Legislature:
Category:
Reset
Active:

Grid tal-Elettriku – Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet tal-NAO

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema mir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar il-grid tal-elettriku ġew implimentati b’mod sħiħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara s-sajf tal-2023, Enemalta aċċellerat programm estensiv ta’ investiment u tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni, b’enfasi fuq iż-żieda fil-kapaċità, ir-reżiljenza u l-ippjanar tan-network għall-ħtiġijiet preżenti u futuri. Dan huwa konformi mad-direzzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. Bejn l-2023 u l-2025, Enemalta wettqet programm ta’ investiment ta’ €141 miljun fin-network tal-elettriku. Fiż-żoni fejn saru xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network, diġà qegħdin jidhru r-riżultati ta’ dawn l-interventi f’network aktar b’saħħtu u b’aktar kapaċità. Madankollu, l-infrastruttura tal-elettriku teħtieġ titjib u investiment kontinwu, partikolarment fid-dawl taż-żieda fid-domanda u l-isfidi li ġġib magħha it-tibdil fil-klima. L-investiment li qed isir huwa wieħed bla preċedent biex nindirizzaw sfidi li sibna u li jeħtieġu azzjoni konkreta. L-investimenti qegħdin isiru fuq diversi livelli tan-network u jinkludu substations ġodda, cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art, low-voltage feeders ġodda, bdil ta’ transformers u modernizzazzjoni ta’ switchgear. Fl-istess waqt saru investimenti fid-distribution centres. Fl-2026 ġew konklużi proġetti fin-Naxxar, is-Siġġiewi u l-Imsida, b’investiment totali ta’ madwar €40 miljun. Fl-Imsida, il-kapaċità installata rdoppjat minn 30MVA għal 60MVA, filwaqt li ċ-ċentri tan-Naxxar u s-Siġġiewi għandhom kapaċità installata ta’ 60MVA kull wieħed. Saru wkoll investimenti f’ċentri ta’ distribuzzjoni eżistenti bħal Bugibba, St. Andrew’s, Ħal Kirkop u fil-Mosta. F’Jannar 2026, Enemalta kompliet issaħħaħ l-ippjanar fit-tul permezz tat-tnedija tal-Pjan ta’ Disa’ Snin, li jistabbilixxi direzzjoni fit-tul għall-iktar tisħiħ tan-network tal-elettriku. F’Għawdex ukoll qed jitmexxew ’il quddiem investimenti strateġiċi, fosthom il-proċess għal żewġ cables ġodda ta’ 33kV bejn Malta u Għawdex, konnessjoni ġdida ppjanata ta’ 132kV, kif ukoll żewġ distribution centres ġodda. L-implimentazzjoni tal-miżuri marbuta mar-rakkomandazzjonijiet tal-NAO għandha titqies fil-kuntest ta’ programm kontinwu ta’ tisħiħ, modernizzazzjoni u ppjanar fit-tul tan-network. L-infrastruttura elettrika mhijiex investiment ta’ darba, iżda teħtieġ proċess kontinwu ta’ tisħiħ u titjib sabiex tibqa’ tlaħħaq maż-żieda fid-domanda, mat-tkabbir ekonomiku, mat-tibdil fil-klima u mal-ħtiġijiet futuri tal-pajjiż.

Armada LNG Mediterrana – Status operattiv u marittimu

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar l-istatus ċertifikat kurrenti tal-bastiment Armada LNG Mediterrana f’dak li jirrigwarda; i.    is-sistema ta’ propulsjoni; ii.    il-ġenerazzjoni tal-elettriku abbord; iii.    il-klassifikazzjoni marittima (class status); u iv.    l-ħajja operattiva residwa (remaining service life) ta’ dan il-bastiment?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni mitluba tirrigwarda l-istatus tekniku u operattiv tal-FSU, li jifforma parti mill-infrastruttura kritika tal-provvista tal-enerġija, u għaldaqstant hija ta’ natura sensittiva u tqajjem kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà.

Floating Storage Unit – Assunzjonijiet dwar l-Operabbiltà u Kontinġenzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara l-maltempati Helios u Harry sarx rikalkolu formali tal-assunzjonijiet dwar l-operabbiltà tal-Floating Storage Unit (FSU) f’kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u l-valutazzjoni ta’ kontinġenzi multipli simultanji (compound contingencies)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Delimara 4 – Outage tat-Turbina tal-Fwar

Question

Tista’ l-Ministru tindika meta ma kinitx qed topera (outage) it-turbina tal-fwar ta’ Delimara 4 (D4), matul l-2024 u għall-istess perjodu tgħid: i.    kemm kien twil dan il-perjodu; ii.    kemm kienet il-kapaċità f’MW li baqgħet disponibbli minn D4 f'dan il-perjodu; iii.    kemm ġew iġġenerati megawatt-siegħa (MWh) matul dan il-perjodu; u iv.    kemm kien il-volum totali ta’ gass ikkonsmat matul dan il-perjodu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li: i.            Matul l-2024, it-turbina tal-fwar ta’ D4 twaqqfet skont ma hija l-prassi li jiġri wara 60,000 siegħa t’operat effettiv, biex saritilha manutenzjoni preventiva estensiva li damet għal 33 ġurnata; ii.            Il-kapaċità disponibbli minn D4 f'dan il-perjodu kienet ta’ 100.5MW; iii.            Matul dan il-perjodu ġew iġġenerati 65,169.5 MWh minn D4 (minn kapaċità disponibbli ta’ 80,260.39 MWh); iv.            Il-volum totali ta’ gass ikkonsmat minn D4 matul dan il-perjodu kien madwar 705,250MMBtu.

Bastimenti tal-LNG – Dħul għal Servizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dħul/sejħa (call) ta’ bastimenti tal-LNG kienet għal provvista ordinarja (normal replenishment), u kemm minnhom saru għal servizzi oħra bħal dħul ta’ gass (gas-up), tkessiħ (cool-down), ġestjoni ta’ fdal ta’ gass likwidu (heeling) jew operazzjonijiet tekniċi oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta għandha x’taqsam biss mas-sejħa tal-provvista ordinarja tal-LNG fejn kien hemm 67 sejħa.

LNG – Kunsinni Ship-to-Ship

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dettaljat dwar kull kunsinna minn vapur għal vapur (Ship-to-Ship / STS delivery) li saret bejn l-2022 u l-2026, u għal kull kunsinna, tindika: i.    l-istokk tal-bidu (opening stock); ii.    il-kwantità trasferita; iii.    l-istokk tal-għeluq (closing stock); u iv.    l-livell minimu ta’ stokk irreġistrat qabel il-wasla tal-kunsinna ta’ wara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Armada LNG Mediterrana – Inventarju Fiżiku tal-LNG

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-inventarju fiżiku attwali ta’ gass naturali likwifikat (LNG) abbord il-bastiment Armada LNG Mediterrana fil-mument tal-quċċata ta’ 741 MW, eskluż kwalunkwe volum ta’ LNG li kien ikkalkulat biss minħabba li kien fi tranżitu (in transit)?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni mitluba f’din il-mistoqsija parlamentari hija ta’ natura sensittiva għas-sigurtà nazzjonali. L-Onor. Interpellant diġà ġie kuntattjat personalment, f’dan ir-rigward.

Interconnector – Kapaċità Kontinwa u ta’ Emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-kapaċitajiet uffiċjali kontinwi u dawk ta’ emerġenza (continuous and emergency ratings) tal-Interconnector, u tindika għal kemm ħin huwa permess operazzjoni fil-livell ta’ madwar 225 MW?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li 225MW hija l-kapaċitá kontinwa tal-Interconnector u allura m’hemmx limitu ta’ ħin fuq dan il-livell.

Domanda Massima għall-Elettriku – Riżerva Residwa u Kontinġenza N-1

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’kienet il-kontinġenza formali N-1 definita għal dak il-perjodu tal-ogħla domanda (peak demand), u x’kien il-livell eżatt ta’ riżerva residwa (residual reserve) li kien fadal wara li ġiet ikkunsidrata din il-kontinġenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2531.

Domanda Massima għall-Elettriku – Sajf 2026

Question

Tista’ l-Ministru tgħid il-ħin eżatt meta d-domanda tal-elettriku laħqet il-quċċata (peak) ta’ 741 MW dan is-sajf, kemm kien il-volum ta’ megawatts (MW) iġġenerati rispettivament minn: i.    Delimara 3 (D3), ii.    Delimara 4 (D4), iii.    l-Interconnector, iv.    Sistemi Fotovoltajċi (PV), u v.    minn impjanti ta’ ġenerazzjoni temporanji jew ta’ emerġenza jew impjanti oħra? Tista’ tgħid ukoll kemm kien fadal kapaċità fissa u disponibbli mhux użata (unused firm MW) minn kull sors ta' ġenereazzjoni msemmi, f’dak il-ħin partikolari tal-quċċata (peak demand)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ogħla domanda laħqet is-741MW fit-22 ta’ Lulju 2026, fit-15:27. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamara li turi d-domanda u l-kapaċità residwa minn kull sors ta’ ġenerazzjoni.

Delimara – Provvista ta’ New Water

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li jibda jiġi provdut is-servizz tal-ilma tan-New Water fl-inħawi tad-Delimara fid-dawl li l-kaxxi għas-servizz u l-katusi ilhom f'posthom għal numru ta’ snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-servizz fl-inħawi indikati mistenni jkun komplut fix-xhur li ġejjin. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li kull bidwi li għandu aċċess jista’ jagħmel użu minn dan is-servizz minn kull dispenser attiv fin-network.

Ħal Luqa - Triq il-Gudja - Disinn tal-bankina u spazji għall-parkeġġ mitlufa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’partijiet mill-bankina fi Triq il-Gudja, f’Ħal Luqa, saret usa’ minn partijiet oħra, b’tali mod li ntilfu numru ta’ parkeġġi? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tad-disinn finali tat-triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta, permezz tal-kuntrattur maħtur minnha, wettqet ir-rikostruzzjoni u t-titjib ta’ Triq il-Gudja, Ħal Luqa, bħala parti mill-iskema “Vjal Kulħadd”, bil-għan li din it-triq issir aktar aċċessibbli għall-utenti kollha tat-triq, b’attenzjoni partikolari u prijorita mogħtija lill-utenti vulnerabbli, fosthom il-persuni li jimxu u ċ-ċiklisti. Peress li t-triq hija twila madwar 780 metru, ġentilment qed jintalab li l-Onorevoli Interpellant jindika ż-żona jew is-sezzjoni speċifika tat-triq li għaliha qed issir referenza f’din il-Mistoqsija Parlamentari. Din il-kjarifika tippermetti lil din l-Aġenzija tidentifika b’mod aktar preċiż il-post inkwistjoni u, għaldaqstant, tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u preċiża relatata maż-żona kkonċernata.

Il-Belt Valletta - Konġestjoni ta’ turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex titrażżan b’mod effettiv il-konġestjoni qawwija ta’ turisti fiċ-ċentru tal-Belt Valletta, fejn, minħabba n-numru kbir ta’ persuni u mwejjed li jitqiegħdu fit-toroq, l-aċċess għall-pubbliku sar diffiċli ħafna?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Enemalta – Cables f'żoni storiċi u żoni ta' konservazzjoni urbana

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk f'żoni storiċi u żoni ta' konservazzjoni urbana, hux il-prassi li l-Enemalta tħalli cables telgħin b'dan il-mod mal-bini (ritratt anness)? Tista' tgħid ukoll x'sar mill-policy imħabbra fil-passat li f'dawn iż-żoni l-cables jitniżżlu taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Artikolu 4(1) tal-Kapitolu 81 tal-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxi kif l-infrastruttura tas-servizzi tista’ tiġi installata. Il-liġi ma timponix obbligu ġenerali li tali infrastruttura titqiegħed taħt l-art. Ix-xogħlijiet tal-Enemalta jsiru skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-permessi applikabbli, fejn tali permessi jkunu meħtieġa. Il-politika tal-kumpanija tibqa’ li, fejn hu teknikament possibbli u operattivament fattibbli, aktar infrastruttura elettrika titqiegħed taħt l-art, inkluż f’żoni storiċi u żoni ta’ konservazzjoni urbana. Madankollu, il-mod kif titqiegħed l-infrastruttura jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ u jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi partikolari tas-sit, fosthom il-konfigurazzjoni tat-triq u tal-bini, l-ispazju disponibbli għal servizzi taħt l-art, il-preżenza ta’ infrastruttura eżistenti ta’ utilitajiet oħrajn, konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u aċċessibbiltà, kif ukoll il-ħtieġa li tinżamm l-affidabbiltà u l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku.

Infrastructure Malta – Bini ta’ ħitan

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn Infrastructure Malta qed tibni tip ta' ħitan bi blokok kbar tal-ġebel (ritratt anness), minflok b'ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fejn hemm għelieqi għola mil-livell tat-triq, qegħdin jitpoġġew il-blokok tal-ġebel bħala sistema tal-qlugħ għall-ħamrija (retaining wall), inkella dawn jispiċċaw kollha għal ġot-triq mal-ewwel xita. Fuq barra ta’ dawn il-blokki u ‘l fuq minnhom għad irid jitkompla l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ. Jekk wieħed isuq it-tul kollu tat-triq fejn hemm ħitan li diġa’ tlestew, jinduna li kullimkien qed jinbnew ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa, li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti.

Transport Malta – Bini ta’ ħitan

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn Transport Malta qed tibni tip ta' ħitan bi blokok kbar tal-ġebel (ritratt anness), minflok b'ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill- Ministru kkonċernat.

BCA – Reklami u spots ta’ informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni (BCA) għal reklami jew spots ta' informazzjoni kull sena, minn kemm ilha li twaqqfet l-Awtorità fl-2021? Jista’ jgħid ukoll, skont il-każ, fuq liema media saru u kemm tħallset kull mediahouse/gazzetta/stazzjon tar-radju/stazzjon tat-televiżjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Stabbilimenti u każini – Mużika qawwija – Ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa x'ħin tista' tindaqq mużika qawwija minn stabbilimenti jew każini, kemm matul is-sena, kemm f'avvenimenti speċjali bħall-aħħar tas-sena u l-Milied, u kemm fi żminijiet partikolari bħal żmien il-festa? Jista' jgħid ukoll jekk issirx differenza bejn stabbilimenti skont il-post fejn qegħdin (żona residenzjali jew le)?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għal avvenimenti ta’ darba fuq ġewwa, organizzati fi stabbilimenti jew każini, li jinvolvu daqq ta’ mużika, dawn huma rregolati mill-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Liċenzji Kummerċjali (Kap. 441 tal-Liġijiet ta’ Malta), sakemm il-post ma jkunx diġà liċenzjat għal dak it-tip ta’ divertiment. F’dawn il-każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-Pulizija. Dawn l-avvenimenti jistgħu jibqgħu għaddejjin sas-2:00 ta’ filgħodu, sakemm il-permess maħruġ mill-Pulizija ma jispeċifikax ħin aktar kmieni. Il-Pulizija tista’ wkoll timponi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra fil-permess, li għandhom jiġu osservati mill-organizzaturi.

Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Problemi ta’ vultaġġ u qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ u qtugħ ta' dawl? Tista' tgħid ukoll kemm-il rapport kien hemm dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta wettqet diversi xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Ħal Qormi u fl-inħawi tal-madwar matul l-aħħar snin, u se tkompli tagħmel aktar investimenti biex tkompli ssaħħaħ in-network fil-lokalità. Billi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, hija waħda distributorja u twila mhux ħażin tant li hija fornuta minn diversi substations, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika ż-żona konċernata b’mod aktar speċifiku.

FIAU – Impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time fi ħdan il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) bħala: i.    Ekonomisti; ii.   Avukati; iii.   Accountants; iv.   IT Professionals; u v.    Inġiniera?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: IMPJEGAT NUMRU Ekonomisti 0 Avukati 14 Accountants 10 IT Professionals 12 Inġiniera 0