Jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jinħarġu fondi pubbliċi jew fondi Ewropej għall-kunċert ta’ Andrea Bocelli u Joseph Calleja li huwa ppjanat għall-25 ta’ Novembru u li jidher li hu sponsorjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA)?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata stante li hija waħda kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema pożizzjoni qiegħda fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' jagħti d-dettalji preċiżi ta' kif taħdem din il-lista ta’ stennija u l-kriterji kollha li jiġu applikati, inkluż jekk hemmx forma ta' first-come-first-served basis? Jista' wkoll jagħti indikazzjoni ta’ meta l-persuna għandha tistenna li tingħata tali akkomodazzjoni?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ stennija tiddependi minn fatturi varji fosthom is-sitwazzjoni preżenti tal-applikant u assessments li jsiru minn professjonisti fi ħdan l-istess Awtorità tad-Djar u li jagħtu stampa aktar ċara tal-bżonnijiet u l-għażliet tal-istess applikanti.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kif qed isir monitoraġġ tal-priġunieri li jkunu barra l-ħabs, inkluż dawk li jkunu qed jaħdmu barra l-ħabs?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-moniteraġġ tal-priġunieri li jkunu fuq barra jsir b’diversi metodi li waħda ma jeskludix lil oħra. Hemm sistemi ta’ ankle braclet (moniteraġġ elettroniku) li huwa amministrat mill-Aġenzija stess, isiru spezzjonijiet għal għarrieda kif ukoll, f’każijiet oħra, ikun hemm anke skorti u superviżjoni mill-uffiċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk wara li l-eks Direttur tal-Ħabs, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, tilef numru ta' libelli, kienx hemm xi spejjeż legali li tħallsu mill-Gvern jew mill-Aġenzija Korrettiva? Jista' jgħid ukoll jekk wara li ntilfu dawn il-libelli, uħud minnhom fuq materji sensittivi u kontroversjali ħafna, dan l-individwu għadux jokkupa l-kariga tiegħu fil-Libja jew xi kariga governattiva oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kawżi ta' libell huma fin-natura tagħhom personali u għaldaqstant spejjeż marbuta magħhom għandhom jitħallsu mill-individwi li jiftħuhom. Infurmat illi fejn kien hemm xi spejjeż illi skorrettament tħallsu mill-Aġenzija, sar rifużjoni tagħhom.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Karigi ta’ CFO u COO
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karigi ta' Chief Operating Officer (CFO) u Chief Operations Officer (COO) fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ġewx mimlija? Jekk iva, meta u minn min? Jekk le, min qed jaqdi dawn ir-responsabbilitajiet essenzjali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għaddejja bl-eżerċizzju tagħha ta’ approvazjon tal-human resources plan imġedded. Il-karigi msemmija se jiġu mimlija malli dan l-eżerċizzju jkun magħluq.
Fl-assenza ta’ dawn iż-żewġ karigi u b’mod temporanju, ir-responsabbiltajiet imsemmija qed jiġu koperti minn impjegati fi gradi maniġerjali u li huma kompetenti fuq is-suġġetti msemmija.
Tista' l-Ministru tispjega fid-dettall fiex ser ikun qed jikkonsisti l-kiri temporanju ta' kapaċità ta' 60MW f'impjanti ta' emerġenza għall-Enemalta li tħabbar fid-Diskors tal-Baġit 2024 (paġna 72)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant is-sajf li għadda, wara mewġa ta’ sħana bla preċedent, kien hemm żieda straordinarja fid-domanda għall-elettriku f’pajjiżna fejn l-ogħla domanda (il-peak demand) żdiedet b’14.1 fil-mija fuq dik tal-2022. Dan meta ż-żieda medja bejn l-2010 u l-2022 kienet ta’ 3.5 fil-mija. L-Enemalta għandha l-kapaċitá neċessarja li tlaħħaq sew mad-domanda lokali għall-elettriku, u anke għandha l-kapaċitá standby ekwivalenti għall-ikbar sors ta’ ġenerazzjoni li għandha, dak li huwa magħruf bħala l-N-1, b’tali mod li anke jekk ma jaħdimx dan l-ikbar sors, l-Enemalta xorta għandha l-kapaċitá tilqa’ għad-domanda.
Madankollu l-Gvern ħass li fid-dawl tal-effetti bla preċedent tat-tibdil fil-klima, u bħala prekawzjoni jekk jinqala’ l-każ li simultanjament imur l-ikbar impjant kif ukoll ikun hawn xi mewġa ta’ sħana li tkun ikbar milli rajna dan is-sajf, allura jkun tajjeb li naħsbu għall-kapaċitá addizzjonali ta’ 60MW biex nassiguraw li anke jekk Malta tintlaqat bil-mod li diġà aċċennajt għalih, ikun hemm il-kapaċitá teknika li tilqa’ għal dan. Huwa għalhekk li ser tinkera din il-kapaċitá teknika ta’ 60MW. Dan jirrifletti l-għaqal tal-Gvern li mal-ħtiġijiet tal-poplu u tal-industrija ma jiċċajtax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-membri fil-Korp tal-Pulizija li huma stazzjonati speċifikament fid-distretti jew fil-branches, u jispeċifika l-figura mqassma fuq kull distrett skont l-irħula/bliet u f'kull branch separatament, inklużi l-gradi tal-Pulizija stazzjonati kif meħtieġ?
Tista' l-Ministru tgħid jekk isirx xi forma ta' awditjar indipendenti fuq id-deċiżjonijiet ta' xiri ta' elettriku li tkun qed tagħmel l-Enemalta? Jekk iva, kif isir dan l-awditjar u minn min?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xiri tal-elettriku huwa inkluż fil-pjan ta’ tliet snin ta’ verifika interna tal-kumpanija, li huwa ppjanat li jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u li jiġi konkluż sal-bidu tal-2024. Ix-xiri tal-elettriku li tagħmel Enemalta jaqa’ taħt il-cost of sales tal-kumpanija, li jagħmel parti mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tagħha u li huma verifikati mill-awdituri esterni tal-kumpanija.
Sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku — Pjan ta' investiment
Question
Tista' l-Ministru tippubblika l-pjan ta' investiment ta' €30 miljun f'sena waħda li l-Gvern ħabbar li ser jagħmel fis-sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku, u tagħti break down dettaljat ta' x'ser isir u x'ser jintefaq tal-inqas sa Ġunju li ġej, inkluż Distribution Centres ġodda u/jew upgrades, substations, cables ġodda u/jew reinforcements?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Enemalta tinsab fi stadju avvanzat għall-ippjanar ta’ Ċentru tad-Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi, filwaqt li għaddejja bi pjanijiet għall-bini ta’ żewġ ċentri oħrajn ġodda li se jsiru fir-Rabat u fil-Kottonera. Għaddejjin ukoll pjanijiet sabiex tirdoppja l-kapaċità fiċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni tal-Imsida u St Andrews.
L-Enemalta għaddejja wkoll bi pjan aċċellerat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha, fejn kull sena qed jiġu kkummissjonati medja ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida, u jsiru għadd t’upgrades f’substations differenti. Qegħdin jitpoġġew ukoll għadd ta’ feeders li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi, u kilometri ta’ cables oħrajn fuq livell ta’ 11kV u 33kV. Barra minn hekk, l-Enemalta għaddejja wkoll bi proġett t’automation, li huwa mmirat biex is-substations tagħha jkunu jistgħu jiġu kkontrollati miċ-ċenrtu ta’ kontroll fil-Marsa, u f’każ ta’ ħsara, fejn ikun possibbli jonqos il-ħin t’interruzzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12277 u 12539 u jgħid jekk l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport f'Malta (AIMS) bdietx topera, u jekk iva jgħid:
a. minn fejn qiegħda topera;
b. kemm hu l-budget tagħha; u
ċ. kemm għandha impjegati magħha u f'liema skali u pożizzjonijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-awtorità msemmija qed topera b’mod regolari fejn qed taħdem ma' diversi istituzzjonijiet biex tibni sistema edukattiva għal taħriġ lil persuni sportivi. Għaddejin ukoll diskussjonijiet neċessarji sabiex l-awtorità msemmija jkollha uffiċju permanenti. It-total ta’ budget li mistenni jkun allokat hu ta’ madwar €1,000,000 (Miljun Ewro) filwaqt li bħalissa l-awtorità għandha 8 impjegati li jinkludu CEO, Diretturi, Heads, Officer u Messaġġier.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12554 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11668, filwaqt li huwa apprezzat ix-xogħol li jagħmel l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-eżerċizzju importanti taċ-ċensiment, peress li dan huwa eżerċizzju li sar sentejn ilu u ma jerġax isir fil-futur qarib, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni mitluba aġġornata sal-lum tistax tinkiseb mir-rekords ta' Identità (eks Identity Malta), u jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni residenti f'Malta u f’Għawdex sal-aħħar ta’ Settembru 2023 (jew l-iżjed data riċenti li għaliha din l-informazzjoni hija disponibbli)? Jista' jara li din il-figura tinkludi persuni kemm ’il fuq minn 18-il sena u kemm taħt it-18-il sena u kemm dawk ta' nazzjonalità Maltija u barranija, kif ukoll dawk residenti fi djar tal-anzjani (pubbliċi u privati), sptarijiet (pubbliċi u privati), fiċ-ċentri miftuħa, ċentri ta' detenzjoni u fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Barra minn hekk jista’ wkoll jaqsam dawn il-figuri skont il-lokalità, f'dan il-format: (Lokalità; Maltin <18-il sena ; Maltin >18-il sena ; Barranin <18-il sena ; Barranin >18-il sena?
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12606 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tender documents kollha, ta' kull stadju tal-proġett tal-Waste-to-Energy facility imħabbar għall-Magħtab?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'forma ta' kuntratt u/jew relazzjoni għandu ċ-ċiklista li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u kemm jiswa dan il-kuntratt?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-individwu msemmi għandu kuntratt ta’ sena biex jagħti pariri lill-Awtorità dwar l-attività tal-marketing fl-isfera internazzjonali taċ-ċikliżmu. Dan il-kuntratt jiswa €20,000.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12520, jista' l-Ministru jgħid jekk it-talba daħlitx għand l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) permezz ta’ email jew b'xi formola apposta? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll fejn kien avżat kif jagħmel din it-talba l-"pubbliku inġenerali"?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hi prassi li hekk kif toqrob id-data tal-kunċert, l-entità kkonċernata tibda tirċievi talbiet għal biljetti permezz tat-telefon u in persona. Il-biljetti jitqassmu “on a first come first served basis” sakemm il-biljetti jiġu eżawriti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12519, jista' l-Ministru jagħti break down ta' kif tqassmu l-ammonti ta' biljetti bejn l-entitajiet, stakeholders u l-pubbliku inġenerali, u liema kienu dawn l-entitajiet u l-ammont li ħadet kull entità?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jinżamm l-ebda rendikont lil min ikunu ngħataw il-biljetti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12519, jista' l-Ministru jgħid jekk il-biljetti ġewx provduti b'xejn mill-organizzaturi jew kinux mixtrija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), u jekk kienu mixtrija, kemm kien l-ammont li tħallas f'kull kunċert imsemmi?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda ħlas għal tali biljetti.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12519, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm minn dawn il-biljetti li ngħataw lill-impjegati tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew impjegati jew persons/positions of trust tas-Segretarjat tiegħu jew ta' Segretarjati ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari oħra? Jekk iva, kemm kienu jammontaw f'kull każ, u jekk f'kull każ kinux jikkwalifikaw għalihom il-ħaddiema kollha?
Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabbli fl-Enemalta għal kif u meta l-Enemalta tixtri l-elettriku (mill-Interconnector, mill-Electrogas, u mingħand Shanghai Electric)? Tista’ tgħid ukoll jekk hemm xi kumitat apposta, xi forma ta' Electricity/Energy Procurement Committee u jekk iva, minn min hu kompost?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xiri tal-elettriku mill-Enemalta jsir mis-sezzjoni tal-Energy Trading fi ħdan il-kumpanija. L-Enemalta għandha Risk Management Committee kompost minn erba’ membri minn fost it-tmexxija għolja tal-entità.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-faċilità Waste-to-Energy fil-Magħtab għandhiex proċess ta' carbon capture, u kemm hu mistenni li jkunu l-emissjonijiet tal-karbonju (CO2 emission) tal-faċilità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant Waste to Energy ser jagħti kontribut pożittiv ħafna fejn jidħlu l-emissjonijiet. Kuntrarjament għal impjanti ewlenin li jipproduċu l-enerġija dan l-impjant ma jużax fjuwils konvenzjonali magħrufa bħala fossil fuels, li huma l-akbar sors ta’ gassijiet serra globalment. Il-Waste to Energy se juża skart mhux riċiklabbli biex jipproduċi l-enerġija. Għalkemm bħal impjanti oħra m’għandux carbon capture technology, dan l-impjant ser ikun mgħammar b’teknoloġiji li jiżguraw trattament ta’ dan l-iskart li se jkun ħafna iktar effettiv meta mqabbel mal-prattiċi preżenti, jiġifieri l-użu ta’ landfills.
Tista' l-Ministru tagħti break down ta' kif tinqasam l-offerta finali li rebħet it-tender CT3032/2022 dwar il-Waste-to-Energy facility fil-Magħtab, li ġie rappurtat li taqbeż is-€600 miljun, u allura tgħid eżatt kemm hi n-nefqa għall-kostruzzjoni tal-impjant, nefqiet kapitali oħra, in-nefqa tal-operat u kif tinqasam, eċċ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ akkwist għall-imsemmi proġett għadu għaddej u bħalissa jinsab fil-perjodu tal-appelli, u sakemm jiġi konkluż il-WasteServ ma tistax tipprovdi dettalji kif tinqasam l-offerta finali li rebħet it-tender. Minkejja dan, l-istima tal-proġett hija magħmula minn tliet komponenti: 1) Kapital ta’ €214-il miljun; 2) Spejjeż operattivi ta’ €181 miljun għal 20 sena; u 3) ħlas fiss ta’ tunnellaġġ ta’ skart ta’ €40/tunnellata li jammonta għal €154 miljun fuq medda ta’ 20 sena.