Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta — Nefqa fuq fuels

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa ta’ Malta fuq hydrocarbons (fossil fuels, inkluż gass naturali, LPG, petrol, diesel, aviation fuel, eċċ), għal kull sena għas-snin 2020, 2021, 2022 u fl-2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Enemalta — Xiri ta’ gas LNG

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11829, tista' l-Ministru taqsam l-ammont ta’ gass LNG li nxtara mill-Enemalta għal kull sitt xhur, u ċjoè minn Novembru 2021 sa April 2022, Mejju 2022 sa Ottubru 2022, Novembru 2023 sa April 2023 u Mejju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tipprovdi l-prezz tan-nefqa totali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwantità ta’ gass LNG li nxtara mill-Enemalta kull sitt xhur kien kif ġej: Novembru 2021 s’April 2022 - 516,942.40 mmBTU Mejju 2022 s’Ottubru 2022 - 1,803,201.60 mmBTU Novembru 2023 s’April 2023 - 2,056,038.77 mmBTU Mejju 2023 sa Settembru 2023 - 1,936,026.29 mmBTU Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 11829, fil-preżent, il-prezz jinħadem permezz ta’ formula stabbilita fil-kuntratt li jissejjaħ l-‘Indexed Price LNG Supply Term’. Id-dettalji speċifiċi dwar il-prezz ma jistgħux jingħataw għax din l-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12277 u jgħid jekk l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) bdietx topera, u jekk iva jgħid: a. minn fejn qiegħda topera; b. kemm hu l-budget tagħha; u ċ. kemm għandha impjegati magħha u f'liema skali u pożizzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Persuni residenti f'Malta u Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11668, filwaqt li huwa apprezzat ix-xogħol li jagħmel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-eżerċizzju importanti taċ-ċensiment, peress li dan huwa eżerċizzju li sar sentejn ilu u ma jerġax isir fil-futur qarib, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni mitluba aġġornata sal-lum tistax tinkiseb mir-rekords ta' Identità (eks Identity Malta), u jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni residenti f'Malta u f’Għawdex sal-aħħar ta’ Settembru 2023 (jew l-iżjed data riċenti li għaliha din l-informazzjoni hija disponibbli)? Jista' jara li din il-figura tinkludi persuni kemm ’il fuq minn 18-il sena u kemm taħt it-18-il sena u kemm dawk ta' nazzjonalità Maltija u barranija, kif ukoll dawk residenti fi djar tal-anzjani (pubbliċi u privati), sptarijiet (pubbliċi u privati), fiċ-ċentri miftuħa, ċentri ta' detenzjoni u fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Barra minn hekk jista’ wkoll jaqsam dawn il-figuri skont il-lokalità, f'dan il-format: (Lokalità; Maltin <18-il sena ; Maltin >18-il sena ; Barranin <18-il sena ; Barranin >18-il sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar.

Gudja, Vjal l-Avjazzjoni – Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jara li t-traffic lights li jinsabu fi Vjal l-Avjazzjoni, li jintużaw biex mill-Gudja tkun tista' taqsam għall-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jittranġaw, hekk kif it-tieni set ta' lights tan-naħa tal-Ajruport qed ikunu spiss ma jaħdmux, b'periklu serju għan-nies li jkunu qed jaqsmu hekk kif ikunu ġejjin karozzi u trakkijiet b'veloċità qawwija min-naħa ta' Ħal Far?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar jiem il-“cables” ta’ dawn it-“traffic lights” sofrew xi ħsarat u Transport Malta qed taħdem biex tagħmel it-tiswijiet neċessarji u telimina l-kawża biex il-ħsarat ma jirrepetux ruħhom.

Magħtab — Waste-to-energy plant - Non-recyclable waste

Question

Tista' l-Ministru tispeċifika eżatt meta l-Wasteserv tgħid li l-faċilità Waste-to-Energy fil-Magħtab "will be processing 192,000 tonnes of non-recyclable waste per year", x'inhi d-definizzjoni tagħha ta' "non-recyclable waste"?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li "non-recyclable waste" huwa skart li ma jkunx jista’ jiġi riċiklat jew imdawwar f’enerġija u kompost mill-organic processing plant.

Sistema tad-drenaġġ — Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux vera li s-sistema tad-drenaġġ ta’ pajjiżna f'ċerti nħawi tinsab fi stat ħażin ta’ manutenzjoni u qed tikkawża ħruġ ta’ drenaġġ f’xi bajjiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatement li qed jagħmel mhuwiex minnu. Ninsab infurmata li l-każijiet ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fil-bajjiet li ġew rappurtati matul is-sajf li għadda kienu kkaġunati minn ħsarat ta’ terzi u/jew relatati ma’ konnessjonijiet privati. F’każijiet minnhom saħansitra lanqas kien drenaġġ.

Sistema tad-drenaġġ — Studju fuq manutenzjoni/kapaċità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern ikkummissjonax xi studju fuq l-istat ta’ manutenzjoni u/jew ta’ kapaċità tas-sistema tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tlesti t-tfassil ta’ pjan ta’ Investiment Nazzjonali għas-Servizzi tal-Ilma mifrux fuq medda ta’ għaxar snin (2023-2033) u li partijiet minnu diġà bdew jitwettqu. Dan il-pjan jinkludi wkoll diversi miżuri intiżi għat-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ kif ukoll tal-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Fost dawn il-miżuri hemm proġetti li diġà nbdew, oħrajn li l-ippjanar tagħhom jinsab fi stadju avvanzat u oħrajn li qegħdin fi stadji differenti tal-ippjanar.

Żbroff ta' drenaġġ — Pjan ta' kontinġenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux xi pjan ta’ kontinġenza biex fis-sajf li ġej ma jerġax ikun hemm bajjiet li jingħalqu minħabba żbroff ta’ drenaġġ bħalma ġara din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12283.

EWA — Skema għall-Għaqdiet Volontarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11337, fejn jingħad li l-ewwel sejħa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) ħarġet fl-2022, tista’ l-Ministru tgħid jekk allura l-iskema għall-Għaqdiet Volontarji, li kienet tħabbret fit-30 ta' Marzu 2021, u li l-fondi tagħha ġew imqassma fl-24 ta' Lulju 2021, kinitx amministrata mill-EWA? F'dak il-każ, tista' l-Ministru tispeċifika kif ġiet amministrata dik l-iskema, kemm kienu l-applikanti, u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom irċivew il-fondi, kemm minnhom għadhom jistennew li jirċivuhom, u kemm ġew rifjutati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema li qed jirreferi għaliha ma kinitx amministrata mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) iżda mid-Direttorat tal-iStrategy and Support, kif kien imwaqqaf dak iż-żmien. Taħt is-sejħa msemmija kienu ntlaqgħu 26 applikazzjoni li waħda minnhom kienet ġiet irtirata mill-applikant innifsu. Il-25 applikazzjoni l-oħra ġew aċċettati kollha. L-iskema ma kinitx tipprovdi għall-għoti ta’ fondi iżda għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ pannelli. Dawn l-applikazzjonijiet issa se jiġu assorbiti minn skema ġdida li ser tkun amministrata mill-EWA u li dwarha se ssir laqgħa mal-applikanti kollha fil-jiem li ġejjin.

Complimentary tickets għal kunċerti

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11426 u 12118, dwar complimentary tickets għall-kunċerti ta’ Robbie Williams u ta’ Andre Rieu, jista' l-Ministru jagħti ċifra totali ta' biljetti kumplimentari li ngħataw f'kull wieħed miż-żewġ kunċerti, bħala ċifra f'numru (eż. 50 biljett, 120 biljett, 1,000 biljett)?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ammont konċess mill-organizzaturi kien ta’ 600 biljett għall-kunċert ta’ Robbie Williams u 700 biljett għaż-żewġ kunċerti ta’ Andre’ Rieu.

Complimentary tickets għal kunċerti

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11426 u 12118, dwar complimentary tickets għal kunċerti ta’ Robbie Williams u ta’ Andre Rieu, jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-proċedura li ntużat biex applikaw għal dawn il-biljetti u biex intgħażlu l-"ħaddiema ta' diversi stakeholders u entitajiet"? Jista’ jgħid ukoll x'kienet il-proċedura li ntużat biex applikaw u biex intgħażlu l-membri tal-"pubbliku inġenerali"?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tidħol għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-biljetti jitqassmu skont kif inhu xieraq bejn id-diversi stakeholders u entitajiet.

Mediċina Humira

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11427, minkejja li l-Hulio u oħrajn huma mediċini li huma biosimilar għall-Humira, peress li hawn pazjenti li l-Humira biss kienet taqbel magħhom filwaqt li l-Hulio kkawżatilhom problemi, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn il-prodott Humira ma baqax jinġieb tal-inqas għal dawk il-pazjenti li għandhom ċertifikazzjoni mingħand il-konsulent li tgħid li l-Humira biss taqbel magħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-Avviż Legali 448 ta’ 2018 f’każ li konsulent mediku jħoss illi pazjent jista jibbenifika minn mediċina partikolari li ma tkunx fuq il-formolarju tal-Gvern, l-istess konsulent jista jagħmel sottomissjoni lill Exceptional Medicinal Treatment Committee, u jkun dan il-kumitat tekniku li jiddeċidi dwar il-każ.

Project Green — Nefqa Totali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11667 u tgħid mill-bidu tas-sena 2023, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari x’kienet in-nefqa totali ta’ Project Green, u minn din in-nefqa kemm kienet in-nefqa fir-remunerazzjoni tal-istaff, ħaddiema u amministrazzjoni, u kemm kienet in-nefqa totali f'reklamar u marketing (inkluż dak stampat, online, social media, ritratti, videos eċċ)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-nefqa totali ta’ Project Green fuq ir-remunerazzjoni tal-istaff, ħaddiema u amministrazzjoni ammontat għal €2,033,264. Rigward il-kumplament tal-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant nirreferih għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 11078.

Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) bdietx topera, u jekk iva jgħid: a. minn fejn qiegħda topera; b. kemm hu l-budget tagħha; u ċ. kemm għandha impjegati magħha u f'liema skali u pożizzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi — Inċident vjolenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11797, jista' l-Ministru jgħid x'rank/grad kienu l-uffiċjali korrettivi involuti meta seħħ dan l-inċident u x'tip ta' inċident kien? Jista’ jgħid ukoll jekk il-proċess ta' dixxiplina li skatta kienx biss intern fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi jew kienx permezz tal-Public Service Commission (PSC)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi r-rank ta’ l-uffiċjali involuti kien ta’ uffiċjali korrettivi. Fuq dan l-aċċident l-Aġenzija ressqet lil dawn l-uffiċjali quddiem il-bord ta’ dixxiplina fejn ġie deċiż sospensjoni ta’ tlett (3) ijiem kull wieħed.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi — Allegazzjonijiet ta' frodi u misappropjazzjoni ta' flus

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11798, jista' l-Ministru allura jgħid għalfejn twaqqaf il-unit tal-procurement jekk ma kien hemm ebda allegazzjoni ta' dan it-tip? Jista' wkoll jgħid jekk l-uffiċjal li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament ġiex imwaqqaf jew sospiż jew irriżenjax, u jekk iva x'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li t-twaqqif tal-unit tal-Procurement sar sabiex jiġu ssimplifikati l-proċessi ġewwa l-aġenzija u sabiex żewġ sezzjonijiet ġew magħquda. Fir-rigward tal-persuna li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, infurmat mill-Aġenzija li ma kien hemm l-ebda persuna jaħdem b’dawk id-dettalji fiż-żewġ sezzjonijiet li issa ġew f’waħda.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi — Fastidju sesswali u/jew indiċenti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11799, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma ħarġet l-ebda ċaħda dwar l-inċident imsemmi fil-mistoqsija oriġinali u ċjoè rapport ta' fastidju sesswali u/jew indiċenti ta' fizzjal anzjan tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, liema inċident ġie rappurtat fil-ġurnali f'Diċembru 2022? Jekk dan l-inċident ma seħħx u ma ġiex rappurtat, jista' l-Ministru allura jgħid x'kienet ir-raġuni għas-sospensjoni jew riżenja tal-fizzjal li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li ma ġiex riċevut rapport skont kif indikat.

Rendikont ta' charging stations li kienu offline jew ma jiffunzjonawx

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta' charging stations li kienu offline jew ma jiffunzjonawx matul l-2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u f'kull każ tgħid kemm damet il-ħsara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.