Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta u Għawdex — Pedestrian overpass lifts - Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15807 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15417, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid għal kull wieħed mill-pedestrian overpass lifts li hawn f'Malta u f’Għawdex, kemm kien hemm rapporti li ma kienx qed jiffunzjona minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Każ tal-għoti tal-liċenzji tas-sewqan

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15920, jista’ l-Ministru jgħid x'bi beħsiebu jagħmel biex isir magħruf kemm hawn nies isuqu bil-liċenzja tas-sewqan fit-toroq tagħna li possibbilment ma jikkwalifikawx għaliha u allura qed ikunu ta' periklu fit-triq għalihom infushom u għal ħaddiehor? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jikkonferma li ma qed isir l-ebda tentattiv biex dawn jiġu identifikati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15575.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Bejgħ ta’ prodotti li saru minn priġunieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba sar bejgħ mill-gabbana ta' quddiem il-ħabs ta' xogħol li jkun sar mill-priġunieri,bħalma jsir bil-qagħaq fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira? Jista' jgħid għal kull waħda minn dawn l-attivitajiet kemm inġabru flus, u fejn marru jew intużaw dawn il-flus? Jista' jgħid ukoll jekk inħarġux irċevuti għall-bejgħ minn din il-gabbana f'kull attività msemmija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li din l-inizjattiva ssir bħala parti mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-persuni li qed jiskontaw sentenza. Dawn il-persuni mhux sempliċiment qed jaħdmu fl-industrija tal-ħabs iżda fuq kollox qed jakkwistaw ħiliet li se jużaw malli jiskontaw is-sentenzi tagħhom. Infurmat li fis-sena l-2023 kien hemm bejgħ ta’ €105,249.03. Minn dan l-ammont iridu jitnaqqsu l-ispejjeż bħax-xiri tal-materjal u anke l-pagi tal-ħaddiema marbuta ma’ din l-attività. Infurmat li mill-bilanċ li jifdal ingħataw donazzjonijiet lil numru ta’ inizjattivi filantropiċi fosthom lill-Istrina u Puttinu Cares, u parti oħra ġew re-investiti fl-industrija tal-ħabs stess. Infurmat li l-Aġenzija ħallset il-VAT fuq dan il-bejgħ.

Awtorità tad-Djar — Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet dwar rapporti li saru lill-Awtorità tad-Djar mill-inkwilini tal-appartament li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li qed jikru dan l-appartament mingħand l-Awtorità tad-Djar, li tikrieh mingħand il-privat, u li hemm dubji kbar dwar is-sigurtà tiegħu wara li dehru xi konsenturi fil-ħitan?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l Awtorità tad-Djar irċeviet rapport wieħed fuq dan l-appartament. Saret l-ispezzjoni minn barra, però dan ma setax isir minn ġewwa minħabba li l-inkwilin ma kienx disponibbli. Minn dakinhar ma sar l-ebda rapport ieħor fuq il-post imsemmi.

Triq tal-Barrani — Pjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-junctions li hemm magħluqa bil-konkos f'Tal-Barrani huwiex beħsiebu li jibqgħu hekk b'mod permanenti? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' kif inhu ppjanat li jkun finalizzat il-pjan tat-triq bejn ir-roundabout ta' Santa Luċija, u l-junction li tagħti għal Kappella ta' Santu Kristu f'Ħal Għaxaq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward il-junctions imsemmija fil-mistoqsija parlamentari 16092, Infrastructure Malta qed tevalwa numru ta’ proposti biex tittejjeb l-aċċessibilità għall-lokalitajiet fl-inħawi. Fil-gimgħat li ġejjin, l-istess proposti ser jiġu diskussi mal-Kunsilli Lokali kkonċernati u eventwalment jitressqu quddiem l-Awtorità tat-Trasport għall-kunsiderazzjoni tal-istess Awtorità.

Kappara Junction – Cycle lane

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat li s-cycle lane tat-triq tal-Kappara tkun magħquda mar-roundabout tal-iskate-park, u/jew mal-Università ta' Malta, biex tkun tista' taqdi l-funzjoni tagħha u tipprovdi rotta sigura għal min irid imur l-Università bir-rota?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba restrizzjonijiet ta’ spazju, ikun diffiċli li wieħed jgħaqqad is-cycle lane in kwistjoni mal-Iskate Park u l-Universita’ b’mod sigur. Wieħed għandu jinkoraġġixxi l-użu ta‘ rotot oħrajn li jgħaddu minn toroq inqas traffikużi.

Bus Shelters — Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Transport Malta dwar il-bus shelters? Jista' jgħid ukoll min ser ikun responsabbli tal-bus shelters il-ġodda, u min ser ikun responsabbli tal-manutenzjoni tal-bus shelters?

Response (BONETT, CHRIS)

Is-sena l-oħra intlaħaq ftehim li permezz tiegħu ir-responsabiltà għat-twaqqif ta’ bus shelters ġodda, kif ukoll il-manutenzjoni tal-bus shelters għaddiet għand il-Kunsilli Lokali.

Bus Shelters — Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet bejn l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Transport Malta dwar il-bus shelters? Jista' jgħid ukoll min ser ikun responsabbli tal-bus shelters il-ġodda, u min ser ikun responsabbli tal-manutenzjoni tal-bus shelters?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, li t-taħditiet qegħdin jirrevedu programm ta’ installazzjoni tal-Bus Shelters abbażi tal-użu tagħhom. Intant infurmat li r-responsabbiltà kemm tal-manutenzjoni, kif ukoll tal-installar tal-bus shelters hija tal-Kunsilli Lokali.

Infrastructure Malta – Lista tat-toroq li saru

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tat-toroq kollha li saru minn Infrastructure Malta mit-twaqqif tagħha sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma lokalità b'lokalità, kif ukoll jipprovdi ma' kull triq min kien il-kuntrattur li ħa ħsieb ix-xogħlijiet, kemm kien stmat li ser jiswa l-proġett, kemm finalment sewa l-proġett, kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej (f'każ li kien), kif ukoll meta beda u meta tlesta x-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment qed iħalli l-frott mixtieq, b’diversi toroq residenzjali diġà mibnijin mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Infrastructure Malta qiegħda tikkollabora mal-entitajiet rispettivi biex qabel ma jsir il-wiċċ tat-triq jiġu mtejbin jew mibdulin, skont ma jkun meħtieġ, is-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi li hemm għaddejjin minn taħt l-art, bħal sistemi tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, spralli u pajpijiet għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u servizzi oħrajn tat-telekomunikazzjoni. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11727.

Trenching and Excavation guidelines

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15652, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Trenching Excavation guidelines li qed jirreferi għalihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li jinsabu aċċessibbli wkoll pubblikament fuq il-website ta' Transport Malta.

Grants ta’ muturi elettriċi — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-aħħar applikazzjonijiet għal grants ta’ muturi elettriċi li ġew proċessati u approvati (eż. dawk li applikaw sa Diċembru 2023)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin jiġu ipproċessati u approvati l-applikazzjonijiet għal grants ta’ muturi elettriċi għal dawk li applikaw lejn l-aħħar ta’ 2023.

Grants ta’ roti elettriċi — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-aħħar applikazzjonijiet għal grants ta’ roti elettriċi li ġew proċessati u approvati (eż. dawk li applikaw sa Diċembru 2023)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin jiġu ipproċessati u approvati l-applikazzjonijiet għal grants għal roti elettriċi għal dawk li applikaw lejn l-aħħar ta’ 2023. Jiena infurmat li l-Awtorità ħadmet sabiex il-proċess isir aktar effiċjenti. Fost it-titjib li sar, ninnota li l-applikazzjonijiet issa huma aċċessibbli onlajn u b’hekk tnaqqas il-ħin sabiex l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati u mħallsa.

Grants għal karozzi elettriċi — Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-aħħar applikazzjonijiet approvati ta' grants għal karozzi elettriċi li tħallsu lill-benefiċċjarji (eż. dawk tal-karozzi li nxtraw sa Ottubru tal-2023)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qeghdin jitħallsu dawk l-applikazzjonijiet għal grants ta’ vetturi elettriċi li applikaw lejn l-aħħar ta’ 2023. Jiena infurmat li l-Awtorità ħadmet sabiex il-proċess isir aktar effiċjenti. Fost it-titjib li sar, ninnota li l-applikazzjonijiet issa huma aċċessibbli onlajn u b’hekk tnaqqas il-ħin sabiex l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati u mħallsa.

Grants ta’ muturi elettriċi — Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-aħħar applikazzjonijiet approvati ta' grants għal muturi elettriċi li tħallsu lill-benefiċċjarji (eż. dawk tal-muturi li nxtraw sa Ottubru tal-2023)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qeghdin jitħallsu dawk l-applikazzjonijiet għal grants ta’ muturi elettriċi li applikaw lejn l-aħħar ta’ 2023. Jiena infurmat li l-Awtorità ħadmet sabiex il-proċess isir aktar effiċjenti. Fost it-titjib li sar, ninnota li l-applikazzjonijiet issa huma aċċessibbli onlajn u b’hekk tnaqqas il-ħin sabiex l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati u mħallsa.

Grants għal roti elettriċi — Applikazzjonijiet approvati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-aħħar applikazzjonijiet approvati ta' grants għal roti elettriċi li tħallsu lill-benefiċċjarji (eż. dawk tar-roti li nxtraw sa Ottubru tal-2023)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qeghdin jitħallsu dawk l-applikazzjonijiet għal grants ta’ roti elettriċi li applikaw lejn l-aħħar ta’ 2023. Jiena infurmat li l-Awtorità ħadmet sabiex il-proċess isir aktar effiċjenti. Fost it-titjib li sar, ninnota li l-applikazzjonijiet issa huma aċċessibbli onlajn u b’hekk tnaqqas il-ħin sabiex l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati u mħallsa.

European Bicycle Declaration

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Malta iffirmatx il-European Bicycle Declaration, li qed titlob strateġija komuni Ewropea għal promozzjoni taċ-ċikliżmu u sabiex l-2024 tkun nominata bħala s-Sena Ewropea għaċ-Ċikliżmu? Jekk iva, jista' jgħid meta, u jekk le, jista' jgħid għaliex jew hemmx ħsieb li dan isir fil-qrib?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-European Bicycle Declaration għadha qed tiġi diskussa f’ istituzzjonijiet Ewropej u għaldaqstant għadha mhix iffinalizzata. Hu mistenni li tiġi adottata waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Ministri tat-Trasport tal-UE skedata li ssir f’April.

Ħaż-Żebbuġ – Blokk A, Triq il-Qolla – Ilma fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn mill-blokka tal-housing li tlestiet riċenti fi Blokk A, Triq il-Qolla, Ħaż-Żebbuġ qed jiġu ppumpjati kwantitajiet kbar ta' ilma fit-triq? Jista' jgħid x'inhu dan l-ilma, u jekk l-Awtorità hijiex infurmata min qed jitfgħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt din l-informazzjoni lill-entità ikkonċernatabiex il-każ jiġi mistħarreġ.

Malta u Għawdex — Pedestrian overpass lifts - Rapporti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15417, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid għal kull wieħed mill-pedestrian overpass lifts li hawn f'Malta u f’Għawdex, kemm kien hemm rapporti li ma kienx qed jiffunzjona minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

INDIS Malta Ltd — Allokazzjoni ta' art lill-Aquaculture Resource Ltd

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15448, jista' l-Ministru jgħid liema artikli mill-Att imsemmi jipprekluduh milli jagħti din l-informazzjoni?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.