Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kawżi ta’ mwiet f’Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11788, fejn intqal li: “Dan huwa eżerċizzju li jieħu ħafna ħin u jkun disponibbli bejn l-aħħar ta’ din is-sena u l-bidu tas-sena d-dieħla.” u fid-dawl li issa nbdiet sena ġdida, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-kawżi tal-imwiet għas-sena 2022?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, in-numru ta' persuni residenti f’Malta u Għawdex li mietu fis-sena 2022 skont il-kawża tal-mewt, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infrastructure Malta – Lista tat-toroq li saru

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16111, peress li t-tweġiba tagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11727 li tipprovdi biss lista ta' toroq li fihom sar l-asfaltar, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16111 fl-intier tagħha u mal-lista jgħid ukoll min kien il-kuntrattur li ħa ħsieb ix-xogħlijiet, kemm kien stmat li ser jiswa l-proġett, kemm finalment sewa l-proġett, kemm minnhom kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej (f'każ li kienu), kif ukoll meta beda u meta tlesta x-xogħol, kif ukoll jagħti l-lokalità ta' kull triq imsemmija, hekk kif jeżistu diversi toroq bl-istess isem f'lokalitajiet differenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta, minn meta bdiet topera, investiet il-fuq min mitt miljun ewro fis-sena f’interventi infrastrutturali madwar il-pajjiż, b’iżjed min 1200 proġett differenti jiġu konklużi bejn 2019 u 2023. Infrastructure Malta tibqa’ twettaq proġett wara ieħor li jkompli jipprepara lil Malta għal-lum u l-futur; proġetti li gvernijiet ta’ qabel l-2013 ma kellux ir-rieda u l-viżjoni li jwettaqhom u dejjem ħares band’oħra meta affaċjat bi pressjoni Malta tagħmel il-pass li jmiss. Ser nibqgħu nieħdu deċiżjonijiet li ħaddieħor evita b’mod konvenjenti.

Protokoll dwar l-użu ta’ sireni mill-uffiċjali ta’ Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tal-infurzar ta' Transport Malta humiex koperti mil-liġi jekk jiksru xi sinjali jew regolamenti tat-traffiku f'każ ta' emerġenza u jkunu qed jużaw is-sirena/dawl blue, bħalma huma koperti l-Pulizija u l-Ambulanzi? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra liema Avviż Legali jew artikolu fil-Liġi joffri din il-protezzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ufficjali tal-Awtorità huma koperti bl-L.S. 65.11 Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur sabiex jintervjenu f’każ ta’ emerġenza u jużaw il-mezzi ta’ twissija akustiċi u dawl blu li jteptep.

Malta u Għawdex — Pedestrian overpass lifts - Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15807 u 16182 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15417, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid għal kull wieħed mill-pedestrian overpass lifts li hawn f'Malta u f’Għawdex, kemm kien hemm rapporti li ma kienx qed jiffunzjona minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif qed jinġabar.

Multi pendenti — Skemi/arranġamenti ta’ ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx skemi jew isirux xi arranġamenti, biex min ikollu ammont sostanzjali ta' multi pendenti, ikun jista' jħallashom bin-nifs? Jew irid isir il-ħlas kollu qabel tkun tista' tinħareġ liċenzja?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Bejgħ ta’ prodotti li saru minn priġunieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16249 dwar bejgħ mill-gabbana ta' quddiem il-ħabs, ta' xogħol li jkun sar mill-priġunieri, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid ukoll kemm kien il-bejgħ fis-snin ta' qabel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li din l-inizjattiva ssir bħala parti mill-proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-persuni li qed jiskontaw sentenza. Dawn il-persuni mhux sempliċiment qed jaħdmu fl-industrija tal-ħabs iżda fuq kollox qed jakkwistaw ħiliet li se jużaw malli jiskontaw is-sentenzi tagħhom. Infurmat li fis-sena 2023 kien hemm bejgħ ta’ €105,249.03 u spejjez ta’ €74,388.47, għal profitt ta’ €30,860.56. L-ispejjez jinkludu x-xiri ta’ materjal kemm dak marbut mat-tisjir u dak marbut ma’ pakkeġjar u dak li hemm bżonn għall-prodott finali, għodda, tiswijiet, spejjeż ta’ ħaddiema tal-Aġenzija, u permessi. Infurmat li fis-sena 2022 kien hemm bejgħ ta’ €67,325.00 u spejjez ta’ €32,965.57, għal profitt ta’ €34,359.43. L-ispejje¿ jinkludu x-xiri ta’ materjal kemm dak marbut mat-tisjir u dak marbut mall-pakkegjar u dak li hemm bżonn għall-prodott finali, għodda, tiswijiet, spejjeż ta’ ħaddiema tal-Aġenzija, u permessi. Kien ġest sabiħ li minn dawn il-fondi ngħataw ukoll donazzjonijiet lil numru ta’ inizjattivi filantropiċi fosthom lill-Istrina u Puttinu Cares. Dawn kienu jammontaw €8,556 għall-Istrina fis-sena 2022 u, €1,558 għall-Istrina u €3,293.00 għall-Puttinu fis-sena 2023. Infurmat li ma dawn l-ammonti tal-Istrina kien hemm ukoll ġabra mill-priġunieri nfushom, kkordinata mill-Kummissarju għall-ħarsien tal-priġunieri.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Bejgħ ta’ prodotti li saru minn priġunieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16249 dwar bejgħ mill-gabbana ta' quddiem il-ħabs, ta' xogħol li jkun sar mill-priġunieri, jista' l-Ministru jagħti break down ta' kemm kienu l-ispejjeż tax-xiri ta' materjal, kemm ammontaw il-pagi tal-ħaddiema, kemm ingħataw f'donazzjonijiet lil kull entità li bbenefikat, u kemm ġew rinvestiti fil-ħabs stess u b'liema mod?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lil Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16592.

Proċess biex jitneħħew parkeġġi riservati personalizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess li bih jitneħħa parkeġġ riservat personalizzat f'każ li l-persuna li tkun kwalifikat għalih tiġi nieqsa? Jista’ jgħid ukoll kif isir il-monitoraġġ u kif l-Awtorità tkun notifikata li tali parkeġġ jista' jerġa' jsir pubbliku?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Policy rigward parkeġġi riservati kemm komunali kif ukoll personalizzati u li tispeċifika l-proċedura sabiex dawn jitneħħew.

Parkeġġi riservati personalizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn parkeġġi riservati personalizzati u jaqsam l-informazzjoni lokalità lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista attwali tal-parkeġġi riservati personalizzati maqsuma skont il-lokalità.

Permessi għal parkeġġi riservati personalizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi għal parkeġġi riservati personalizzati kull sena mill-2010 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lil Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12028 u 12538. Matul l-2023 inħarġu 424 permess u matul l-2024 inħarġu 40 permess.

Ħaż-Żebbuġ – Blokk A, Triq il-Qolla – Ħruġ ta’ Ilma fit-triq

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15722, peress li sat-12 ta' Frar is-sitwazzjoni ma nbidlitx u għadu qed jiġi ppumpjat kwantità ta' ilma fit-triq, jista' l-Ministru jgħid lil liema entità rrefera l-każ u x'kien l-eżitu tal-istħarriġ tagħha?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li minn stħarriġ li sar dalgħodu stess u li qed nippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra jidher li ma hemm l-ebda ilma li qed jiġi ppumpjat fl-imsemmija triq.

Birżebbuġa — Triq Alessandru - Problema ta’ vultaġġ baxx tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi indirizzata l-problema ta' vultaġġ baxx tal-elettriku fi Triq Alessandru, Birżebbuġa? Tista' tgħid ukoll xi pjan hemm biex din is-sitwazzjoni titranġa u meta huwa mistenni li din il-problema tkun solvuta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona indikata, matul is-sena li għaddiet l-Enemalta żiedet żewġ feeders ġodda li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumatur. Din is-sena qed ikun ippjanat li jinbidlu diversi linji biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni fl-istess żona.

Electric Car Charging points mingħajr ħlas

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk illum hawnx Electric Car Charging points li wieħed jista' juża biex jiċċarġja l-karozza elettrika tiegħu mingħajr ħlas, u jekk iva fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Electric Car Charging Points f’Malta u Għawdex llum huma kollha bi ħlas.

Electric Car Charging points mingħajr ħlas sal-2022

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sal-2022 kienx hawn Electric Car Charging points li wieħed kien jista' juża' biex jiċċarġja l-karozza elettrika tiegħu mingħajr ħlas, u jekk iva fejn kienu jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4785.

Swieqi-San Ġiljan — Junction il-ġdida

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-junction il-ġdida mħabbra għal Swieqi-San Ġiljan? Jista' wkoll juri r-rotta li minnha jistgħu jgħaddu r-roti li jkunu jridu jgħaddu minn din il-junction?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti proposti li se jiġu mressqa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fil-ġranet li ġejjin. Fost l-oħrajn, f'dawn il-pjanti qed tiġi indikata r-rotta ta' mobiltà attiva b'bankini ġodda u crossings li se jkunu disponibbli għal min irid jaqsam min-naħa tas-Swieqi għal San Ġiljan u viċi versa.

Vetturi bil-Y-plates — Public Service Garage

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk operatur ta' vetturi bil-Y-plates, li jopera minn karozza waħda sa erbgħa, għandux bżonn Public Service Garage (PSG) jew le?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li operatur ta’ vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri għandu l-bżonn li jissodisfa l-kriterji elenkati fir-Regolamenti 5(d) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.68 sabiex jkun jista’ jopera minn vettura waħda sa erba’.

Vetturi bil-Y-plates – Rekwiżiti u permessi biex jopera minn garage privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti u l-permessi li għandu bżonn, biex operatur ta' vetturi bil-Y-plates, li jopera minn karozza waħda sa erbgħa, jopera mill-garage privat tiegħu, dejjem meta dan il-garage ikun jista' jakkomoda l-karozzi kollha li qed jopera bihom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li operatur ta’ vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri għandu bżonn jissodisfa l-kriterji elenkati fir-Regolamenti 5(d) tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 499.68 sabiex jkun jista’ jopera minn vettura waħda sa erba’. L-istess Leġislazzjoni Sussidjarja tipprovdi li l-faċilità fejn dawn it-tip ta’ vetturi jistgħu jiġu ggaraxxjati għandu jkun post li mhux fit-triq, u li fih l-ipparkjar jew l-iggaraxxjar fih ta’ vetturi bil-mutur huwa permissibbli.

Parkeġġi riservati personalizzati — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy li biha persuna tikkwalifika għal parkeġġ riservat personalizzat? Jista’ jgħid ukoll x'inhuma l-kriterji biex tali permess jinħareġ?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-Avviż Legali 174 tal-2018, sabiex persuna tikkwalifika għall-Parkeġġ Riservat Personalizzat trid tkun tuża s-Siġġu tar-Roti jew ikollha Kundizzjoni Inkontrollabbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni li telenka kemm-il policy kif ukoll tispjega l-proċedura.

Ħal Tarxien — Ġnien il-Kunsill Lokali – Dawl adegwat

Question

Tista' l-Ministru tara jekk hux possibbli li Ġnien il-Kunsill Lokali li jinsab f'kantuniera bejn Triq Temi Zammit, Triq Sammat u Triq Santa Monika, f'Ħal Tarxien, jinxtegħel kif xieraq u ma jitħalliex fid-dlam ċappa li jagħti lok għal abbuż?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ġnien indikat huwa responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u li l-Enemalta ma rċeviet l-ebda rapport ta’ qtugħ ta’ dawl.

Ħal Tarxien — Ġnien il-Kunsill Lokali – Dawl adegwat

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li Ġnien il-Kunsill Lokali li jinsab f'kantuniera bejn Triq Temi Zammit, Triq Sammat u Triq Santa Monika, f'Ħal Tarxien, jinxtegħel kif xieraq u ma jitħalliex fid-dlam ċappa li jagħti lok għal abbuż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi skont it-toroq msemmija fl-interpellanza, referenza qed issir għal Ġnien Penza u mhux Ġnien il-Kunsill Lokali. Infurmat mill-istess Kunsill Lokali li l-pjanti għar-rinovar ta’ Ġnien Penza huma lesti u l-proġett huwa pjanat li jsir din is-sena.