġonot tvarja. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u ilma — Għajnuna lill-Għaqdiet Volontarji u Non-Governattivi

Question

B'referenza għat-tieni sejħa intiża li tgħin għaqdiet volontarji u non-governattivi li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ilma tagħhom, li kienet ġiet imħabbra mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) fit-30 ta' Marzu 2021, tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-applikanti, u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom irċevew il-fondi, kemm minnhom għadhom jistennew li jirċivuhom, u kemm ġew rifjutati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma nediet l-ewwel skema għall-għadqiet volontarji (VOs) f’April tal-2022, u dik is-sena nħarġu żewġ sejħiet. L-ewwel sejħa ħarġet f’Mejju 2022 u kien hemm 13-il applikant li minnhom ġew aċċettati 9, filwaqt li 4 ġew rifjutati għax ma kienux aċċettabbli skont ir-regoli tal-iskema. It-tieni sejħa saret f’Settembru 2022 u għaliha kien hemm 18-il applikazzjoni li ntlaqgħu kollha ħlief waħda li ma tkomplietx mill-applikant stess. Il-benefiċċjarji tal-ewwel sejħa irċevew il-fondi kolla hekk kif lestew il-proġetti tagħhom b’total ta’ €232,534.91. Il-benefiċċjarji tat-tieni sejħa irċevew l-ewwel parti tal-fondi (60% tal-ammont, skont ir-regoli tal-benfiċċju) u ser jirċievu l-40% li baqa’ meta jlestu l-proġetti aktar tard din is-sena. Dawn il-benefiċċjarji irċevew €159,228.06.

Enemalta – Rata ta’ bejgħ għal kull kWh

Question

Tista' l-Ministru tagħti break down tar-rata li biha nbiegħ kull kWh li ġġenerat l-Enemalta fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema tabella tgħid kemm kien hemm units li ma ġewx billed (mitlufa f'ineffiċjenzi/losses fil-ġenerazzjoni jew sistema ta' distribuzzjoni u/jew misruqa)? Tista’ tgħid ukoll b’kemm tħallsu l-units li ġew billed (kemm units tħallsu bl-10c47, kemm units tħallsu bit-12c98, eċċ), possibbilment maqsuma f'tabelli separati għal dawk domestiċi, residenzjali u kummerċjali (non-residential)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Carbon Credits — Nefqa

Question

Tista' l-Ministru tispjega n-nefqa tal-Carbon Credits mill-estimi finanzjarji, u tagħti break down ta' fejn qed tmur din in-nefqa? Tista' tgħid jekk il-Gvern għandux xi dħul relatat ma' carbon credits?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika, fl-estimi finanzjarji, għal-liema Carbon Credits qed jirreferi.

Biofuels — Direttivi Ewropej

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar biofuels, inkluż ethanol E5 u E10, fid-dawl tad-Direttivi Ewropej dwar Biofuels?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttiva (UE) 2018/2001 kienet stabbiliet is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport li l-Istati Membri huma meħtieġa jilħqu għal mill-inqas 14% sal-2030 u li tesiġihom jippubblikaw trajettorja li permezz tagħha dan ikun jista’ jintlaħaq. Id-Direttiva kienet aġġornat ukoll ir-regoli relattivi tal-kalkolu ta’ dan is-sehem. F'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-leġiżlazzjoni lokali tistabbilixxi t-trajettorja li tilħaq sehem ta’ 14% sal-2030, tistabbilixxi l-limiti u taġġorna r-regoli ta’ kalkolu, u b’hekk tippermetti ċertezza għall-importaturi tal-fjuwil li huma soġġetti għal dawn l-obbligi. L-importaturi u/jew il-bejjiegħa bl-ingrossa tal-petroleum huma responsabbli biex jiddeċiedu kif għandhom jilħqu din il-mira li hija imposta fuqhom. Għal dan il-għan, kull sena jintbagħat rapport awditjat lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma li jagħti dettalji dwar kif kienu ġew milħuqa l-miri.