B'referenza għat-tweġiiba tal-mistoqsija parlamentari 11426 dwar complimentary tickets għal kunċerti, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' complimentary tickets li nħarġu f'kull kunċert imsemmi u liema kienu l-oqsma tas-soċjetà u/jew stakeholders li bbenefikaw minnhom abbażi ta' first come first served kif qiegħed jindika fl-istess tweġiba?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-complementary tickets tqassmu fis-setturi relatati mat-turiżmu fosthom ħaddiema ta’ diversi stakeholders u entitajiet, influencers u pubbliku inġenerali.
Distribution Centres u Substations ġodda u tqegħid ta’ cables
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11494 u tgħid kemm saru distribution centres u substations ġodda, u kemm tqiegħdu cables tat-33kV, tal-11kV, u tal-low-voltage, kull sena mill-2003 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid li bħalissa l-Enemalta tinsab fi stadju avvanzat għall-ippjanar ta’ Ċentru tad-Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi, filwaqt li għaddejja bi pjanijiet għall-bini ta’ żewġ ċentri oħrajn ġodda li se jsiru fir-Rabat u fil-Kottonera. Għaddejjin ukoll pjanijiet sabiex tirdoppja l-kapaċità fiċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni tal-Imsida u St Andrews.
Apparti minn dan, l-Enemalta għaddejja wkoll bi pjan aċċellerat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha, fejn kull sena qed jiġu kkummissjonati medja ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida fis-sena, u jsiru għadd ta’ upgrades f’substations differenti. Qegħdin jitpoġġew ukoll għadd ta’ feeders li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi, u kilometri ta’ cables oħrajn fuq livell ta’ 11kV u 33kV. L-Enemalta għaddejja wkoll bi proġett t’automation, li huwa mmirat biex is-substations tagħha jkunu jistgħu jiġu kkontrollati mill-kamra ta’ kontroll fil-Marsa, u f’każ ta’ ħsara, fejn ikun possibbli jonqos il-ħin ta’ interruzzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11619, fejn il-Ministru qiegħda titlobni biex nagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, tikkonferma li allura ma saru l-ebda analisi jew studju dwar kif din iċ-charging infrastructure se taffettwa d-distribution network tal-Enemalta u dwar x'loads se titfa' fuq is-sistema, jew ma sarx xi forma ta' kordinament mal-Enemalta dwar dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett li qed jirreferi għalih ma kienx t’entità li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, madankollu, bħalma jsir fi proġetti ta’ ċertu kobor, l-Enemalta ġiet ikkonsultata sa minn kmieni sabiex ġew stabbiliti rekwiżiti tekniċi li jikkonċernaw is-sistema tad-distribuzzjoni. Aktar tard, l-Enemalta reġgħet ġiet ikkonsultata fl-istadju tal-applikazzjoni għall-permess tal-iżvilupp u hawnhekk ikkonfermat li ma kellha l-ebda oġġezzjoni għall-proposta tal-applikant, hekk kif l-infrastruttura eżistenti, flimkien mas-substation ġdida msemmija fl-istess permess, tiflaħ għal din id-domanda. L-ispejjeż tal-infrastruttura neċessarja, li kienet tinkludi wkoll substation u tqegħid ta’ cables li saru mill-Enemalta, inħarġu mill-applikant innifsu.
Fir-rigward tal-parkeġġ li sa ftit żmien ilu kien il-Park and Ride tal-Blata l-Bajda, u li fih ġiet żviluppata ċ-charging infrastructure tad-depot tal-electric buses tal-Malta Public Transport, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-infrastruttura ġietx imħallsa minn fondi pubbliċi fuq bażi totali jew parzjali? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dawn il-fondi humiex parti minn fondi Ewropej?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ispiża ta’ dan il-proġett ġiet iffinanzjata mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku, jiġifieri l-Malta Public Transport.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11495, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kwalunkwe means testing jew kriterji li saru biex jiġi stabbilit min jista' jikkwalifika għal din l-għajnuna f'każ ta' żgumbrament, u min le?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kriterji f'każ ta' żgumbrament huma kif jidher hawn taħt:
· Sentenza mir-Rent Regulation Board fejn jordna żgumbrament;
· Test tal-mezzi:
Bracket
Age of Tenant
Income
Capital Assets
1
<35
€28,500
€60,000
2
>35
€38,000
€90,000
3
>45
€42,000
€185,000
4
>55
€44,500
€213,000
5
>65
€46,500
€245,000
6
>75
€50,000
€600,000
Tista' l-Ministru tgħid l-Enemalta kemm xtrat gass LNG, bħala kwantità, kif ukoll il-prezz totali li nefqet f'kull perjodu, għal perjodi Novembru 2021 sa April 2022, Mejju 2022 sa Ottubru 2022, u Novembru 2023 sa April 2023, u Mejju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kwantità ta’ gass LNG li nxtara mill-Enemalta fil-perjodu bejn l-1 ta’ Novembru 2021 u l-31 t’Awwissu 2023 kien 5,923,656mmBTU. Fil-preżent, il-prezz jinħadem permezz ta’ formula stabbilita fil-kuntratt li jissejjaħ l-‘Indexed Price LNG Supply Term’.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11381, tista' l-Ministru tispjega n-nefqa tal-Carbon Credits, b’referenza għal line item 5891 f'paġna 289 tal-Estimi Finanzjarji tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, fejn hemm approvati nefqa ta' €40 miljun fuq Carbon Credits fl-2022? Tista’ wkoll tagħti break down ta' fejn qed tmur din in-nefqa u jekk il-Gvern għandux xi dħul relatat ma' Carbon Credits?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Estimi Finanzjarji għall-2022 kien hemm allokazzjoni ta’ €40 miljun taħt line item 5347 ‘Carbon Credits’. Minn dan il-line item ma mmaterjalizzat l-ebda nefqa u, bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi, il-fondi ġew trasferiti lejn line item 5463 ‘Energy Support Measures’ sabiex setgħu jintużaw f’sussidji fuq l-enerġija għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin. Fir-rigward tad-dħul relatat nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħata għall-mistoqsija parlamentari 11386.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11424 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, jista’ l-Ministru jgħid f'liema kapaċità jew abbażi ta’ liema rwoli uffiċjali, inħarġu s-641 Passaport Diplomatiku validu li hawn fiċ-ċirkolazzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Passaport Diplomatiku jinħareġ lill-persuni li huma ċittadini tar-Repubblika ta’ Malta skont linji gwida ċari li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Proġett ‘Charge My Ride’ – Sehem tal-Gvern u sehem tal-privat
Question
Tista’ l-Ministru tispjega b'liema mod jopera l-proġett ‘Charge My Ride’? Tista’ tgħid ukoll kemm hu s-sehem tal-Gvern fih u kemm hu s-sehem tal-privat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ‘Charge My Ride’ hija sistema pubblika Ii hija mħaddma minn kuntrattur privat, li kien ġie magħżul wara sejħa għall-offerti pubblika.
Proġett ‘Charge My Ride’ – Manutenzjoni u żamma tac-charging stations
Question
Tista' l-Ministru tgħid min hu responsabbli tal-manutenzjoni u taż-żamma taċ-charging stations tal-proġett ‘Charge My Ride’?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 11911. Huwa l-istess kuntrattur li oriġinarjament installa l-pilastri u stabbilixxa s-sistema ‘Charge My Ride’.
Charging stations li ma kinux qed jiffunzjonaw kif suppost
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport jew ilment kien hemm ta' charging stations li ma kinux qed jiffunzjonaw kif suppost fl-2021, 2022 u fl-2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fis-sena 2021 kien hemm 50 ilment, fis-sena 2022 kien hemm 762 ilment filwaqt li mill-bidu ta’ Jannar sal-10 ta’ Ottubru 2023 kien hemm 803 ilment. Kull meta jsir ilment isir kull sforz biex il-ħsara li jkun hemm tissewwa bl-inqas dewmien possibbli.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li kien hemm inċident vjolenti bl-idejn bejn Spettur Korrettiv Anzjan u Surġent Maġġur Korrettiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi? Jekk iva, x'passi ħadet l-Aġenzija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li fl-aħħar ġimgħat kien hemm inċident bejn żewġ uffiċjali korrettivi, li ma kienx fiżiku, u li konsegwenza tiegħu skattat proċess ta’ dixxiplina mill-Aġenzija.
Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi — Allegazzjonijiet ta' frodi u misappropjazzjoni ta' flus
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li hemm allegazzjonijiet ta' frodi u misappropjazzjoni ta' flus fuq wieħed mill-impjegati tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fil-procurement? Jekk iva, x'passi ħadet l-Aġenzija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li l-unit ta' procurement twaqqfet fl-aħħar żmien. Infurmat li ma kienx hemm dawn l-allegazjonijiet. Infurmat ukoll li f'kull istanza, jekk jinstab xi irregolarità f'kull taqsima, tittieħed azzjoni.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux veru li kien hemm rapport ta' fastidju sesswali u/jew indiċenti ta' fizzjal anzjan tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi fuq priġuniera femminili fil-Faċilità Korrettiva? Jista' jgħid x'passi ħadet l-Aġenzija dwar dan?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li ma ġiex riċevut rapport skont kif indikat.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ċella f'Diviżjoni 5 kellhiex forma ta' gaġġa armata maċ-ċella biex tiżola u tumilja priġunier, u li din tneħħiet qabel saret l-aħħar spezzjoni mill-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar xhur u snin saru riformi u progress kontinwi mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, fejn minn post bla ebda forma ta’ ordni jew rijabilitazzjoni, illum hemm aġenzija b’diversi ħaddiema u professjonisti, li jaħdmu kuljum għal ordni u rijabilitazzjoni. Dawn ir-riformi u bidliet ilu jsir xogħol fuqhom għal żmien twil, u kontinwament saru u qed isiru, għax hemm amministrazzjoni li temmen fihom, u mhux għal xi entità partikolari.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema impjegati mill-Water Services Corporation, kemm fuq bażi full-time, kif ukoll fuq bażi part-time?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 1,038 impjegat full-time u 4 part-time. Assenjati mal-Korporazzjoni hemm ukoll 13-il apprentist.
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema mal-Water Services Corporation xahar b'xahar matul l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u f'liema karigi, kemm fuq bażi full-time kif ukoll fuq bażi part-time?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Intepellant li bejn l-2022 u l-2023 kien hemm 110 ħaddiema f’karigi diversi li temmew l-impjieg tagħhom mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minħabba raġunijiet varji.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10610, issa li għaddew 3 xhur minn mindu konna mgħarrfa li l-proċess ta’ ristruttura kien fil-fażi finali tiegħu, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-ammont ta’ impjegati ta’ Project Green, f’liema skala u grad u kemm hemm impjegati f’kull skala?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10612 u issa li s-sensiela ta’ events "Unplugged - Midweek in the Park" jidher li waslu fi tmiemhom, tgħid kemm kien hemm minnhom, kemm intefaq għall-organizzazzjoni tagħhom, u kemm intefaq għar-riklamar tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena s’issa, Project Green diġà ħabbret aktar minn €50 miljun investiment f’diversi proġetti madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu proġetti li se jsiru fil-lokalitajiet ta’ San Ġwann, Mosta, fil-Kottonera, Tal-Pietà, Żurrieq, Raħal Ġdid, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, Msida, Ħal Għargħur, Għajnsielem, Għaxaq, Mellieħa, Mtarfa, Santa Venera, kif ukoll l-ewwel ġnien carbon-neutral fil-gżira Għadwdxija li se jsir fix-Xewkija.
Fl-istess waqt, din is-sena diġà tlestew aktar minn 45,000 metru kwadru f’ġonna u spazji miftuħa ġodda jew riġenerati madwar il-pajjiż. Wieħed mill-għanijiet ta’ Project Green huwa li tippromwovi u tagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ispazji miftuħa. Dan sabiex naraw li dejjem aktar individwi jkunu mhux biss konxji ta’ dawn l-ispazji, imma jkunu jistgħu jutilizzawhom aktar spiss u matul is-sena kollha.
L-inizjattiva ‘Unplugged - Midweek in the Park’ kienet maħsuba proprju għalhekk u permezz tagħha l-aġenzija attirat aktar minn 2,000 ruħ ġewwa l-Green Open Campus fil-Mosta. L-organizzazzjoni swiet €44,023 biex saru erba’ avvenimenti matul Lulju li taw spazju lil artisti u mużiċisti Maltin biex jesbixxu live, u €9,856 intefqu f’avviżi biex il-pubbliku ġie mgħarraf bl-avvenimenti li saru u kien mistieden jattendi għalihom.
Tista’ l-Ministru tgħid mill-bidu tas-sena 2023, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari x’kienet in-nefqa totali ta’ Project Green, u minn din in-nefqa kemm kienet in-nefqa fir-remunerazzjoni tal-istaff, ħaddiema u amministrazzjoni, u kemm kienet in-nefqa totali f'reklamar u marketing (inkluż dak stampat, online, social media, ritratti, videos eċċ)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.