Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi tal-linja — Rotot

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18063 u għal kull rotta tal-karozzi tal-linja jgħid, kemm-il darba karozza tal-linja ħarġet tard u kemm-il darba ma ħarġitx fuq ir-rotta, għal kull xahar minn Marzu 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament għal kull rotta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq — Sit ta’ Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17713 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1924, rigward is-sit ta’ Żona Speċjali ta' Konservazzjoni fl-inħawi ta' Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet fuq il-bieb li kien infetaħ illegalment u li ġie mistoqsi dwaru f'din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'ġie konkluż mill-investigazzjonijiet li l-Ministru kien semma dakinhar, hekk kif issa għaddew kważi sentejn minn din il-mistoqsija parlamentari u din l-illegalità għadha hemm?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ żvilupp mingħajr permess jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Transport Malta – Policy tal-irtirar qabel il-65 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy għal dawk l-impjegati ta' Transport Malta li jilħqu l-età tal-irtirar qabel il-65 sena? Jista’ jgħid jekk hux l-impjegati kollha jiġu mġedda għal sena, jew jiddependi mill-individwu? Jista’ jgħid ukoll x'inhuma l-kriterji li bihom persuna titħalla tkompli u ħaddieħor le? Kien hemm tibdil f'din il-policy fl-aħħar tliet snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Mosta — Triq Pantar - Xogħlijiet ippjanati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17812, tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha, u tgħid ukoll kif u meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol fi Triq Pantar, il-Mosta fl-istadji u l-fażijiet differenti tiegħu? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li jkun lest dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Onor. Interpellant għandu r-risposta sħiħa tiegħi fil-mistoqsija parlametnari 17812. Kif spjegajtlu f’dik it-tweġiba x-xogħlijiet qegħdin isiru minn Infrastrutcure Malta u allura għandu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Transport Malta — Roadblocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il roadblock sar minn Transport Malta, separatament għal kull lokalità f'Malta u f'Għawdex, għal kull xahar minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enforcement Units f’ Transport Malta, b’mod regolari jagħmlu Road Checks kontinwi fuq vetturi li jinsabu fit-toroq. Barra minn hekk Transport Malta jassistu wkoll lill-awtoritajiet oħra meta jkun hemm il-ħtieġa għas-servizz tagħhom.

LPTS Y-Plates — Permessi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed joħorġu permessi tal-Light Passenger Transport System (LPTS) Y-Plates fejn is-sit li jkun ġie reġistrat għal parkeġġ mhux fit-triq ikunu supermarkets u/jew parking areas kummerċjali? Jekk iva, jista' jgħid kemm hemm minn dawn il-permessi fuq siti ta' dan it-tip? Jista' jgħid ukoll jekk dawn il-parking spaces humiex dedikati matul il-ġurnata kollha għal dawn il-vetturi kif jitolbu r-regolamenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport f’Malta qiegħda toħroġ il-liċenzja tal-operatur għal servizzi ta’ ġarr ta’ passiġġieri b’vetturi żgħar (Y-plates) skont il-provvedimenti taħt Taqsima II tal-leġislazzjoni sussidjarja 499.68. Is-sit fejn jiġu ggaraxxjati dawn it-tip ta’ vetturi jrid ikun dikjarat mill-operatur u kkonfermat mill-Perit fir-rapport tiegħu li għandu l-permessi rilevanti tal-awtorità tal-ippjanar.

Transport Malta – Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret minn Transport Malta fuq karozzi tal-linja, fuq minibuses tal-passiġġieri, u fuq coaches, separatament għal kull xahar minn Marzu 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Roadblocks — Armata u Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il roadblock sar mill-Armata u mill-Pulizija, separatament għal kull distrett f'Malta u f'Għawdex, għal kull xahar minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi f’kull xahar fil-perjodu ta’ bejn Jannar 2023 u l-aħħar ta’ Marzu 2024, in-numru ta’ roadblocks li saru mill-Pulizija tad-Distrett kien kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra. Ma’ dawn kien hemm mija u tlieta u disgħin roadblock li saru minn taqsimiet oħra tal-Pulizija fl-istess perjodu. 33 roadblock saru konġuntament mal-Forzi Armati ta’ Malta.

Università ta' Malta — Ingaġġ ta' lecturers tal-Malti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti separatament, kemm-il ingaġġ ta': a. lecturer tal-Malti u b. visiting lecturer tal-Malti għamlet l-Università ta' Malta mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mingħajr sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Università ta' Malta — Ingaġġ ta' lecturers tal-Ingliż

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, separatament, kemm-il ingaġġ ta': a. lecturer tal-Ingliż u b. visiting lecturer tal-Ingliż għamlet l-Università ta' Malta mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mingħajr sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Università ta' Malta — Ingaġġ ta' lecturers tal-Ekonomija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, separatament, kemm-il ingaġġ ta': a. lecturer tal-Ekonomija u b. visiting lecturer tal-Ekonomija għamlet l-Università ta' Malta mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mingħajr sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Università ta' Malta — Ingaġġ ta' lecturers fil-Fakultà tal-Liġi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, separatament, kemm-il ingaġġ ta': a. lecturer fil-Fakultà tal-Liġi u b. visiting lecturer fil-Fakultà tal-Liġi għamlet l-Università ta' Malta mill-2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mingħajr sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Transport Malta – Tiġdid ta’ reġistrazzjoni ta’ dgħajjes żgħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta għadhiex tinforma lis-sidien ta' dgħajjes żgħar meta jkun wasal iż-żmien biex iġeddu r-reġistrazzjoni tad-dgħajsa tagħhom? Jekk iva, b'liema mezzi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta tibgħat notifika lis-sidien bil-posta madwar xahrejn qabel id-data tal-iskadenza tar-reġistrazzjoni tad-dgħajsa.

Karozzi tal-linja — Rotot

Question

Jista' l-Ministru għal kull rotta tal-karozzi tal-linja jgħid, kemm-il darba karozza tal-linja ħarġet tard u kemm-il darba ma ħarġitx fuq ir-rotta, għal kull xahar minn Marzu 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament għal kull rotta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Is-Swieqi – Ħsara fil-pont

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'surveys jew testijiet saru fuq il-ħsara u qsim li jidher li żviluppaw fuq il-pont tas-Swieqi u x'kien ir-riżultat tagħhom? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-bżonn jew il-ħsieb li jsir intervent biex ma jkunx hemm periklu għall-ħajjiet tan-nies?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma estensiva ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq toroq arterjali u distributorji matul il-lejl. Il-ħidma, li qed issir biex il-ħsarat li ġġarrab l-infrastruttura ma tkomplix tidħol fil-fond, bdiet f’Novembru u ser tissokta sa Mejju li ġej. F’dawn is-seba’ xhur ser ikunu saru xogħlijiet f’34 triq fuq medda ta’ 13-il kilometru. Il-programm ta’ ħidma kien jaħseb ukoll biex Infrastructure Malta tagħmel intervent ta’ manutenzjoni f’partijiet differenti tal-wiċċ tat-triq ta’ Mikiel Anton Vassalli, inkluż fil-parti li tmiss mal-pont tas-Swieqi. Ix-xogħlijiet, li bdew fit-2 t’April u ser jibqgħu għaddejjin sat-18 t’April mifruxin fuq jiem differenti, jinkorporaw ħidma fuq iż-żewġ karreġġjati. Bejn it-2 u l-5 t’April saru xogħlijiet t’asfalt f’parti mill-karreġġjata fid-direzzjoni lejn is-Swieqi ta’ Triq Mikiel Anton Vassalli, San Ġiljan. Bejn id-9 u t’18 t’April ser isiru xogħlijiet fil-parti li tmiss mal-pont tas-Swieqi. Din il-manutenzjoni pjanata, tinkludi intervent fejn se tinbena transition slab, permezz t’estensjoni tal-gverta tal-konkos f’forma ta’ feles minn fuq l-appoġġi tal-pont biex id-differenza fil-materjal tkun gradwali. Ix-xogħlijiet ser jikkonsistu minn tqaxxir tal-wiċċ, tpoġġija ta’ ħadid, u jingħata l-konkos ta’ din il-gverta. Fuqha tinbena f’saffi l-parti tat-triq affettwata minn dan l-intervent. Għalkemm ma jeżistux perikli imminenti fuq l-istruttura tal-pont antik dan ser ikun fil-qalba ta’ proġett akbar għaż-żona, hekk kif imħabbar f’Jannar li għaddha. Il-pont ser ikun qed jitneħħa u minflok isiru strutturi ġodda li jtejbu u jiffaċilitaw l-aċċess għaż-żoni ta’ Swieqi u San Ġiljan, kemm bil-pass u anke għall-vetturi. L-applikazzjoni għal dan il-proġett f’żona kruċjali f’pajjiżna ġiet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq — Sit ta’ Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1924, rigward is-sit ta’ Żona Speċjali ta' Konservazzjoni fl-inħawi ta' Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet fuq il-bieb li kien infetaħ illegalment u li ġie mistoqsi dwaru f'din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'ġie konkluż mill-investigazzjonijiet li l-Ministru kien semma dakinhar, hekk kif issa għaddew kważi sentejn minn din il-mistoqsija parlamentari u din l-illegalità għadha hemm?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Solar Battery Charging Carports

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4785 u 16310, tista' l-Ministru tgħid jekk dawn it-tliet Solar Battery Charging Carports li qed tirreferi għalihom għadhomx kollha joperaw u għadhomx kollha mingħajr ħlas?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-tliet Solar Battery Charging Carports li qed jirreferi għalihom ġew installati pilastri tal-iċċarġjar ġodda. Dawn iddaħħlu fis-sistema ‘Charge My Ride’ u t-tariffi applikabbli huma dawk stabbiliti għall-punti tal-iċċarġjar kollha fis-sistema pubblika.