Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proprjetà tal-Gvern — Azzjoni ta’ infurzar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19504 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18815, issa li l-proprjetà tal-Gvern fis-sit ta’ Żona Speċjali ta' Konservazzjoni fl-inħawi ta' Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq ġiet mikrija lill-persuna inkwistjoni wara ħruġ b'tender, jista' l-Ministru jispjega jekk hux se jitteħdu passi dwar l-illegalità u allura tieqaf l-azzjoni tal-infurzar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 18815.

Transport Malta — Kuntratti ta' karozzi tal-kiri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16899, jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji differenti ta' karozzi tal-kiri li Transport Malta għandha kuntratt fis-seħħ magħhom u għal kull waħda jgħid meta beda dan il-kuntratt, meta jiskadi, u kif ingħata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għandha kuntratt fis-seħħ ma Princess Operations Ltd, Altour, 2000 Ltd, MSG Car Hire u Burmarrad Commercials. Dawn il-kuntratti bdew bejn l- 2015 u l- 2023 u jiskadu sa l-2025 jew sakemm toħroġ sejħa għal offerti ġdida.

LESA — Kuntratt ta' karozzi tal-kiri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16908, jista' l-Ministru jgħid lil min u b'liema mod qed jitħallsu l-pagamenti relatati mal-kuntratt ta' karozzi tal-kiri li għandha fis-seħħ il-LESA - SPD2/2021/042, imsemmi fl-istess tweġiba?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ħlas ta’ tali servizz isir skont id-dokument tal-offerta pubblika. Ukoll infurmat illi l-Aġenzija LESA ddeċidiet li dan isir f’forma ta’ ‘set-off’ ma’ taħrikiet.

Plots Vojta — Rimi ta' Skart

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20013 u jgħid jekk il-kunsilli lokali għadx għandhom il-possibilità li f'każijiet ta' plots vojta fejn ikun qed jintrema l-iskart u s-sid jibqa' ma jagħlaqx il-plot b'ħajt, ikunu jistgħu jagħmlu hekk huma u jiċċarġjaw is-sid tal-ispejjeż, kif kien tħabbar fl-2007?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20014.

In-Naxxar – Vjal il-Labour — Traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet meħtieġa fuq it-traffic lights ta' Vjal il-Labour, in-Naxxar, viċin il-playground tat-tfal, peress li dawn ġarrbu xi ħsarat minn siġra li waqgħet madwar xahrejn ilu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tiswijiet fuq it-traffic lights indikati saru nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju 2024.

Plots vojta — Rimi ta’ skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm obbligu li s-sidien ta' plots vojta, li possibbilment ikun qed jintrema ħafna skart fihom, itellgħu ħajt ta' tmien filati kif kien tħabbar fl-2007? Jista' jgħid ukoll jekk din hux qed tiġi infurzata, u jekk iva, kif?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx obbligu li jittella ħajt madwar plots vojta. Madankollu dan jista’ isir bis-saħħa ta’ L.S.552.08, Klassi 2(ii), mingħajr il-bżonn ta’ permess ta’ żvilupp jew notifika lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jinbena ħajt u jgħalaq art, fiż-żona tal-iżvilupp, li tmiss ma’ triq ufficjali. Skont artikolu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp (KAP. 552) tal-2016, jekk il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar “jidhirlu li l-ġmiel jew siwi ta’ xi żona huwa mħassar bid-dehra jew kondizzjoni strutturali ta’ xi bini jew ta’ xi art, li tkun ġnien, sit vojt jew art oħra fil-beraħ, jew bid-dehra ta’ xi sit fejn ikun qed isir jew sar żvilupp fih jew kostruzzjoni jew xi xogħlijiet oħra, il-Kunsill Eżekuttiv jista’ jinnotifika avviż ta’ twettiq fuq is-sid tal-art jew fuq l-okkupant tal-art jew fuq il-persuna responsabbli għal azzjonijiet imsemmija fl-avviż jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom, kif il-Kunsill Eżekuttiv jidhirlu l-aktar spedjenti, li fih ikun meħtieġ li jittieħdu dawk il-passi biex titnaqqas il-ħsara kif jista’ jiġi speċifikat fl-avviż.”

Vetturi bil-‘GY’ u ‘LY’ plates – Garaxxijiet u parkeġġi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16912, jista' l-Ministru jagħti l-indirizzi tas-seba’ garaxxijiet użati minn operaturi li għandhom aktar minn 50 vettura imsemmija fit-tweġiba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament it-tlett operaturi imsemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16912 għandhom issegwenti garaxxijiet. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

EpiPen – Out of Stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li l-EpiPen tat-tfal ħafna drabi tkun out of stock u l-ġenituri ta' dawn it-tfal ikollhom isiefru jew jiddependu fuq xi ħadd li jkun imsiefer biex jakkwistawha minn xi pajjiż ieħor? Jista' jgħid xi pjan għandu biex din is-sitwazzjoni titranġa? Jista' jgħid ukoll jekk il-Gvern hux beħsiebu jintervjeni biex jara li mediċini indispensabbli bħal din, li għal dawn it-tfal hija d-differenza bejn ħajja u mewt, ikunu dejjem disponibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi l-EpiPen hi fornuta mill-privat u jista’ jkun li xi kultant ma tkunx disponibbli minħabba short shelf life. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jikkunsidra li jixtri din il-mediċina u tipoġġa taħt Schedule V.

Vetturi bil-‘Y Plate’ — Infurzar

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir l-infurzar meħtieġ fuq numru kbir ta' vetturi b'LY plates li qegħdin ikunu pparkjati f'parkeġġi pubbliċi fit-triq, fi Triq San Anard, f'San Ġwann?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ttieħdet nota tas-suġġeriment.

Ċittadinanza Maltija — Każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema proċess akkwista ċ-ċittadinanza Maltija l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk ġiet akkwistata bl-iskema taċ-ċittadinanza b'investiment, jista' jgħid min kien l-aġent u s-subaġent għaliha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li din il-persuna ġiet naturaliżżata bħala ċittadin Malti bis-saħħa tad-dispozzizzjonijiet tal-artiklu 10(1) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija.

Triq tal-Barrani — Pjan

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16092 dwar junctions li hemm magħluqa bil-konkos f'Tal-Barrani, jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar il-proposti u l-konsultazzjonijiet imsemmija? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjani finalizzati għal dawn il-junctions?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward il-junctions imsemmija fil-mistoqsija parlamentari 16092, Infrastructure Malta qed tikkonkludi l-istudji u il-pjanti tal-proposta finali, filwaqt li tagħmel kordinazzjoni ma’ entitajiet differenti, sabiex tittejjeb l-aċċessibilità għal-lokalitajiet fl-inħawi. L-aħħar pjanti ser ikunu qed jiġu diskussi mal-Kunsill Lokali qabel jitressqu quddiem l-Awtorità tat-Trasport għal-kunsiderazzjoni tal-istess Awtorità.

Plots vojta — Rimi ta’ skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali għadx għandhom il-possibilità li f'każijiet ta' plots vojta fejn ikun qed jintrema l-iskart u s-sid jibqa' ma jagħlaqx il-plot b'ħajt, ikunu jistgħu jagħmlu hekk huma u jiċċarġjaw is-sid tal-ispejjeż, kif kien tħabbar fl-2007?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-data tad-deadline intern ma waslitx l-informazzjoni kollha rikjesta.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Kuntratti ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kuntratti għandu l-Ministeru, u/jew kull entità li taqa' taħtu, mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kemm jiswa kull kuntratt u b'liema mod ingħata (direct order, tender, quotations, eċċ.)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Ministeru għat-Transport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u/jew kull entità li taqa’ taħtu, m’għandhomx kuntratti mal-kumpanija msemmija.

Boat parties – livell tal-mużika ġewwa l-port

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19085, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet li jsiru fil-permess ta' dawn it-tip ta' boat parties, inkluż il-kundizzjonijiet tal-livell tal-mużika?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-organiżżaturi tal-boat parties huma meħtieġa li jinnotifikaw formalment lill-Awtorità tal-Port għall-awtoriżżazzjoni, u meħtieġa jikkonformaw mal-Avviż lill-Baħħara relatat u l-kundizzjonijiet tal-permess inkluż il-livelli tal-mużika. L-Ispettorat tal-Port u l-Martime Enforcement Unit jagħmlu spezzjoni ad hoc biex jiżguraw il-konformità.

San Ġiljan – Triq Paceville — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19036 u jgħid meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol fi Triq Paceville, San Ġiljan, hekk kif din ilha xhur magħluqa minħabba xogħlijiet li qed isiru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill- Onor Interpellant li ix-xogħlijiet jikkonsistu fi tliet fazijiet ewlenin. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet tul l-ewwel fażi fi Triq Paceville bejn Triq Gort u Triq Wilga, San Giljan. Ix-xogħlijiet f’kull fażi jinkludu; • Kostruzzjoni ta 'sistema ġdida tad-drenaġġ bil-gravità • Kostruzzjoni ta' sistema ġdida ghal gbir ta ilma tax-xita • Titjib tas-sistema tal-ilma tax-xorb • Titjib tas-sistema tal-ippumpjar tad-drenaġġ • Tisħiħ tas-Sistema Elettrika tal-Enemalta • Titjib tar-rotot tat-Telekomunikazzjoni • Rikostruzzjoni ta' formazzjoni ta' triq • Xogħlijiet ta’ tisbiħ li jinvolvu l-aġġornament tal-materjali tal-bankina, riabilitazzjoni tal-iskema tal-pajsaġġ bl-introduzzjoni ta’ diversi siġar u għamara tat-triq ġdida. Ix-xogħlijiet tul il-fażi 1 bdew lejn l-aħħar ta’ Frar-2024, it-triq mhix magħluqa għal kollox iżda parti minnha u t-traffiku qed jiġi ddevjat kif xieraq, l-aċċess pedonali dejjem jingħata tul it-triq kollha. Ix-xogħlijiet huma skedati li jitlestew fil-bidu tas-sena 2025.

Qorti – Rakkomandazzjonijiet għal tibdil biex jiġu aġġudikati kumpensi għal danni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 18745 u 19189 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport jew rakkomandazzjonijiet li kienu saru mill-Kummissjoni li kienet tħabbret li twaqqfet lura f'April 2014, biex tirrakkomanda tibdil fil-mod kif il-Qrati jaġġudikaw kumpens għal danni inkluż danni morali, immexxija mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u l-membri li d-dettalji tagħhom ukoll qed jingħataw separatament?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Proprjetà tal-Gvern — Azzjoni ta’ infurzar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18815, issa li l-proprjetà tal-Gvern fis-sit ta’ Żona Speċjali ta' Konservazzjoni fl-inħawi ta' Ħas-Saptan/Ħal Għaxaq ġiet mikrija lill-persuna inkwistjoni wara ħruġ b'tender, jista' l-Ministru jispjega jekk hux se jitteħdu passi dwar l-illegalità u allura tieqaf l-azzjoni tal-infurzar?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Kuntratti ma’ kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’kuntratti għandu l-Ministeru, u/jew kull entità li taqa' taħtha, mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kemm jiswa kull kuntratt u b'liema mod ingħata (direct order, tender, quotations, eċċ.)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoin tal-Port il-Kbir u l-entitajiet li jaqgħu taħtu jeżisti kuntratt wieħed mal-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament. Dan il-kuntratt dirett, li jappartjeni lil Project Green, jipprovdi għal assistenza u pariri legali. Il-kuntratt huwa effettiv għal perjodu ta’ sena mill-14 ta’ Frar 2024 u l-valur massimu tiegħu huwa ta’ €42,000 (VAT eskluża).

Ministeru għall-Finanzi – Kuntratti ma’ kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kuntratti għandu l-Ministeru, u/jew kull entità li taqa' taħtu, mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kemm jiswa kull kuntratt u b'liema mod ingħata (direct order, tender, quotations, eċċ.)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija msemmija fil-mistoqsija ma ngħatat ebda kuntratt mill-Ministeru għall-Finanzi u/jew id-dekasteru tiegħu.